All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Article
L-ikel huwa marbut intrinsikament mal-benesseri tal-bniedem. Minbarra l-importanza ta’ ikel tajjeb għal saħħa tajba u l-pjaċir li nieħdu mill-ikel, il-produzzjoni agrikola għandha rwol essenzjali fis-sostenn tal-għajxien ta' individwi u tal-ekonomija usa'.
Iżda l-produzzjoni tal-ikel tikkonsma wkoll ħafna ilma - riżorsa daqstant essenzjali. L-agrikoltura tirrappreżenta 24 % tal-estrazzjoni tal-ilma fl-Ewropa u għalkemm dan ma jidhirx li huwa ammont kbir meta mqabbel mal-44 % estratt għat-tkessiħ tal-ilma fil-produzzjoni tal-enerġija, l-impatt tagħha fuq ir-riżervi huwa bil-bosta akbar. Filwaqt li kważi l-ilma għat-tkessiħ kollu jerġa’ jispiċċa f’xi massa ta’ ilma, fil-każ tal-agrikoltura, iċ-ċifra hija spiss ta’ terz biss.
Barra minn hekk, l-ilma għall-agrikoltura mhuwiex mifrux b'mod ugwali. F’ċerti reġjuni Ewropej tan-Nofsinhar, l-agrikoltura tirrappreżenta aktar minn 80 % tal-estrazzjoni tal-ilma. U l-ogħla livell ta’ estrazzjoni jseħħ tipikament fis-sajf meta l-ilma jkun l-inqas disponibbli, u b’hekk l-impatti detrimentali jkunu fl-aqwa tagħhom.
Ir-rapport reċenti tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (European Environment Agency - EEA), Ir-riżorsi tal-ilma madwar l-Ewropa — niffaċċjaw in-nuqqas ta’ ilma u n-nixfa, jiddeskrivi l-impatti serji tal-estrazzjoni eċċessiva. L-isfruttar żejjed tar-riżorsi jżid il-possibbiltà ta’ nuqqas serju ta’ ilma matul il-perijodi xotti. Iżda jfisser ukoll tnaqqis fil-kwalità tal-ilma (minħabba li s-sustanzi ta’ tniġġis ikunu inqas dilwiti) u r-riskju ta’ intrużjoni ta’ ilma mielaħ fl-ilma ta’ taħt l-art fir-reġjuni kostali. L-ekosistemi tax-xmajjar u tal-lagi wkoll jistgħu jkunu affettwati b’mod sever, billi ssir ħsara fuq jew jinqatlu l-pjanti u l-annimali, meta l-livelli tal-ilma jaqgħu jew jinxfu għal kollox.
Ir-riżultati huma evidenti f’bosta reġjuni Ewropej tan-Nofsinhar. Per eżempju:
Huwa ċar li f’xi partijiet tal-Ewropa, l-użu tal-ilma fl-agrikoltura mhuwiex sejjer jibqa’ sostenibbli fatt li jissuġġerixxi li l-mekkaniżmi regolatorji u ta’ pprezzar naqsu li jissodisfaw it-talba b’mod effettiv.
Il-bdiewa jirrikorru għal metodi ta’ tisqija intensiva bl-ilma minħabba l-qligħ ta’ produttività offruti. Fi Spanja, pereżempju, l-14 % tar-raba saqwi jipproduċi aktar minn 60 % tal-valur totali tal-prodotti agrikoli.
Madankollu, huwa ċar li l-bdiewa jsaqqu biss jekk produzzjoni akbar tisboq l-ispejjeż involuti fl-installazzjoni ta’ sistemi ta’ tisqija u fl-estrazzjoni ta’ ammonti kbar ta’ ilma. F’dan ir-rigward, il-politiki nazzjonali u Ewropej ħolqu inċentivi li mhumiex adattati. Il-bdiewa rari jħallsu l-ispejjeż kollha tar-riżorsi u dawk ambjentali ta’ sistemi kbar ta’ tisqija immaniġġjati pubblikament (l-aktar jekk il-liġijiet li jippreskrivu jew jillimitaw l-estrazzjoni mhumiex infurzati b’mod effettiv). U qabel ma saru riformi reċenti, is-sussidji tal-UE spiss kienu jinċentivaw il-kultivazzjoni bl-użu intensiv tal-ilma.
Il-kwantità ta’ użu tal-ilma li tirriżulta tista’ tkun sorprendenti. Il-WWF analizzat t-tisqija ta’ erba’ kultivazzjonijiet fi Spanja matul l-2004 u sabet li ntużaw 1 biljun m3 ta’ ilma li pproduċew biss ammonti li jaqbżu l-kwoti tal-UE. Dan huwa daqs il-konsum domestiku ta’ aktar minn 16-il miljun persuna.
Il-bidla fil-klima x’aktarx tagħmel is-sitwazzjoni agħar. L-ewwel nett, sjuf aktar sħan u xotti sejrin iżidu l-pressjoni fuq ir-riżorsi tal-ilma. It-tieni, l-UE u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom li l-bijofjuwils għandhom jipprovdu 10 % tal-fjuwil għat-trasport sal-2020. Jekk it-talba dejjem iżjed kbira għall-bijoenerġija tiġi ssodisfata permezz ta’ kultivazzjonijiet tal-enerġija tal-ewwel ġenerazzjoni allura l-użu tal-ilma jikber.
L-agrikoltura tas-saqwi hija essenzjali għall-ekonomiji lokali u nazzjonali f’partijiet tal-Ewropa. F’ċerti żoni, il-waqfien tat-tisqija tista’ twassal għall-abbandun tal-art u tbatija ekonomika serja. Għaldaqstant l-użu tal-ilma għall-agrikoltura għandu jsir aktar effiċjenti mhux biss sabiex ikun żgurat ilma biżżejjed għat-tisqija iżda wkoll għan-nies lokali, għal-ambjent li ma jagħmilx ħsara lis-saħħa u għal setturi ekonomiċi oħrajn.
L-ipprezzar tal-ilma jirrappreżenta l-mekkaniżmu ewlieni sabiex jiġu inċentivati livelli ta’ użu tal-ilma li jibbilanċjaw il-miri ekonomiċi, ambjentali u soċjali tas-soċjetà. Ir-riċerka turi li jekk il-prezzijiet jirriflettu l-ispejjeż reali, l-estrazzjoni illegali tkun ikkontrollata b’mod effettiv, u l-ilma jitħallas skont il-volum allura l-bdiewa jnaqqsu t-tisqija jew jadottaw miżuri sabiex itejbu l-effikaċja fl-użu tal-ilma. Is-sussidji nazzjonali jew mill-UE jistgħu jipprovdu motivi addizzjonali sabiex jiġu adottati tekniki li jiffrankaw l-ilma.
Ladarba l-inċentivi jkunu stabbiliti, il-bdiewa jkunu jistgħu jagħżlu minn firxa ta’ teknoloġiji, prattiki u uċuħ li jnaqqsu l-użu tal-ilma. Għal darb’oħra, il-gvernijiet għandhom rwol fundamentali hawnhekk, billi jipprovdu tagħrif, pariri u edukazzjoni sabiex jiżguraw li l-bdiewa jkunu konxji tal-opzjonijiet, u billi jappoġġjaw riċerki ulterjuri. Għandha tingħata attenzjoni partikolari sabiex ikun żgurat li l-introduzzjoni ta’ uċuħ ta’ enerġija biex ikunu ssodisfati l-miri tal-bijofjuwils isservi sabiex tnaqqas it-talba ta’ ilma għall-agrikoltura, aktar milli żżidha.
Fl-aħħar nett, wara li jkunu saru sforzi biex titnaqqas it-talba, l-irziezet jistgħu jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet ta’ użu ta’ provvisti alternattivi. F’Ċipru u Spanja, pereżempju, l-ilma għar-rimi trattat intuża biex isaqqi kultivazzjonijiet b'riżultati inkoraġġanti.
For references, please go to https://eea.europa.eu./mt/articles/the-water-we-eat or scan the QR code.
PDF generated on 22 Nov 2024, 10:21 PM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn