All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Article
Għaddiet sena eżatt minn meta ħafna pajjiżi fl-Ewropa u fid-dinja kollha implimentaw restrizzjonijiet biex inaqqsu t-tixrid tal-coronavirus. Il-COVID-19 ġab miegħu spiża soċjali u ekonomika enormi. S’issa kien hemm aktar minn 120 miljun persuna fid-dinja kollha li ġew infettati u aktar minn 2.6 miljun tilfu ħajjithom, b’xi gruppi vulnerabbli bħall-anzjani li ġew affettwati aktar minn oħrajn. Il-pandemija laqtet ukoll lil ħafna setturi ekonomiċi — it-turiżmu, l-attivitajiet kulturali, l-industrija tar-ristoranti — u l-għajxien ta’ dawk li jiddependu minn dawn is-setturi. Mill-interazzjonijiet soċjali tagħna sar-rutini ta’ kuljum — kif u fejn naħdmu jew nattendu l-lezzjonijiet, ħafna aspetti ta’ ħajjitna nbidlu.
Sena wara, qed niffaċċjaw kriżi tas-saħħa, kriżi ekonomika u soċjetà li l-coronavirus għejjieha. L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri ħadu miżuri biex itaffu xi wħud minn dawn l-impatti negattivi permezz ta’ inizjattivi ta’ appoġġ. L-Ewropa għażlet li tipprijoritizza s-saħħa taċ-ċittadini tagħha u timminimizza l-għadd ta’ ħajjiet mitlufa. U ż-żmien huwa prezzjuż: il-programmi tat-tilqim jirrappreżentaw tellieqa kontra t-tixrid ta’ varjanti, kollha bit-tama li s-soċjetajiet tagħna jkunu jistgħu jerġgħu lura għal xi forma ta’ “normalità” fix-xhur li ġejjin. Għadna ma nafux kemm se jdum dan u kif il-ġenerazzjonijiet futuri se jħallsu għad-dejn li qed jakkumula.
Huwa f’dan il-kuntest li l-UE qed timxi lejn is-sostenibbiltà. Kien ftit qabel il-lockdowns tal-corona li l-Kummissjoni Ewropea ħabbret il-Patt Ekoloġiku Ewropew, programm ta’ politika ġenerali, biex tinkiseb ekonomija sostenibbli u newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju sal-2050 permezz ta’ “tranżizzjoni ġusta”, li tiżgura li “ħadd jew imkien ma jibqa’ lura”. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa r-rispons tal-Ewropa għall-kriżi tal-klima u tal-bijodiversità.
Dawn l-għanijiet ġenerali huma mibdula f’sensiela ta’ pakketti ta’ politika, inkluż l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030, l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt”, il-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari, l-Istrateġija dwar l-Emissjonijiet Industrijali, il-Liġi dwar il-Klima u l-Patt dwar il-Klima. Fi Frar, ġiet proposta leġiżlazzjoni vitali oħra, l-Istrateġija tal-UE dwar l-Adattament għall-Klima, li għandha l-għan li tippermetti adattament aktar intelliġenti, aktar rapidu u aktar sistematiku. Inizjattivi oħra, bħall-Istrateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi, il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero għall-ilma, l-arja u l-ħamrija, u l-pakkett “Fit for 55” biex jitnaqqsu l-emissjonijiet b’mill-inqas 55 % sal-2030, se jkomplu jiġu ppreżentati.
L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tappoġġa dawn il-politiki permezz ta’ data affidabbli, valutazzjonijiet u pjattaformi ta’ informazzjoni. Xogħolna jkopri firxa wiesgħa ta’ suġġetti u sistemi, inklużi l-kwalità tal-arja, is-sistemi tal-mobbiltà, l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, l-impatti tat-tibdil fil-klima fuq is-saħħa u l-analiżi tal-ekosistemi. F’dawn l-oqsma, aħna nenfasizzaw il-progress u nidentifikaw fejn huwa meħtieġ sforz addizzjonali u nikkomunikaw id-data u l-għarfien tagħna lil dawk li jfasslu l-politika rilevanti u lill-pubbliku ġenerali.
Meta nikkondividu s-sejbiet tagħna jew meta titħabbar proposta ta’ politika ġdida, hemm mistoqsija waħda li tibqa’ titfaċċa: dan hu biżżejjed? Il-miri stabbiliti fil-proposta huma biżżejjed? L-Ewropa jew l-Istati Membri jistgħu jagħmlu aktar? Wieħed jista’ jgħid li qatt mhu biżżejjed u li jista’ jsir aktar. Madankollu, din it-tweġiba simplistika tinjora l-kumplessità tal-kwistjonijiet li qed niffaċċjaw.
L-istabbiliment ta’ miri li ma jistgħux jintlaħqu u li mhumiex realistiċi fl-Ewropa jew globalment, jew mingħajr l-għodod għall-monitoraġġ tal-progress jew il-kisba tagħhom, iwassal biss biex tiġi mminata l-fiduċja f’dawn il-proċessi. Min-naħa l-oħra, skont ix-xjenza, dak li neħtieġu huwa politiki ambizzjużi. Neħtieġu politiki li jistimulaw it-tħaffif u ż-żieda fl-iskala tas-soluzzjonijiet rivoluzzjonarji. Id-datatagħna dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, pereżempju, diġà turi li hemm bżonn ta’ sforz addizzjonali sinifikanti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet. Jew inkella, għalkemm diġà lħaqna xi miri fid-deżinjazzjoni ta’ żoni protetti fl-ambjent tal-baħar, għad hemm tħassib dwar il-bijodiversità. Il-mistoqsija ewlenija mhijiex neċessarjament jekk il-mira hijiex ambizzjuża biżżejjed jew jekk għandniex bżonn nagħmlu aktar, iżda x’se nagħmlu b’mod differenti biex niżguraw li niksbuhom.
Fattur ieħor huwa ż-żmien. Il-kisba tas-sostenibbiltà ma tistax tinkiseb mil-lum għal għada. Din tirrikjedi ż-żmien u sensiela ta’ passi ta’ politika — li kollha kemm huma jridu jkunu allinjati lejn l-istess destinazzjoni. Xi passi setgħu kienu akbar u aktar ċari dwar x’nagħmlu differenti.
Huwa ċar ukoll li din it-tranżizzjoni lejn Ewropa sostenibbli se taffettwa lil xi gruppi aktar minn oħrajn — hekk kif jagħmlu l-coronavirus jew il-perikli ambjentali, bħat-tniġġis tal-arja jew l-impatti klimatiċi. Uħud minna huma aktar probabbli li jiġu affettwati u huma aktar vulnerabbli. L-UE kollha kemm hi tista’ tkun aktar espliċita dwar id-dimensjoni soċjali u tagħmel aktar biex tindirizza dawn l-inugwaljanzi soċjali.
Madankollu, huwa impressjonanti li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha huma allinjati u għadhom fit-triq it-tajba biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew minkejja l-kriżi ekonomika u tas-saħħa attwali. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew kien ferm reżiljenti għall-COVID.
Ix-xjenzjati u l-istituzzjonijiet tal-għarfien huma tajbin fl-immudellar tal-futur jew fit-tfassil tax-xenarji. Iżda fl-aħħar mill-aħħar, dan mhuwiex dwar it-tbassir tal-futur, iżda dwar it-tiswir tal-Ewropa tal-futur — it-trasformazzjoni tas-soċjetà tagħna għal dik li rridu ngħixu fiha. Għandha tkun soċjetà mibnija fuq is-solidarjetà, li tipprovdi ambjent tajjeb għas-saħħa għalina lkoll u reżiljenti għal xokkijiet futuri — kif jeħtieġ li tkun id-dinja.
F’dan il-kuntest, huwa f’waqtu li l-mexxejja Ewropej, inkluż David Sassoli, il-President tal-Parlament Ewropew, António Costa, il-Prim Ministru tal-Portugall f’isem il-Presidenza tal-Kunsill, u Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni, il-ġimgħa l-oħra ħabbru l-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, filwaqt li stiednu lil persuni minn kull rokna tal-Ewropa biex jikkondividu l-ideat tagħhom biex jgħinu fit-tiswir tal-Ewropa ta’ għada — waħda li se tibni Ewropa aktar reżiljenti li fil-qalba tagħha jkollha l-ambjent u l-benesseri u s-saħħa tal-Ewropej kollha.
Hans Bruyninckx
Direttur Eżekuttiv tal-EEA
Editorjal ippubblikat fil-ħarġa ta’ Marzu 2021 tal-Bulettin tal-EEA 01/2021
For references, please go to https://eea.europa.eu./mt/articles/it-tiswir-tal-ewropa-tal or scan the QR code.
PDF generated on 23 Dec 2024, 03:59 AM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn