All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Article
L‑isfida tal‑bidla fil‑klima, u dak li nagħmlu dwaru, se tagħti tifsira lilna, lill‑era tagħna, u fl‑aħħar nett, lill‑wirt globali tagħna
Segretarju Ġenerali tan‑NU Ban‑Ki‑Moon
Is‑samit irriżulta fil‑Konvenzjoni Qafas tan‑Nazzjonijiet Uniti dwar il‑Bidla fil‑Klima (United Nations Framework Convention on Climate Change — UNFCCC) li tifforma il‑bażi ġuridika għall‑isforzi globali biex tiġi indirizzata il‑bidla fil‑klima. Laqgħat tal‑Konvenzjoni, magħrufin bħala Konferenzi tal‑Partijiet (Conferences of the Parties — COPs), ilhom isiru ta’ kull sena sa mill‑1994.
Il‑Protokoll ta’ Kyoto, iffirmat fl‑1997 bħala estensjoni tal‑UNFCCC, huwa l‑ewwel pass fl‑isforz fit‑tul biex jitnaqqsu l‑emissjonijiet li huwa meħtieġ biex jiġu evitati livelli perikolużi ta’ bidla fil‑klima. L‑ewwel perjodu ta’ impenn tal‑protokoll jintemm effettivament fl‑2012 u 'COP 15' huwa mistenni li jipproduċi suċċessur ambizzjuż.
Kyoto huwa sinifikanti għaliex stabbilixxa miri ta’ emissjonijiet obbligatorji għall‑pajjiżi żviluppati li rratifikawh. Pereżempju, il‑15‑il pajjiż li fl‑1997 kienu membri tal‑UE (UE‑15) għandhom mira komuni li jnaqqsu l‑emissjonijiet bi 8 % meta mqabbel mas‑'sena bażi' (1) ta’ Kyoto. Huma għandhom jilħqu din il‑mira matul il‑perjodu tal‑2008–2012 (2).
Il‑pajjiżi huma mistennija li jilħqu l‑miri ta’ Kyoto tagħhom l‑aktar billi jnaqqsu l‑emissjonijiet internament. Madankollu hija disponibbli firxa ta’ alternattivi oħra biex tgħinhom jilħqu l‑mira tagħhom (ara l‑kaxxa: Wassalna sa Kyoto fil‑ħin).
'Kyoto' kien pjuttost kontroversjali l‑aktar għaliex l‑Istati Uniti ma rratifikawhx u għaliex nazzjonijiet li qed jiżviluppaw bħaċ‑Ċina u l‑Indja, li għandhom ekonomiji li qed jiżviluppaw b’ritmu mgħaġġel, m'għandhomx miri skont il‑protokoll.
It‑tim tal‑EEA dwar il‑bidla fil‑klima għandu rwol fl‑isforz Ewropew, billi qed jikkoordina biċċa xogħol ta’ responsabbiltà ta’ proporzjon enormi. Dejta minn madwar l‑Ewropa dwar l‑emissjonijiet ta’ hekk imsejħa gassijiet li jikkawżaw l‑effett serra tinġabar, tiġi verifikata u wara analizzata f’żewġ rapporti ewlenin li jiddaħħlu fil‑proċess ta’ Kyoto.
Din is‑sena, in‑numri u l‑analiżi li huma jiffaċilitaw, għandhom tifsira partikolari fil‑kuntest tal‑laqgħa tal‑COP 15 għaliex juru biċ‑ċar kif sejra l‑UE fl‑isforzi tagħha stess biex tnaqqas l‑emissjonijiet tal‑gassijiet serra. Pajjiżi li ma ffirmawx jew li għad m'għandhomx miri jkunu interessati b’mod partikolari f’kemm l‑UE qed timplimenta tajjeb il‑protokoll.
L‑ewwel rapport tal‑EEA dwar il‑gassijiet serra joħroġ kull rebbiegħa u jissejjaħ ir‑rapport 'inventarju'. Serra f’dan il‑kuntest tirreferi għal kollezzjoni tal‑gassijiet li jbiddlu l‑klima b’mod l‑aktar serju inklużi: dijossidu tal‑karbonju, metanu, ossidu nitruż kif ukoll gassijiet fluworurati. Ir‑rapport ta’ inventarju juri tendenzi nazzjonali: jekk l‑emissjonijiet humiex qed jiżdiedu jew jonqsu. F’kull pajjiż juri minn fejn ġejjin iż‑żieda jew it‑tnaqqis fl‑emissjonijiet.
Kull Stat Membru tal‑UE irid jippreżenta stima tal‑emissjonijiet tiegħu lill‑Kummissjoni Ewropea u lill‑EEA. Ikkunsidra s‑settur tal‑enerġija, li huwa responsabbli għal aktar minn 80 % tat‑total tal‑emissjonijiet ta' gassijiet serra fl‑UE. L‑istatistika dwar l‑użu ta’ enerġija, skont it‑tip ta’ fjuwil, huma immultiplikati b’'fatturi ta’ emissjonijiet' u l‑emissjoni ta’ enerġija hija stmata minn kull pajjiż. L‑emissjonijiet mill‑agrikoltura huma stmati abbażi tal‑medda ta’ ħamrija kkultivata, tip ta’ kultivazzjoni, użu ta' fertilizzant u n‑numru ta’ bhejjem (bhejjem tal‑ifrat, tjur, nagħaġ, ħnieżer, eċċ.) fil‑pajjiż.
Bħalma l‑atleti huma ttestjati regolarment biex ikun żgurat li jkunu qegħdin jobdu r‑regoli, isir monitoraġġ regolari. Id‑dejta tinġabar flimkien biex tifforma stampa sħiħa ta’ emissjonijiet madwar l‑Ewropa u din tintbagħat lill‑Kummissjoni Ewropea, minn fejn tingħadda bħala l‑preżentazzjoni uffiċjali tal‑Komunità Ewropea lill‑UNFCCC.
Billi d‑dejta l‑ewwel tiġi vverifikata fuq livell nazzjonali hemm dewmien ta' sena u nofs. L‑aħħar rapport maħruġ f’Ġunju 2008 huwa bbażat fuq dejta mill‑2006. Dan juri li emissjonijiet mill‑UE‑15 kienu 3 % taħt is‑'sena bażi'.
Il‑kunċett tal‑għadd ta’ gassijiet huwa pjuttost astratt. B’riżultat ta’ dan huwa wkoll diffiċli tifhem xi jfissru tnaqqis jew żieda fil‑perċentwal ta' emissjonijiet. Jista' jkun ta' għajnuna jekk timmaġina t‑tnaqqis bħala l‑ġranet tas‑sena. Il‑mira ta’ Kyoto tal‑UE‑15 hija tradotta li tiswa daqs 29 ġurnata ta' emissjonijiet.
Għal kull waħda mill‑5 snin ta’ bejn l‑2008–2012, l‑emissjonijiet tal‑UE‑15 għandhom ikunu bħala medja, 29 ġurnata inqas mil‑livelli tal‑1990. B’dan il‑mod, tnaqqis fl‑emissjonijiet għandu jseħħ b’mod konsistenti għal bosta snin.
L‑aħħar dejta tal‑EEA turi li bejn l‑1990 u l‑2006, tnaqqas ammont ekwivalenti għal għaxart ijiem ta’ emissjonijiet. L‑UE‑15 trid tnaqqas l‑ekwivalenti ta’ 19‑il ġurnata oħra biex tilħaq il‑mira.
Immedjatament wara li jippreżenta r‑rapport 'inventarju', it‑tim dwar il‑bidla fil‑klima tal‑EEA jibda it‑tieni l‑akbar eżerċizzju ta’ rappurtar tiegħu tas‑sena li jilħaq l‑ogħla punt tiegħu fir‑rapport 'Tendenzi u tbassir'. Ir‑rapport huwa ppubblikat fix‑xitwa hekk kif tkun waslet biex issir il‑laqgħa annwali tal‑COP tan‑NU.
Dan ir‑rapport jinkludi analiżi aktar profonda tat‑tendenzi fir‑rigward tal‑emissjonijiet deskritti fl‑ewwel rapport u juri eżatt minn fejn irriżultaw l‑emissjonijiet u t‑tnaqqis fl‑emissjonijiet. Aktar importanti minn hekk, ir‑rapport iħares ’il quddiem u jevalwa tbassir ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fil‑futur sal‑2012 u lil hinn sal‑2020. Din il‑prospettiva futura hija imprezzabbli kemm għat‑turija tal‑kobor tal‑problema fil‑futur kif ukoll għall‑iżvilupp ta’ politika biex tindirizzaha (3).
L‑aħħar rapport ta' Tendenzi u tbassir jikkonferma li l‑UE‑15 naqset l‑emissjonijiet tagħha bi 3 % bejn is‑ 'sena bażi' u l‑2006. Biex jimtela l‑vojt li ser jibqa’, jeħtieġ li jkun hemm taħlita ta’ approċċi, jgħid ir‑rapport.
Sforzi 'interni' eżistenti u ppjanati (li qed iseħħu f’kull pajjiż), mekkaniżmi ta’ Kyoto, żoni ta’ assorbiment (sinks) tal‑karbonju (bħat‑tħawwil ta’ siġar biex jassorbu gassijiet) u kummerċ ta’ krediti tal‑karbonju ser jintużaw kollha u jistgħu jirriżultaw fi tnaqqis potenzjali ta' emissjonijiet ta' 11 % għall‑UE‑15. Madankollu, il‑pajjiżi għandhom jimplimentaw miżuri ppjanati kemm jista’ jkun malajr għax inkella ma jkollhomx impatt fil‑ħin biex jilħqu l‑mira, jgħid ir‑rapport.
Fuq livell nazzjonali, fl‑2006, Franza, il‑Greċja, l‑Iżvezja u r‑Renju Unit kienu diġà laħqu il‑mira ta’ Kyoto tagħhom. L‑Awstrija, il‑Belġju, il‑Finlandja, il‑Ġermanja, l‑Irlanda, il‑Lussemburgu, l‑Olanda u l‑Portugall ibassru li huma ser jilħqu l‑miri tagħhom, iżda tbassir mid‑Danimarka, l‑Italja u Spanja juri li huma mhumiex ser jilħqu l‑miri tagħhom ta’ tnaqqis ta' emissjonijiet.
Wassalna sa Kyoto fil‑ħinL‑emissjonijiet mill‑UE‑15 kienu 3 % taħt il‑livelli tas‑'sena bażi' fl‑2006, skont l‑aħħar dejta tal‑EEA. Pajjiżi li ffirmaw għal Kyoto jridu jagħmlu tnaqqis sostanzjali fl‑emissjonijiet internament. Madankollu, ladarba jkunu ssodisfaw din il‑kundizzjoni, jistgħu wkoll jużaw Mekkaniżmi ta' Kyoto, bħall‑‘Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif’ (Clean Development Mechanism — CDM) u l‑'Implimentazzjoni Konġunta', żewġ skemi li jippermettu li pajjiż jikkumpensa parti mill‑emissjonijiet tiegħu billi jinvesti fi sforzi ta’ tnaqqis band’oħra. L‑'Iskema ta’ Skambju ta’ kwoti ta’ Emissjonijiet' (Emissions Trading Scheme — EU ETS) tal‑UE tirrappreżenta strument ieħor, li jgħin lil industriji jaqtgħu l‑emissjonijiet tagħhom tas‑CO2 b’mod effikaċi f’termini ta’ nfiq. Ġew stabbiliti limiti għas‑siti industrijali kollha li jipproduċu ħafna CO2. Siti li jnaqqsu l‑emissjonijiet taħt l‑'allokazzjoni' tagħhom jistgħu jbigħu l‑bqija bħala kwoti ta’ emissjonijiet lil kumpaniji oħrajn li ma jkunux għamlu tnaqqis biżżejjed. B’dan il‑mod żviluppa suq tal‑karbonju. L‑EU ETS hija stmata bħalissa li tnaqqas l‑emissjonijiet tal‑UE‑15 b’aktar minn 3 % (4). Wara proposta mill‑Kummissjoni Ewropea, l‑EU ETS tista’ titwessa’ biex tinkludi setturi oħrajn, bħall‑avjazzjoni, petrolkimiċi, ammonja u s‑settur tal‑aluminju, kif ukoll gassijiet ġodda, sabiex madwar nofs l‑emissjonijiet tal‑UE kollha jkunu koperti. (5). Matul il‑perjodu ta’ Kyoto (2008–2012), pajjiżi żviluppati jistgħu jinnegozjaw ukoll kwoti ta’ emissjonijiet bejniethom infushom sabiex jilħqu l‑miri nazzjonali tagħhom. |
It‑termini in voga, 'responsabbiltà komuni iżda differenzjata', li tlissnet l‑ewwel darba fis‑Samit dwar id‑Dinja f’Rio, ġiet ripetuta spiss minn dakinhar ’l hawn fil‑gruppi interessati fil‑bidla fil‑klima. F’lingwaġġ sempliċi, il‑frażi tirrifletti l‑fatt li nazzjonijiet żviluppati għandhom responsabbiltà akbar għall‑gassijiet serra fl‑atmosfera tagħna. Dawn il‑pajjiżi ġew industrijalizzati aktar, ħolqu aktar emissjonijiet u għandu jkollhom miri ġuridiċi biex inaqqsu l‑emissjonijiet qabel nazzjonijiet li qed jiżviluppaw.
Irriżulta diffiċli ħafna li ddawwar il‑kunċett f’azzjoni aċċettabli kemm għall‑pajjiżi industrijalizzati kif ukoll għal dawk li għadhom qiegħdin jiżviluppaw. F’Diċembru li ġej, ħidma kbira tal‑COP 15 ser tkun dik li finalment, ir‑retorika tinbidel fi sforz globali għat‑tnaqqis tal‑emissjonijiet. Dan ifisser miri ġodda għat‑tnaqqis ta’ emissjonijiet u aktar importanti minn hekk, l‑involviment tal‑Amerika u nazzjonijiet maġġuri li għadhom qiegħdin jiżviluppaw bħall‑Indja u ċ‑Ċina.
Diġà nafu l‑pożizzjoni tal‑UE fir‑rigward tal‑isforzi futuri għat‑tnaqqis tal‑emissjonijiet: tnaqqis ta’ 20 % fl‑emissjonijiet sal‑2020, li jiżdied għal tnaqqias ta’ 30 % jekk nazzjonijiet żviluppati oħra jiffirmaw f’Kopenħagen. L‑Istati Membri kollha tal‑UE‑27 sejrin ikunu inklużi.
Il‑mira tal‑UE sal‑2020 hija kważi ekwivalenti għat‑tneħħija tal‑emissjonijiet mit‑trasport kollu madwar l‑Ewropa. Immaġina kull trakk, karozza tal‑linja, karozza, trejn, dgħajsa u ajruplan jisparixxu — f’termini ta’ emissjonijiet. Hija mira ambizzjuża, imma hekk għandha tkun għaliex l‑isfida hija waħda serja.
L‑iktar dejta reċenti turi li l‑emissjonijiet globali ta’ CO2 żdiedu għal erba’ darbiet aktar malajr mill‑2000 milli matul id‑deċennju ta’ qabel. Dan it‑tkabbir huwa ogħla mill‑agħar xenarju rrappurtat mill‑Grupp Integovernattiv dwar il‑Bidla fil‑Klima (Intergovernmental Panel on Climate Change — IPCC) fl‑2007. Pajjiżi inqas żviluppati issa qed jarmu aktar CO2 minn pajjiżi żviluppati. Żoni naturali ta’ assorbiment, bħall‑oċeani, li jassorbu s‑CO2, naqsu fl‑effiċjenza tagħhom matul dawn l‑aħħar 50 sena, li jfisser li l‑isforzi tagħna li nnaqqsu emissjonijiet minn attivitajiet umani jridu jkun aktar effikaċi jekk irridu nżommu l‑livelli ta’ CO2 atmosferiċi stabbli.
Il‑konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ azzjoni fir‑rigward tal‑bidla fil‑klima huma enormi kemm finanzjarjament kif ukoll moralment. Huma n‑nies l‑aktar foqra li jbatu l‑ewwel iżda l‑effett wara l‑ieħor li dan iġib miegħu jinħass minna lkoll,' qalet il‑Professoressa Jacqueline McGlade, direttriċi eżekuttiva tal‑EEA.
Hija affermat li 'Il‑bidla fil‑klima tisboq il‑fruntieri politiċi u finanzjarji normali. M’għadhiex kwistjoni ta’ ministru wieħed jew tnejn madwar l‑imwejjed tal‑kabinett nazzjonali. Hija kwistjoni tal‑kapijiet tal‑gvern u għandha tiġi ttrattata bħala tali'.
Referenzi
The Global Carbon Project, 2008. Carbon Budget 2007.
EEA, 2008a. Annual European Community greenhouse gas inventory 1990–2006 and inventory report 2008, EEA Technical Nru 6/2008.
EEA, 2008b. Greenhouse gas
emission trends and projections in Europe 2008, EEA Report Nru
5/2008.
(1) Gassijiet differenti għandhom 'snin bażi' differenti taħt Kyoto. Għad‑dijossidu tal‑karbonju, metanu, u ossidu nitruż (99 % tal‑emissjonijiet kollha) l‑1990 tintuża bħala s‑'sena bażi' għall‑Istati Membri kollha tal‑UE‑15. Għal gassijiet fluworurati, il‑pajjiżi jistgħu jagħżlu sena oħra minflok. Tnax‑il Stat Membru tal‑UE‑15 għażlu l‑1995.
(2) L‑UE‑15 għandhom mira ta’ Kyoto komuni. F’din, kull Stat Membru tal‑UE‑15 għandu mira ta’ tnaqqis differenzjat: uħud għandhom inaqqsu l‑emissjonijiet filwaqt li oħrajn huma permessi żieda limitata. Stati Membri tal‑UE ġodda għandhom miri individwali minbarra Ċipru u Malta, li m’għandhomx miri.
(3) Bil‑ħarsa ’l quddiem tiegħu sal‑2020, ir‑rapport jagħti stima fit‑tul tas‑sitwazzjoni tal‑emissjonijiet fl‑Ewropa. Dan huwa partikolarment rilevanti fil‑kuntest tal‑'pakkett Klima u Enerġija' li qiegħed jiġi propost mill‑Kummissjoni Ewropea, li qiegħed jipproponi miri għall‑2020.
(4) Imqabbel mas‑'sena bażi' ta’ Kyoto.
(5) Attwalment l‑emissjonijiet mill‑avjazzjoni u t‑tbaħħir internazzjonali mhumiex koperti mill‑Protokoll ta' Kyoto jew mid‑dritt Komunitarju.
For references, please go to https://eea.europa.eu./mt/articles/mhix-kwistjoni-ta2019-arja-s127una-biss-iddiplomazija-globali-u-ttfittxija-g127al-successur-talprotokoll-ta2019-kyoto or scan the QR code.
PDF generated on 23 Nov 2024, 04:23 AM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn