All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Article
Il-pajjiżi Ewropej qed jieħdu miżuri drastiċi biex jillimitaw l-impatti ta’ Covid-19 fuq is-saħħa tal-Ewropej u fuq l-ekonomija. Kriżi bħal din għandha t-tendenza li jkollha impatti immedjati u severi fuq popolazzjonijiet sħaħ u fuq l-ekonomija. Meta wieħed iqis il-potenzjal tagħha li taffettwa setturi ekonomiċi ewlenin, il-kriżi tal-coronavirus hija mistennija li tnaqqas xi wħud mill-impatti tal-attivitajiet ekonomiċi fuq l-ambjent u fuq il-klima. Madankollu, xokkijiet kbar u għall-għarrieda b’kost estremament għoli għas-soċjetà mhumiex il-mod kif l-Unjoni Ewropea impenjat ruħha li tittrasforma l-ekonomija tagħha u tikseb newtralità klimatika sal-2050. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Liġi Ewropea dwar il-Klima li ġiet proposta reċentament jappellaw minflok li jkun hemm tnaqqis irreversibbli u gradwali fl-emissjonijiet, filwaqt li tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta, u jiġu appoġġati dawk affettwati.
L-Ewropa, bħall-bqija tad-dinja, qed tiffaċċja kriżi tas-saħħa pubblika bla preċedent, li qed tinfirex b’mod mgħaġġel madwar il-kontinent. L-istazzjonijiet tal-aħbarijiet jirrapportaw aġġornamenti regolari dwar l-għadd ta’ persuni li huma affettwati u li tilfu ħajjithom. L-awtoritajiet Ewropej u dawk nazzjonali ilhom jimplimentaw miżuri drastiċi biex jillimitaw u jnaqqsu l-firxa ta’ Covid-19. Restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, fuq l-ivvjaġġar lejn ix-xogħol u lura u fuq il-laqgħat soċjali qed ikollhom impatti qawwija fuq diversi setturi ekonomiċi ewlenin. Ħafna titjiriet ġew imħassra, u l-iskejjel, ir-ristoranti u l-fruntieri qed jingħalqu. It-terminu “lock-down” jiddeskrivi r-realità l-ġdida f’ħafna pajjiżi Ewropej. U sfortunatament, diġà qed naraw għadd kbir ħafna ta’ vittmi.
L-ewwel u qabel kollox, il-prijorità hija li jiġu mminimizzati l-impatti fuq is-saħħa tal-Ewropej u li jiġi żgurat l-aħjar forniment possibbli ta’ servizzi tas-saħħa lil dawk affettwati, segwit mill-iżgurar ta’ benesseri, inklużi l-impjiegi u l-għajxien.
F’dan il-perjodu diffiċli, l-EEA ġiet mistoqsija f’ħafna okkażjonijiet dwar l-impatt tal-miżuri ta’ Covid-19 fuq l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-UE. Wieħed mill-eżitu mhux maħsuba ta’ xokkijiet soċjoekonomiċi għall-għarrieda bħal dawn jista’ jkun tnaqqis ulterjuri fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Eżiti oħra, bħal tnaqqis temporanju fit-tniġġis tal-arja, ġew osservati wkoll f’ċerti partijiet taċ-Ċina u tal-Ewropa (eż. matul il-perjodu ta’ “lockdown” fit-tramuntana tal-Italja).
Huwa magħruf li esponiment fit-tul għat-tniġġis tal-arja jikkontribwixxi għal kundizzjonijiet kroniċi tal-pulmun u tal-qalb. Minkejja titjib potenzjali fuq medda ta’ żmien qasir fil-kwalità tal-arja f’xi oqsma minħabba miżuri relatati mal-coronavirus, il-persuni b’kundizzjonijiet preeżistenti bħal dawn li kellhom esponiment fit-tul għat-tniġġis tal-arja jistgħu jsiru saħansitra aktar vulnerabbli matul dan il-perjodu.
F’ħafna mir-rapporti tagħna, enfasizzajna r-rabta bejn il-prestazzjoni ekonomika ta’ xi setturi u l-impatti ambjentali. Din il-kriżi attwali hija mistennija li jkollha effett qawwi fuq ix-xejriet tal-produzzjoni u tal-konsum, bħat-tnaqqis fid-domanda fuq il-mobilità, inkluż l-avjazzjoni internazzjonali u l-ivvjaġġar ta’ kuljum lejn ix-xogħol u lura b’karozzi privati. Madankollu, biex ikollna fehim aktar ċar tal-firxa, it-tul, kif ukoll ta’ xi effetti mistennija u mhux mistennija, jeħtieġ li nanalizzaw id-dataf’diversi sferi wara li ngħaddu mill-kriżi. L-EEA qed tippjana li tevalwa dawn ir-rabtiet u se tikkondividi r-riżultati ta’ analiżi bħal din fi żmien opportun.
Madankollu, mingħajr trasformazzjoni fundamentali tas-sistemi tal-produzzjoni u tal-konsum tagħna, kwalunkwe tnaqqis fl-emissjonijiet ikkawżat minn kriżi ekonomika bħal din x’aktarx li jkun għomru qasir u jkollu prezz estremament għoli għas-soċjetà. L-Ewropa għandha l-għan li tikseb newtralità klimatika permezz ta’ tnaqqis irreversibbli u gradwali fl-emissjonijiet u billi tistabbilixxi objettivi fit-tul biex tibni ekonomija reżiljenti u soċjetà reżiljenti u mhux permezz ta’ xokkijiet li jfixklu. Din il-kriżi attwali turi għalfejn neħtieġu wkoll li t-tranżizzjoni tkun waħda ġusta, li toffri opportunitajiet ġodda u tappoġġa lil dawk l-aktar affettwati.
Aktar kmieni dan ix-xahar, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet il-Liġi Ewropea dwar il-Klima, li għandha l-għan li tistabbilixxi qafas fit-tul, filwaqt li tikkumplimenta l-leġiżlazzjoni eżistenti, biex tinkiseb newtralità klimatika fl-Unjoni Ewropea sal-2050. L-Unjoni Ewropea diġà għandha waħda mill-miri l-aktar ambizzjużi biex tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, appoġġata minn pakkett leġiżlattiv komprensiv. Dak li jagħmel din il-proposta unika hu li n-newtralità klimatika sal-2050 issir mira legalment vinkolanti. Meta tiġi adottata, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha se jkunu meħtieġa bil-liġi li jikkonformaw u jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiksbuha.
L-Unjoni Ewropea ilha tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra matul dawn l-aħħar tletin sena. L-aħħar aġġornament tal-EEA juri li fl-2018, l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-UE kienu 23.2 % inqas mil-livelli tal-1990. Isostni wkoll li aktar sforz u miżuri addizzjonali huma meħtieġa biex tinkiseb il-mira attwali sal-2030, stipulata għal “tnaqqis ta’ minn tal-inqas 40 % taħt il-livelli tal-1990”.
Minkejja dan it-tnaqqis, ir-rapport L-Ambjent Ewropew - l-Istat u l-Prospetti 2020 (SOER 2020) isib li l-progress qed jonqos f’oqsma bħat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, l-emissjonijiet industrijali, il-ġenerazzjoni tal-iskart, it-titjib fl-effiċjenza tal-enerġija u s-sehem tal-enerġija rinnovabbli fit-taħlita globali tal-enerġija. SOER 2020 jikkonkludi wkoll li sabiex tiġi indirizzata d-degradazzjoni ambjentali u t-tibdil fil-klima, jeħtieġ li nittrasformaw b’mod fundamentali l-mod li bih nipproduċu u nikkunsmaw l-oġġetti u s-servizzi. Dawn is-sejbiet jikkonfermaw il-ħtieġa urġenti li jitħaffu u jiżdiedu t-tranżizzjonijiet f’sistemi ewlenin, inklużi l-enerġija, l-ikel u l-mobilità.
Il-proposta għal-Liġi Ewropea dwar il-Klima, li hija waħda mill-komponenti ewlenin tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, hija mressqa f’dan l-isfond u tgħolli l-livell ta’ ambizzjoni tal-UE saħansitra ogħla. Il-proposta teħtieġ li l-Kummissjoni Ewropea tirrevedi l-mira attwali sal-2030 u “tesplora għażliet għal mira ġdida sal-2030 ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet minn 50 sa 55 % meta mqabbel mal-1990.” Tispjega wkoll kif il-progress lejn in-newtralità klimatika se jiġi vvalutat regolament, abbażi, fost oħrajn, tar-rapporti tal-EEA. Minbarra l-isforzi ta’ mitigazzjoni, il-proposta tipprevedi valutazzjonijiet regolari ta’ miżuri ta’ adattament tal-klima.
Bħala fornitur ta’ għarfien indipendenti, l-EEA se tappoġġa bis-sħiħ dawn il-proċessi billi tipproduċi valutazzjonijiet regolari tal-progress li jkun sar fl-Ewropa fir-rigward tan-newtralità klimatika.
Dawn l-objettivi klimatiċi ma jistgħux jinkisbu mingħajr ma tiġi indirizzata l-isfida globali tas-sostenibbiltà. Bl-istess mod kif il-Kummissjoni Ewropea qed tressaq inizjattivi oħra taħt il-firxa tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, inkluż dwar l-ekonomija ċirkolari, il-bijodiversità u l-finanzi sostenibbli, ix-xogħol tagħna jindirizza għadd ta’ oqsma biex jappoġġaw tranżizzjonijiet tas-sostenibbiltà.
Anke jekk jirriżulta fi tnaqqis temporanju sinifikanti fl-emissjonijiet, Covid-19 huwa u se jibqa’ kriżi serja tas-saħħa pubblika. Covid-19 u l-impatti varji tiegħu fuq is-soċjetà, ma jistgħu bl-ebda mod jiġu pperċepiti bħala avveniment b’eżiti pożittivi. Anke dawk minna li, abbażi tal-għarfien espert u tal-għarfien tagħna, kienu vokali u appellaw għal bidliet serji fis-sistemi tal-produzzjoni u tal-konsum tagħna, m’għandhomx jaraw il-waqfien massiv tas-soċjetà tagħna bħala soluzzjoni aċċettabbli għall-isfidi urġenti u sistemiċi tas-sostenibbiltà.
Il-mistoqsija tibqa’: Nistgħu niksbu l-miri ambizzjużi tagħna fis-snin li ġejjin, meta se nkunu qed nindirizzaw l-impatti ta’ din il-kriżi maġġuri? Naħseb li nistgħu. Fl-opinjoni tiegħi, tranżizzjoni soċjalment ġusta li tiġi ppjanata u implimentata fuq perjodu ta’ żmien twil hija l-uniku triq ’il quddiem biex tinbena soċjetà reżiljenti b’ekonomija b’saħħitha u sostenibbli. Barra minn hekk, l-investimenti li se nagħmlu biex intaffu l-impatti ekonomiċi ta’ din il-kriżi għandhom ikunu, u jistgħu jkunu, allinjati għalkollox mal-għanijiet ta’ sostenibbiltà fit-tul tagħna. Anke matul dawn iż-żminijiet diffiċli, l-istituzzjonijiet Ewropej ikkonfermaw l-impenn b’saħħtu tagħhom għall-objettivi fit-tul tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Dan se jkun jeħtieġ sħab b’saħħithom, u dan hu eżattament dak li l-EEA għandha l-għan li tkun.
Hans Bruyninckx
Id-Direttur Eżekuttiv tal-EEA
L-editorjal ippubblikat fil-ħarġa ta’ Marzu 2020 tal-Bullettin tal-EEA ta’ 01/2020
For references, please go to https://eea.europa.eu./mt/articles/nirriflettu-fuq-l-ambizzjonijiet-dwar or scan the QR code.
PDF generated on 22 Nov 2024, 01:28 PM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn