All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Article
L‑appartament qadim m’għandux tank tal‑ilma għalih stess u għalhekk il‑familja Tekin hija mqabbda direttament mas‑sistema tal‑ilma tal‑belt. Il‑perjodi ta’ nixfa fit‑Turkija tal‑Punent matul l‑aħħar sentejn wasslu biex il‑belt taqta’ l‑provvista tal‑ilma b’mod regolari għal perjodi li jilħqu 36 siegħa.
L‑iskarsezzi ta’ ilma mhumiex ġodda — Barış jiftakarhom minn tfulitu. Minkejja li t‑titjib fl‑infrastruttura jfisser inqas ħela ta’ ilma, il‑perjodu ta’ nixfa attwali huwa partikolarment gravi u t‑‘tqassim ta’ porzjonijiet’ ta’ ilma matul ix‑xhur tas‑sajf huma fatt tal‑ħajja għat‑12‑il miljun resident tal‑belt.
Punit estremi ta’ sħana u perjodi ta’ nixfa, xita u għargħar qed jolqtu ħafna partijiet tal‑Ewropa.
Is‑sajf li għadda, filwaqt li l‑gazzetta Spanjola ta’ kuljum El País uriet ritratti ta’ xmajjar niexfa, il‑gazzetta The Guardian tal‑Gran Brittanja wriet titoli allarmanti dwar għargħar tal‑ilma. Filwaqt li l‑gvern lokali ta’ Barċellona għamel pjanijiet biex jimporta l‑ilma bil‑vapuri, il‑gvern Brittaniku vvaluta d‑difiżi tiegħu kontra l‑għargħar.
Jeżistu ħafna kawżi imma l‑bidla fil‑klima hija mistennija li żżid kemm il‑frekwenza kif ukoll il‑gravità ta’ dawn il‑ġrajjiet. Anke jekk aħna nnaqqsu l‑emissjonijiet, l‑akkumulu storiku tal‑gassijiet serra se twassal għal ċertu livell ta’ bidla fil‑klima — għalhekk se jkun hemm impatti, Għalhekk, aħna se jkollna bżonn nadattaw irwieħna— li jfisser li nistmaw il‑vulnerabbiltà tagħna u naġixxu biex innaqqsu r‑riskji. Din l‑analiżi ta’ adattament għall‑bidla fil‑klima tiffoka fuq kwistjonijiet tal‑ilma, prinċipalment il‑perjodi ta’ nixfa.
Hekk kif jogħlew it‑temperaturi, ir‑riservi tal‑ilma fl‑Ewropa tan‑nofsinhar se jonqsu. Fl‑istess ħin, l‑agrikoltura u t‑turiżmu se jkollhom bżonn iktar ilma speċjalment fir‑reġjuni iktar sħan u iktar nixfin.
Żieda fit‑temperaturi tal‑ilma u flussi iktar baxxi tax‑xmajjar fin‑nofisinhar se jolqtu wkoll il‑kwalità tal‑ilma. Żidiet fil‑każijiet ta’ xita estremi u għargħar ta’ ilma qerriedi se jżidu r‑riskju ta’ tniġġis minn tifwir tal‑ilma tax‑xita u rimi ’l barra b’emerġenza minn impjanti għat‑trattament tal‑ilma mormi.
Fir‑rebbiegħa tal‑2008, il‑livelli tal‑ilma fil‑ġibjuni li jfornu lil Barċellona kienu tant baxxi li saru pjanijiet biex jitwassal l‑ilma bil‑vapuri. Ġew identifikati sitt tagħbijiet ta’ vapuri, kull waħda tesa’ biżżejjed ilma ħelu biex timla għaxar pixxini Olimpiċi, bi stima totali ta’ EUR 22 miljun. L‑ilma ħelu kellu jinġieb minn Tarragona fin‑nofsinhar tal‑Katalonja, Marsilja u Almeria — waħda miż‑żoni l‑iktar nixfin fin‑nofsinhar ta’ Spanja. B’xorti tajba, Mejju kien bix‑xita, il‑ġibjuni mtlew biżżejjed u l‑pjanijiet tpoġġew fuq l‑ixkaffa. Madankollu, qed ikomplu d‑diskussjonijiet dwar it‑teħid tal‑ilma permezz tal‑bdil tad‑direzzjoni tiegħu minn xmajjar bħal pereżempju l‑Ebro u saħansitra r‑Rhône fi Franza (1).
Ċipru qed jesperjenza perjodu ta’ nixfa katastrofiku. Id‑domanda għall‑ilma ilha tiżdied matul dawn l‑aħħar 17‑il sena u tlaħħaq ’il fuq minn 100 miljun metru kubu (m3) ilma ħelu kull sena. Matul dawn l‑aħħar tliet snin, 24, 39 u 19‑il miljun m3 kienu disponibbli rispettivament.
Biex tittaffa l‑kriżi tal‑ilma, is‑sajf li għadda nġieb l‑ilma bil‑baħar mill‑Greċja. Sa Settembru tal‑2008, kienu waslu 29 vapur mill‑Greċja. Skarsezzi ta’ ilma fil‑Greċja dewmu l‑kunsinni. Il‑gvern Ċiprijott ġie sfurzat japplika miżuri ta’ emerġenza li jinkludu l‑qtugħ tal‑provvista tal‑ilma bi 30 %.
Skont l‑awtorità statali tax‑xogħlijiet pubbliċi, fit‑Turkija, matul is‑sajf li għadda, il‑livelli tal‑ilma tbaxxew b’mod konsistenti. Il‑ġibjuni li jipprovdu l‑ilma tax‑xorb lil Istanbul kien fihom 28 % tal‑kapaċità tagħhom. Il‑ġibjuni li jfornu lil Ankara, li tilqa’ fiha erba’ miljun ruħ, kien fihom biss 1 % tal‑kapaċitajiet tagħhom tal‑ilma tax‑xorb.
Rapport mill‑Uffiċċju tal‑Ilma dwar Kreta wera stampa allarmanti
tar‑riżorsi tal‑ilma taħt l‑art fuq il‑gżira. L‑ilmijiet tal‑pjan —
ir‑riżervi ta’ taħt l‑art — tbaxxew bi 15‑il metru mill‑2005 ’l hawn
minħabba ippumpjar żejjed tal‑ilma. L‑ilma baħar fil‑fatt beda jidħol
bil‑mod ’il ġewwa, u jniġġes il‑bqija tal‑provvisti.
Taffija u adattamentIl‑gassijiet serra qed iġiegħlu l‑klima tagħna tinbidel. In‑Nofsinhar tal‑Ewropa huwa mistenni jsir iktar sħun u niexef waqt li t‑Tramuntana u l‑Majjistral x’aktarx isiru inqas ħorox u b’iktar xita. It‑temperaturi globali ġenerali se jkomplu jogħlew. L‑Istati Membri tal‑UE jaqblu li ż‑żidiet fit‑temperatura globali għandhom ikunu limitati għal 2 °C ’il fuq mil‑livelli preindustrijali sabiex jiġu evitati bidliet severi fil‑klima tagħna. Dan huwa l‑għan ewlieni tal‑isforz ta’ ‘taffija’ tal‑Ewropa. L‑isforzi ta’ taffija huma ffokati fuq it‑tnaqqis ta l‑emissjonijiet tal‑gassijiet 'serra'. Ir‑restrizzjoni fiż‑żidiet tat‑temperatura għal 2 °C (12 / ) jeħtieġ tnaqqis ta’ madwar 50 % fl‑emissjonijiet globali tal‑gassijiet sal‑2050. Madankollu, anke li kieku l‑emissjonijiet jieqfu llum, il‑bidla fil‑klima se tkompli għal żmien twil minħabba l‑akkumulazzjoni storika tal‑gassijiet serra fl‑atmosfera. L‑impatti diġà jidhru ċari fl‑Artiku, pereżempju. Għandna nibdew nadattaw ruħna. L‑adattament ifisser l‑istima u t‑trattament ta’ vulnerabilità tas‑sistemi umani u dawk naturali. It‑taffija u l‑adattament għall‑bidla fil‑klima huma relatati mill‑qrib ħafna. Iktar ma jirnexxu l‑isforzi ta’ taffija fit‑tnaqqis tal‑emissjonijiet, inqas ikun estensiv il‑bżonn tagħna għal adattament. |
Il‑kriżi attwali ta’ perjodi ta’ nixfa u ta’ ilma għandhom jiġu indirizzati fuq perjodu qasir biex ikun żgurat li n‑nies ikollhom l‑ilma. Madankollu, għandhom jiġu żviluppati wkoll politiki ta’ adattament fuq perjodu twil. Iddisprati biex isaħħu l‑provvista tal‑ilma, il‑gvernijiet fil‑livelli lokali u nazzjonali, qed jinvestu fi proġetti bħalma huma ġibjuni għall‑ħażna tal‑ilma, trasferiment tal‑ilma u impjanti tad‑desalinizzazzjoni, li jagħmlu l‑ilma baħar tajjeb għax‑xorb.
Il‑pajjiżi Mediterranji qegħdin kulma jmur jibbażaw iktar fuq id‑desalinizzazzjoni biex jipprovdu ilma ħelu. Fil‑preżent Spanja għanda 700 impjant ta’ desalinizzazzjoni, li jipprovdu biżżejjed ilma għal 8 miljun ruħ kuljum. Fi Spanja, id‑desalinizzazzjoni hija maħsuba li tirdoppja fil‑ħamsin sena li jmiss.
L‑iskarsezzi tal‑ilma mhumiex limitati għan‑nofsinhar tal‑Ewropa. Ir‑Renju Unit qiegħed jibni l‑ewwel impjant ta’ desalinizzazzjoni tiegħu fil‑punent ta’ Londra. Bi prezz ta’ GBP 200 miljun, jew iktar minn EUR 250 miljun, din l‑istruttura tkun tista’ tipprovdi 140 miljun litru ilma kuljum, biżżejjed biex tforni 400 000 dar. Ironikament, l‑awtorità tal‑ilma lokali li qed tibni l‑impjant titlef kuljum miljuni ta’ litri ta’ ilma tax‑xorb nadif, minn pajpijiet li jnixxu u infrastruttura fqira.
Id‑desalinizzazzjoni jista’ jkollha rwol leġittimu fil‑ġestjoni
tal‑ilma fuq perjodu twil imma l‑proċess tal‑bidla ta’ ilma mielaħ
f’ilma tax‑xorb notorjament jieħu ħafna enerġija. Illum xi impjanti
jużaw l‑enerġija tax‑xemx, li huwa pass pożittiv. Madankollu,
id‑desalinizzazzjoni għadha tiswa ħafna flus. Is‑salmura mielħa, li
hija prodott sekondarju tal‑proċess, hija wkoll diffiċli biex wieħed
jarmiha u tista’ tagħmel ħsara lill‑ambjent.
'Hawnhekk ta’ spiss ikun iktar minn 40 °C fis‑sajf u l‑umdità tista’ tkun għolja ħafna' jgħid Barış minn Istanbul. 'Illum l‑awtoritajiet lokali huma f’pożizzjoni ħafna aħjar biex javżawna u normalment ikunu jistgħu jgħidulna għal kemm żmien ikun se jdum maqtugħ l‑ilma — b’hekk inkunu nistgħu nippjanaw.
Imma, ma jidhrux li qed jagħmlu biżżejjed biex jindirizzaw in‑nuqqas innifsu — nistħajjel li ma jistgħux iġibu iktar xita,' huwa jgħid.
L‑awtoritajiet reġjonali u nazzjonali fit‑Turkija, u madwar l‑Ewropa kollha, jistgħu ‘jiġġetixxu’ aħjar ir‑riżorsi tal‑ilma. Dan ifisser li jieħdu azzjoni biex inaqqsu u jiġġestixxu d‑domanda minflok sempliċiment jippruvaw iżidu l‑provvista tal‑ilma.
Id‑Direttiva Qafas dwar l‑Ilma (Water Framework Directive — WFD), il‑parti tal‑leġiżlazzjoni speċifika dwar l‑ilma fl‑Ewropa, tobbliga lill‑Istati Membri biex jużaw l‑iffissar tal‑prezzijiet (kemm jinżammu flus) għal servizzi relatati mal‑ilma bħala strument effikaċi għall‑promozzjoni tal‑konservazzjoni tal‑ilma. Tabilħaqq, il‑ġestjoni effikaċi tal‑ilma għandha tinkludi kemm sforzi biex jitnaqqas it‑telf tal‑ilma kif ukoll informazzjoni dwar effikaċja fl‑użu tal‑ilma.
Informazzjoni aħjar se tgħinna nadattawL‑Indiċi tal‑Isfruttament tal‑Ilma (Water Exploitation Index — WEI) huwa eżempju tajjeb tat‑tip ta’ informazzjoni meħtieġa biex tingħata ħarsa ġenerali lejn l‑iskala u l‑post tal‑problemi li qed ikollna nħabbtu wiċċna magħhom. F’termini sempliċi, l‑indiċi juri r‑riżorsi disponibbli tal‑ilma f’xi pajjiż jew reġjun meta mqabbla mal‑ammont ta’ ilma użat. Indiċi li jaqbeż l‑20 % ġeneralment jindika skarsezza ta’ ilma. Kif turi l‑graff, disa’ pajjiżi huma meqjusin bħala ‘jsofru minn nuqqas ta’ ilma’: il‑Belgju, il‑Bulgarija, Ċipru, il‑Ġermanja, l‑Italja, l‑ex Repubblika Jugoslava tal‑Maċedonja, Malta, Spanja, u r‑Renju Unit (l‑Ingilterra u Wales). Id‑dejta tal‑WEI hija disponibbli għall‑Ingilterra u turi li r‑Reġjun tax‑Xlokk u Londra b’mod partikolari huma taħt pressjoni. Dan il‑livell ta’ informazzjoni huwa importanti ferm f’termini ta’ adattament effikaċi għall‑bidla fil‑klima. Permezz tal‑fehim dwar kemm ilma jkun disponibbli f’xi reġjun, minn fejn ikun ġej u min jużah, aħna nkunu kapaċi nibnu strateġiji lokali effikaċi biex nadattaw ruħna għall‑bidla fil‑klima. |
Rapport tal‑EEA li qed jitħejja jikkunsidra l‑Alpi, li ta’ spiss huma deskritti bħala t‑'torri tal‑ilma tal‑Ewropa' minħabba li 40 % tal‑ilma ħelu tal‑Ewropa jiġi mill‑medda muntanjuża. Fl‑aħħar mitt sena, ir‑reġjun Alpin esperjenza żidiet ta’ 1.48 °C — id‑doppju tal‑medja globali. Ir‑rapport jgħid li l‑glaċieri qed jinħallu, il‑linja tas‑silġ tielgħa ’l fuq u l‑medda muntanjuża qiegħda bil‑mod il‑mod tibdel il‑mod li bih tiġbor u taħżen l‑ilma u tqassmu lura fix‑xhur iktar sħan tas‑sajf.
L‑Alpi huma kruċjali f’termini ta’ provvista ta’ ilma, mhux biss għat‑tmien pajjiżi Alpini, imma għal parti kbira ħafna tal‑Ewropa kontinentali, u jagħtu għal ħafna xmajjar kbar. Bħala tali huma jaġixxu bħala simbolu ikoniku tad‑daqs tat‑theddida u t‑tip ta’ rispons meħtieġ. L‑istrateġiji u l‑politiki ta’ adattament għandhom jinkludu elementi lokali, transkonfinali u mifruxa mal‑Ewropa kollha. Attivitajiet li jidhru li m’għandhom x’jaqsmu xejn ma’ xulxin bħall‑agrikoltura u t‑turiżmu, il‑produzzjoni tal‑enerġija u s‑saħħa pubblika għandhom jitqiesu flimkien.
Fl‑aħħar mill‑aħħar, l‑adattament ifisser li wieħed jikkunsidra mill‑ġdid fejn u kif qed ngħixu issa u fil‑futur. Minn fejn se jiġi l‑ilma tagħna? Kif se nipproteġu lilna nfusna minn avvenimenti estremi?
Studji tal‑EEA li jiffokaw fuq il‑kopertura tal‑art juru li ż‑żoni tal‑kosta huma ta’ spiss dawk fejn qed issir l‑iktar kostruzzjoni. Ir‑rapport tal‑EEA, 'L‑uċuħ li qed jinbidlu taż‑żoni kostali tal‑Ewropa' jirreferi għall‑'Ħajt tal‑Mediterran' (Med wall) u juri li 50 % tal‑linja tal‑kosta tal‑Mediterran hija mibnija. L‑iskarsezza tal‑ilma u l‑perjodi ta’ nixfa diġà jirrappreżentaw problema f’ħafna minn dawn ir‑reġjuni. Iktar appartamenti, iktar turisti u iktar żoni tal‑golf ifissru domanda ikbar għall‑ilma. Żoni kostali fit‑Tramuntana u fil‑Punent tal‑Ewropa, fejn hu mistenni għargħar ikbar, qegħdin jiġu żviluppati b’rata mgħaġġla wkoll.
L‑integrazzjoni tal‑adatttament fil‑politiki tal‑UE ewlenin kienet limitata. Madankollu, il‑Kummissjoni Ewropea hija mistennija li, fl‑2009 tippubblika White paper dwar l‑adattament. Rapport reċenti tal‑EEA juri li fil‑fatt s’issa huma biss sebgħa mit‑32 pajjiż ta’ EEA li adottaw Strateġiji Nazzjonali tal‑Adattament għall‑bidla fil‑klima. Madankollu, l‑Istati Membri kollha huma okkupati bil‑preparazzjoni, l‑iżvilupp u l‑implementazzjoni ta’ miżuri nazzjonali bbażati fuq is‑sitwazzjoni kif osservata f’kull pajjiż.
L‑irraġunar konġunt neċessarju għal adattament effikaċi mhuwiex żviluppat tajjeb iżda l‑proċess qiegħed jinbeda.
Referenzi
IPCC, 2007. IPCC report, Climate Change Impacts, Adaptation and Vulnerability, April 2007.
EEA, 2006. The changing faces of Europe's coastal areas. Rapport tal‑EEA Nru 6/2006.
EEA, 2008. Impacts of Europe's changing climate — 2008 indicator‑based assessment. Rapport tal‑EEA Nru 4/2008.
EEA, 2009. Adaptation to water shortages in the Alps (qiegħed jitħejja).
Footnotes
(1) Fis‑27 ta’ Mejju 2008, id‑Dipartiment tal‑Ambjent għar‑reġjun Spanjol tal‑Katalonja afferma li l‑perjodi reċenti ta’ xita qawwija taffew in‑nixfa fil‑kapitali tar‑reġjun, Barċellona, u possibbilment jippermettu li l‑gvern ineħħi r‑restrizzjonijiet dwar l‑użu tal‑ilma. Ġibjuni tal‑ilma li f’Marzu kien mimlija sa 20 % tal‑kapaċità tagħhom issa huma mimlija sa 44 %.
For references, please go to https://eea.europa.eu./mt/articles/jekk-jinxef-ilbir-adattament-g127attibdil-filklima-u-lilma or scan the QR code.
PDF generated on 23 Dec 2024, 12:17 PM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn