All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Article
Is-sensibilizzazzjoni ambjentali u r-riflessjoni tagħha fuq it-tfassil tal-politika bdiet bl-identifikazzjoni ta’ kwistjonijiet waħdanin, bħax-xita aċiduża, il-kontaminazzjoni kimika ta’ korpi tal-ilma jew it-tnaqqis rapidu fil-popolazzjonijiet tan-naħal u l-implikazzjonijiet tagħhom fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ekonomija. Mis-sebgħinijiet ’il quddiem, l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea bdew jikkoordinaw l-isforzi tagħhom u jallinjaw dejjem aktar il-politiki tagħhom, minħabba r-rikonoxximent dejjem jikber li l-problemi transkonfinali tal-ambjent, bħat-tniġġis tal-arja jew tal-ilma, jeħtieġu li huma jaġixxu flimkien.
F’dan il-perjodu li dam kważi 50 sena, il-pajjiżi tal-UE gradwalment wessgħu l-kamp tal-applikazzjoni tal-azzjoni kollettiva tagħhom u żiedu l-livell tal-ambizzjoni tagħhom. Hekk kif il-fehim tal-problemi ambjentali kiber, sar evidenti li kien hemm bżonn li t-tħassib ambjentali jiġi integrat f’oqfsa ta’ politika ġenerali - kemm fl-Ewropa kif ukoll globalment. Fl-Unjoni Ewropea, il-politiki dwar il-klima u l-enerġija issa huma allinjati aktar fil-qrib, u l-politiki tal-mobilità saru parti minn viżjoni aktar wiesgħa u fit-tul għal ekonomija newtrali għall-klima sal-2050.
Fi kwalunkwe diskussjoni dwar il-politika, sar dejjem aktar ċar li informazzjoni affidabbli dwar l-ambjent kienet kruċjali għat-tfassil u għall-implimentazzjoni ta’ politiki effettivi.
L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent ġiet stabbilita fl-1994[1] biex tipprovdi informazzjoni indipendenti u affidabbli dwar l-ambjent tal-Ewropa għall-appoġġ tat-tfassil tal-politika fl-Ewropa. Id-deċiżjoni ttieħdet peress li azzjoni konġunta teħtieġ fehim komuni tal-problema kkonċernata. U mingħajr data komprensiva u komparabbli, huwa impossibbli li jiġu fformulati politiki konġunti u li jiġi mmonitorjat il-progress.
B’mod parallel mal-ħtiġijiet li jevolvu tal-politika, maż-żmien żdiedu oqsma ġodda mal-mandat tax-xogħol tagħna. Il-kopertura temporali u spazjali tal-bażi tal-għarfien tagħna kibret ukoll. Illum il-ġurnata, l-għarfien tal-EEA jkopri l-analiżi tematika ta’ kwistjonijiet waħdanin, li jvarjaw mill-kwalità tal-arja, il-kwalità tal-ilma għall-għawm, il-bidliet fil-kopertura tal-art u l-prevenzjoni tal-iskart għal gassijiet serra u emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju minn karozzi u vannijiet ġodda, għal analiżijiet aktar trażversali u sistematiċi dwar il-klima u l-enerġija, is-sistema tal-ikel, u vulnerabbiltajiet soċjali minħabba esponiment mhux ugwali għal diversi impatti ambjentali. U kull ħames snin, aħna nikkomplementaw dawn il-valutazzjonijiet bir-rapport tagħna dwar l-istat tal-ambjent tal-Ewropa “Il-Qagħda u l-Perspettiva” (SOER), bl-edizzjoni 2020 li se jiġi ppubblikat f’Diċembru li jmiss. Il-ħidma tagħna tal-valutazzjoni u tal-għarfien se jkompli jiżviluppa flimkien ma’ ħtiġijiet ta’ politika li għaddejjin u dawk emerġenti.
Fl-istadji bikrin, ir-rapportar ta’ data ambjentali kien jikkonsisti f’materjal stampat mibgħut bil-posta, jew aktar tard, mibgħuta bil-faxlill-Aġenzija. Illum il-ġurnata, l-Istati Membri jistgħu jissottomettu ammonti kbar ta’ data direttament lil Reportnet - il-pjattaforma ta’ rapportar elettroniku tagħna. Ladarba tiġi ċċekkjata l-kwalità, din id-data ssir disponibbli għal kull utent, uman jew magna.
Sehem li dejjem jikber tad-data miġbura jiġi minn informazzjoni ġeospazjali, li tippermettilna naraw il-bidla maż-żmien u madwar il-kontinent. Issa nistgħu niffokaw fuq mappa, naraw iż-żoni protetti fin-netwerk Natura2000 tal-UE u niksbu informazzjoni dwar l-ispeċijiet protetti li jgħixu hemm. Xi data tiġi rrapportata u ssir disponibbli f’ħin reali. Eluf ta’ stazzjonijiet ta’ monitoraġġ madwar l-Ewropa, li jkejlu l-konċentrazzjonijiet ta’ sustanzi ewlenin li jniġġsu fl-arja, issa huma konnessi mal-istess netwerk u din l-informazzjoni kollha hija aċċessibbli permezz tal-Indiċi Ewropew tal-Kwalità tal-Arja - il-pjattaforma konġunta tagħna mal-Kummissjoni Ewropea.
Id-diġitalizzazzjoni u l-Internet biddlu dak li kien inkonċepibbli 25 sena ilu f’għodod li llum il-ġurnata huma ordinarji. Din ir-revoluzzjoni tad-data ambjentali ma waqfitx hawn. Infatti, il-programm tal-Unjoni Ewropea ta’ osservazzjoni tad-dinja, Copernicus, joffri bosta opportunitajiet biex jgħinna fil-monitoraġġ tal-bidliet fl-ambjent Ewropew u bi preċiżjoni u livell tad-dettal; xi ħaġa li kienet inkonċepibbli 25 sena ilu. Mid-densità tal-foresti sal-espansjoni urbana, id-data tas-satellita Copernicus tikkomplimenta l-osservazzjonijiet fuq il-post biex tipprovdilna għarfien sħiħ ta’ x’qed jiġri fejn u għaliex.
Meta nqisu l-ammont ta’ bidla fit-teknoloġija u fil-ġbir ta’ data f'dawn l-aħħar 25 sena, nistgħu nkunu ċerti li t-teknoloġija - kemm f’forma ta’ intelliġenza artifiċjali, telerilevament (remote sensing) jew qawwa tal-ipproċessar li dejjem tiżdied - se tkompli tifforma l-għarfien tagħna u kif dan jiġi aċċessat.
L-EEA mhijiex biss ċentru ta’ għarfien li tgħaqqad id-dinjiet tax-xjenzja u tal-politika. Hija wkoll organizzazzjoni ta’ netwerking, li tlaqqa’ flimkien mijiet ta’ atturi - aġenziji ambjentali u ministeri, amministrazzjonijiet pubbliċi u organizzazzjonijiet ta’ riċerka - fin-Netwerk Ewropew ta’ Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent (l-Eionet). Dak li beda bħala netwerk ta’ 12-il pajjiż tal-UE u xi tużżana persunal, illum il-ġurnata jinkludi 33 membru u 6 pajjiżi li jikkooperaw madwar l-Ewropa u mijiet ta’ persunal iddedikat b’firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ għarfien espert. L-Eionet kien strumentali fit-twaqqif u fl-iżgurar ta’ flussi ta’ data regolari minn madwar l-Ewropa. Illum il-ġurnata, minbarra l-irwol ewlieni tiegħu fil-qasam tad-data, l-Eionet jiffunzjona wkoll bħala netwerk ta’ għarfien, u jiġbor u jaqsam l-esperjenza u l-għarfien mill-organizzazzjonijiet membri tiegħu. Dawn l-għarfien u l-esperjenzi kollettivi tal-EEA-Eionet jikkontribwixxu wkoll għas-sħab u għall-proġetti lil hinn mill-UE, inklużi l-pajjiżi tal-Viċinat Ewropej u l-Bijomonitoraġġ Uman għall-Ewropa (HBM4EU).
F’dawn l-aħħar 25 sena, l-ambjent, il-politika, l-għarfien, id-data, it-teknoloġija u l-EEA/Eionet kollha nbidlu u se jkomplu jevolvu. F’nofs dan it-tkabbir kontinwu, l-innovazzjoni u l-bidla, ħaġa waħda tibqa’ l-istess: l-impenn sod tal-persuni fl-Aġenzija u fin-netwerks tagħha biex itejbu l-ambjent u b’hekk il-kwalità tal-ħajja fl-Ewropa u lil hinn.
Hekk kif niċċelebraw il-25 anniversarju tal-EEA, huwa ma’ dawn is-sħab li se nkunu qed nirriflettu fuq il-kontribuzzjonijiet tal-passat u dawk futuri tagħna u kif, flimkien, nistgħu nakkomodaw bl-aħjar mod il-bidla u ngħinu biex tinkiseb is-sostenibbiltà fit-tul tal-Ewropa.
Il-legat tagħna m’għandux għalfejn ikun wieħed ta’ degradazzjoni ambjentali li ma rnexxilnix inwaqqfu, iżda wieħed ta’ punt ta’ bidla fejn inreġġgħu lura d-degradazzjoni billi nieħdu azzjoni deċisiva. Meta eluf ta’ studenti marru fit-toroq u appellaw biex tittieħed azzjoni u l-maġġoranza tal-Ewropej esprimew it-tħassib tagħhom dwar l-ambjent u t-tibdil fil-klima, sar iż-żmien li jittieħdu miżuri aktar kuraġġużi.
Hans Bruyninckx
Direttur Eżekuttiv tal-EEA
L-editorjal ippubblikat fil-ħarġa ta’ Marzu 2019 tal-Bullettin tal-EEA ta’ 02/2019
For references, please go to https://eea.europa.eu./mt/articles/l-eea-taghlaq-25-sena or scan the QR code.
PDF generated on 23 Dec 2024, 08:22 AM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn