All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Article
F’Lulju 2011 xita intensa ħalliet partijiet minn Kopenħagen mgħarrqa. Is-sistemi ta’ drenaġġ urbani ma felħux l-ammont ta’ ilma li niżel f’intensitajiet sa 135mm f’sagħtejn. Il-problemi tal-ilma f’Kopenħagen ma waqfux hemmhekk. Ftit wara l-għarar, partijiet kbar mill-belt kienu affettwati għal ġimgħat sħaħ minn kontaminanti fl-ilma għax-xorb, f’konnessjoni ma’ tiswijiet fil-mejnijiet.
Aktar minn tliet kwarti taċ-ċittadini Ewropej jgħixu f’żoni urbani u jiddependu minn ilma nadif fl-ibliet. Madwar wieħed minn ħamsa tal-ilma ħelu kollu estratt fl-Ewropa iforni sistemi tal-ilma pubbliċi – ilma li jitwassal fid-djar, f’negozji żgħar, f’lukandi, f’uffiċċji, fi sptarijiet, fi skejjel u f’xi industriji.
Li tkun żgurata fornitura kontinwa ta’ ilma nadif għall-pubbliku mhuwiex kompitu sempliċi. Is-sistema tal-ilma jeħtieġ li tikkunsidra ħafna fatturi inkluża l-popolazzjoni u d-daqs tal-familja, bidliet fil-karatteristiċi fiżiċi tas-superfiċi tal-art, l-imġiba tal-konsumatur, domandi fis-settur ekonomiku (bħal attivitajiet turistiċi), il-kompożizzjoni kimika tal-ilma u l-loġistika tal-ħażna u tat-trasport tal-ilma. Għandha wkoll tikkunsidra l-isfidi mit-tibdil fil-klima li jistgħu jinkludu għarar mhux mistennija, perjodi ta’ sħana kbira u perjodi ta’ skarsezza tal-ilma.
Biex ikunu pprevenuti kriżijiet fl-ilma urban, jeħtieġ li nimmaniġġaw ir-riżorsi tal-ilma b’mod effettiv f’kull stadju: mill-fornitura ta’ ilma nadif għall-użijiet differenti tiegħu mill-konsumaturi. Dan jista’ jinvolvi tnaqqis fil-konsum kif ukoll li jinstabu mezzi ġodda ta’ ġbir u użu tal-ilma. L-immaniġġjar tal-ilma għandu jkun ukoll integrat aħjar f’ġestjoni urbana usa’ filwaqt li jiġu kkunsidrati karatteristiċi tal-ambjent lokali.
Avvanzi fit-teknoloġija u sistemi ġodda ta’ pprezzar weħidhom diġà wrew li kienu sinifikanti biex inaqqsu l-ammont ta’ ilma użat minn familji, li huwa tipikament 60-80 % tal-fornitura pubblika tal-ilma fl-Ewropa. Titjib teknoloġiku f’apparat domestiku bħal magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ u magni tal-ħasil tal-platti, pereżempju, għinu biex naqqsu l-użu tal-ilma mingħajr ma kienet meħtieġa bidla fl-imġiba jew fis-sensibilizzazzjoni fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jitrattaw l-ilma.
Titjib aktar sinifikanti huwa wkoll possibbli b’tibdiliet fl-użu tal-ilma għall-iġjene personali, li fil-preżent jokkupa madwar 60% tal-użu tal-ilma fid-djar. Apparat għas-sostituzzjoni ta’ ċisterni f’tojlits, pereżempju, jipprovdi mezz irħis u sempliċi biex l-ilma użat jitnaqqas b’litru wieħed għal kull flaxxjatura. Aġġustamenti minuri għal sistemi ta’ xawers, bħall-aerazzjoni tal-fluss tal-ilma, jistgħu wkoll jirriżultaw f’użu iktar effiċjenti tal-ilma.
Kif stabbilit fid-Direttiva Qafas tal-UE dwar l-Ilma, li torbot il-prezz tal-ilma mal-volum ta’ ilma ikkunsmat jista’ jipprovdi inċentiva għal użu iktar sostenibbli tal-ilma. Fl-Ingilterra u fil-Galles, persuni li joqogħdu fi proprjetajiet bil-miters jużaw medja ta’ 13% inqas ilma minn dawk fi djar mingħajr miters.
Madwar 20% biss tal-ilma użat mis-setturi li jirċievu fornitura ta’ ilma pubbliku huwa infatti kkunsmat.It-80% l-oħra huma rritornati fl-ambjent, primarjament bħala ilma mormi trattat. Superfiċi bil-konkrit u ssiġillati f’ibliet jidderieġu tipikament l-ilma tax-xita lejn in-netwerks ta’ drenaġġ fejn jitħallat mal-ilma mormi. Dan jipprevjeni l-ilma tax-xita milli jinflitra l-ħamrija u milli jifforma parti mill-ħażna tagħna tal-ilma ta’ taħt l-art li tista’ tkun ta’ benefiċċju għalina f’data aktar tard. Xita skulata u ilma mormi ħafna drabi jgħaddu minn impjanti għat-trattament tal-ilma qabel ma jirritornaw lejn ix-xmajjar, ġeneralment il-bogħod mill-ibliet. B’xi bidliet f’sistemi tal-ilma urban, kemm ilma tax-xita kif ukoll ilma mormi li jkun imniġġes inqas jistgħu jiġu rritornati lill-utenti tal-ilma tal-belt.
Waħda minn dawn it-tibdiliet hija l-użu mill-ġdid tal-ilma griż. L-ilma griż jirreferi għall-ilma kollu mormi mid-djar li mhuwiex mit-tojlits, bħal ilma mormi minn banjijiet, xawers, sinkijiet u mill-kċina. Dan l-ilma jista’ jiġi ttrattat direttament fuq il-post jew jitħalla mhux trattat biex jintuża bħala ilma ta’ kwalità inferjuri għal eż. fflaxxjar.
L-ibliet jistgħu ukoll jaħżnu l-ilma tax-xita billi jiġbru ilma tax-xita li jinżel minn bejt jew mid-drajv f’kontenitur riċevitur u dan l-ilma jista’ jintuża għal attivitajiet mhux għax-xorb bħall-ifflaxxjar, il-ħasil tal-karrozzi jew il-ġardinaġġ. Jista’ jitwassal ukoll direttament biex jissupplixxi l-ilma ta’ taħt l-art. Dawn is-sistemi jistgħu jiġu installati fi djar jew negozji u ma jkunux jeħtieġu li utenti tal-ilma jbiddlu x-xejriet tal-konsum tagħhom. Madankollu, jeżistu aktar passi li jistgħu jittieħdu biex il-fornitura tal-ilma tittejjeb qabel tasal f’postijiet domestiċi.
Li l-ilma jinżamm fil-belt billi jitħalla jippenetra l-ħamrija u jakkumula f’korpi tal-ilma jipprovdi ħafna benefiċċji, inkluż li joffri spazju ta’ rikreazzjoni għar-residenti lokali u jgħin biex itaffi t-temperatura f’perjodi ta’ sħana kbira.
(c) ABC Open Wide Bay | flickr.com
L-ilma li jintilef minħabba tnixxijiet jista’ jkun konsiderevoli; fil-Kroazja kważi 40 % tal-fornitura totali tal-ilma jintilef fin-netwerk għat-trasport tal-ilma. Tnixxijiet jistgħu ikunu pprevenuti permezz tal-manutenzjoni u t-tiġdid tan-netwerk tal-ilma, u wkoll permezz tal-użu ta’ teknoloġiji ġodda. Dawn it-teknoloġiji jistgħu jkunu jinvolvu sensers li jirrikonoxxu u jsibu l-ħoss minn tnixxija jew apparat li juża senjalazzjonijiet bir-radju biex jirrintraċċa l-preżenza ta’ ilma li jkun qiegħed iċarċar. Bl-applikazzjoni ta’ dawn it-teknoloġiji, sistemi pubbliċi tal-ilma m’għadhomx meħtieġa jiffaċċjaw it-tagħbija żejda ta’ telf ta’ ilma minħabba tnixxijiet, meta jiġu sodisfatti domandi għall-ilma b’fornituri limitati. It-tiġdid ta’ netwerks tal-ilma, madankollu, jista’ jkun jeħtieġ investimenti sinifikanti fl-infrastruttura.
Biex jintlaħaq użu aktar sostenibbli ta’ fornituri ta’ ilma pubbliku mhijiex meħtieġa biss l-implimentazzjoni ta’ miżuri bħal dawk spjegati fuq, iżda wkoll li titqajjem kuxjenza pubblika dwar kwistjonijiet li jitrattaw il-konservazzjoni tal-ilma.
Diversi mezzi huma disponibbli biex jinfurmaw lil konsumaturi tal-ilma domestiċi, kummerċjali u turistiċi, inklużi websajts, programmi ta’ edukazzjoni tal-iskejjel, fuljetti tal-awtorità lokali u mass medja. L-ekotikkettar tal-apparat u l-ekoċertifikazzjoni tal-lukandi, pereżempju, jista’ wkoll ikollu rwol importanti biex iqajjem sensibilizzazzjoni billi jgħin lil konsumaturi jagħmlu għażliet infurmati dwar l-effiċjenza u l-konservazzjoni tal-ilma.
Użu verament sostenibbli tar-riżorsi tagħna tal-ilma ħelu ma jistax jintlaħaq mingħajr titjib addizzjonali għas-sostenibbiltà tal-użu tal-ilma urban.
For references, please go to https://eea.europa.eu./mt/articles/ilma-fl-ibliet or scan the QR code.
PDF generated on 23 Nov 2024, 02:15 AM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn