All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Article
It-terminu bijomassa jiġi applikat f’ħafna kuntesti differenti. Fil-kuntest tar-rapport tal-EEA reċenti tagħna, il-bijomassa tfisser il-veġetazzjoni kollha li tifforma l-ekosistemi, is-sekwestru tal-karbonju, u l-provvista ta’ ikel u materja prima għal firxa wiesgħa ta’ materjali b’bażi bijoloġika. Dawn il-materjali jintużaw f’ħafna setturi differenti, bħall-industriji tal-kostruzzjoni, tal-enerġija, tat-trasport, tal-għamara u tat-tessuti. Il-bijomassa tista’ tintuża mill-ġdid u tiġi rriċiklata wkoll biex tagħmel l-aħjar użu minn materjali u prodotti b’bażi bijoloġika fir-rigward tal-valur ekonomiku u ambjentali tagħhom.
Hemm kompetizzjoni qawwija għall-bijomassa minħabba li l-istess tip ta’ bijomassa jista’ jkollha użi finali u funzjonijiet multipli, inkluż għan-natura u l-bijodiversità. Il-bijomassa tneħħi s-CO2 mill-atmosfera u taħżen il-karbonju kemm fil-bijomassa ħajja kif ukoll fil-prodotti tal-bijomassa. Il-bijomassa tissostitwixxi materjali bbażati fuq il-fossili u fuq il-minerali b’materjali u prodotti b’bażi bijoloġika, li jistgħu jnaqqsu l-emissjoni ta’ gassijiet serra. Il-bijomassa teħtieġ ukoll li terġa’ tiġi restawrata għal skopijiet naturali u l-bijodiversità biex tinżamm id-diversità tal-pajsaġġi Ewropej.
Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jipprevedi li l-bijomassa tissodisfa bosta rwoli fir-rigward tas-sigurtà tal-ikel u tal-enerġija, il-konservazzjoni tan-natura, it-tnaqqis tat-tniġġis, u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih. Il-mod kif dawn ir-rwoli fl-aħħar mill-aħħar se jsaħħu jew jikkompetu ma’ xulxin għad irid jiġi determinat u huwa ħafna dipendenti fuq l-inċentivi ta’ politika stabbiliti u l-implimentazzjoni tal-politika.
L-idea tar-rapport ġiet minn diskussjonijiet bejn kollegi tal-EEA li jaħdmu fuq diversi suġġetti fl-Aġenzija. Aħna sibna li fi ħdan l-oqsma ta’ ħidma tematiċi qed inħarsu lejn il-bijomassa minn perspettivi differenti. Sibna wkoll li fil-fatt ma nafux kemm se tkun meħtieġa bijomassa biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u jekk id-domanda għall-bijomassa li qed tiżdied b’mod kostanti tistax tiġi pprovduta b’mod sostenibbli fl-UE.
Għaldaqstant, iddeċidejna li niġbru fatti dwar l-oriġini u l-flussi tal-bijomassa, u l-għan kien li tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar l-għadd kbir ta’ rwoli u funzjonijiet tal-bijomassa. L-għan kien ukoll li wieħed jifhem aħjar il-kobenefiċċji u l-kompromessi u jpoġġihom fil-kuntest tal-politiki tal-UE, u r-relazzjoni bejn l-ekosistemi, is-sekwestru tal-karbonju, il-produzzjoni u l-konsum tal-bijomassa. Billi jipprovdi l-fatti u l-analiżi, ir-rapport dwar il-bijomassa tal-EEA jista’ jintuża biex jiffaċilita d-diskussjoni bejn il-partijiet ikkonċernati differenti dwar diversi suġġetti relatati mal-bijomassa.
Il-biċċa l-kbira tal-provvista tal-bijomassa tal-UE hija prodotta fl-UE u ż-żewġ kategoriji prinċipali li ffukajna fir-rapport tagħna huma l-bijomassa agrikola u l-bijomassa tal-injam mill-foresti.
Abbażi tad-datal-aktar reċenti dwar il-flussi tal-bijomassa tal-UE miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) tal-Kummissjoni Ewropea, aktar minn nofs il-bijomassa agrikola tintuża għall-għalf tal-annimali u għall-marqad u madwar 13 % biss tintuża għal ikel ibbażat fuq il-pjanti għall-konsum mill-bniedem. Użi iżgħar jinkludu l-bijofjuwils, il-fibri u l-materjali. Għal kważi għoxrin fil-mija tal-bijomassa agrikola l-użu mhuwiex magħruf, li huwa lakuna importanti fl-għarfien għall-analiżi tal-impronta magħmula mill-użi differenti tagħha.
Il-bijomassa tal-injam tintuża bħala materjal għall-kostruzzjoni, għall-għamara u għal prodotti oħra tal-injam, għall-karta u għall-imballaġġ, u bħala sors ta’ enerġija. Il-konsum tal-enerġija rinnovabbli fl-UE huwa ddominat mill-bijomassa. Il-bijomassa ammontat għal aktar minn nofs il-konsum finali gross globali tal-enerġija rinnovabbli tal-UE fl-2021. Kien hemm żieda sinifikanti fl-użu tal-bijomassa solida, b’mod partikolari l-bijomassa tal-injam, biex tiġi prodotta l-bijoenerġija fi kważi l-Istati Membri kollha bejn l-2000 u l-2020. Diversi tipi ta’ bijomassa tal-injam jikkontribwixxu għall-bijoenerġija permezz tal-kombustjoni.
L-isfida ewlenija hija li r-riċerka xjentifika tindika li mhux se jkun hemm biżżejjed bijomassa derivata mill-UE disponibbli biex tissodisfa r-rwoli kollha previsti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew fil-futur. Il-provvista tal-bijomassa tibqa’ limitata skont iż-żona tal-art, it-tkabbir tal-veġetazzjoni, il-klima li qed tinbidel u l-kummerċ globali. Peress li hemm talbiet dejjem akbar u kompetittivi għall-użu tal-bijomassa f’setturi differenti, inkluż għall-konservazzjoni tan-natura, jeħtieġ li nipprijoritizzaw l-użi tal-bijomassa. Dan ifisser li l-partijiet ikkonċernati se jkollhom jifhmu u jiddiskutu dwar diversi kompromessi bejn l-ilħuq tal-objettivi ta’ politika u l-mod kif tintuża l-bijomassa disponibbli issa filwaqt li tiġi ssalvagwardjata l-provvista futura tagħha.
Tipi differenti ta’ produzzjoni u ta’ użu tal-bijomassa għandhom impatti differenti fuq l-ekosistemi, u għalhekk huwa meħtieġ approċċ aktar olistiku għall-ġestjoni tal-bijomassa. Dan huwa wkoll minħabba li l-kundizzjonijiet tal-ekosistemi li jipproduċu l-bijomassa, b’mod ġenerali, mhumiex tajbin u qegħdin jonqsu, u l-bir tal-karbonju tal-foresti, li fuqu niddependu ħafna biex nilħqu l-miri klimatiċi tal-2030 u l-2050, kellu tendenza ta’ tnaqqis f’dawn l-aħħar snin. Sabiex din il-kobba tal-bijomassa ssir aktar ikkumplikata, is-setturi tal-produzzjoni primarja bħall-agrikoltura u l-forestrija diġà qed jesperjenzaw impatti tat-tibdil fil-klima li jheddu saħansitra aktar il-bjar tal-karbonju u l-produzzjoni tal-bijomassa.
L-interventi ta’ politika fil-qasam tal-użu tal-art u l-ġestjoni tal-art, speċjalment dawk li jaffettwaw il-foresti u l-agrikoltura, se jwasslu għal riżultati matul id-deċennji li ġejjin. Għall-ippjanar għall-2030, l-2050 u lil hinn, jeħtieġ li diġà jittieħdu deċiżjonijiet illum.
It-tibdil fil-klima ħalla impatt fuq il-produzzjoni tal-bijomassa mill-agrikoltura u mill-artijiet tal-foresti fl-UE kemm permezz ta’ bidla fiż-żoni klimatiċi — li tinkludi bidliet fit-temperatura u fil-preċipitazzjoni — bidliet fl-istaġuni tat-tkabbir, kif ukoll permezz ta’ żieda fil-frekwenza u fis-severità ta’ avvenimenti estremi. Dawn l-impatti affettwaw l-agrikoltura u l-artijiet forestali Ewropej kemm b’mod pożittiv kif ukoll b’mod negattiv, u l-istess huwa previst għall-futur.
Studji li jħarsu lejn tendenzi klimatiċi fit-tul fuq l-għelejjel Ewropej urew evidenza ta’ tnaqqis fir-rendiment tal-għelejjel għall-qamħirrum, il-qamħ u ċereali oħra fin-Nofsinhar tal-Ewropa minħabba żieda fit-temperaturi, tnaqqis fil-preċipitazzjoni u bidla fl-istaġuni. F’partijiet oħra tal-Ewropa, il-bidliet fit-temperatura u l-preċipitazzjoni jħallu impatt pożittiv fuq xi speċijiet ta’ għelejjel.
Nixfiet severi u frekwenti li jseħħu fl-UE kellhom impatt negattiv fuq it-tkabbir u l-istabbiltà tal-foresti. Avvenimenti bħal dawn ikkawżaw telf ta’ ħabitats, migrazzjoni ta’ speċijiet lokali u tixrid ta’ speċijiet aljeni invażivi, u kkontribwew għal nirien fil-foresti. Studji li jipprevedu impatti futuri tat-tibdil fil-klima fuq il-foresti mhumiex konklużivi u juru varjazzjonijiet kbar għal kull pajjiż, reġjun u speċi. Dan għaliex ir-rispons ta’ foresta għat-tibdil fil-klima jista’ jkun kumpless u jkollu saffi multipli. Tipikament, il-foresti li għandhom bijodiversità rikka huma aktar reżiljenti għall-effetti tat-tibdil fil-klima minn foresti monotipiċi.
Skont il-Patt Ekoloġiku Ewropew, dan l-aħħar ġie adottat jew qed jiġi żviluppat ammont kbir ta’ leġiżlazzjoni tematika u trasversali li hija rilevanti għall-produzzjoni u l-konsum tal-bijomassa. L-isfida hija li jiġi żgurat li kemm il-politiki tal-UE kif ukoll dawk nazzjonali dwar il-bijomassa jkunu koerenti u kkunsidrati bir-reqqa.
B’mod ġenerali, il-bijomassa hija meħtieġa f’ħafna modi għad-dekarbonizzazzjoni peress li tista’ tissostitwixxi fjuwils fossili jew materjali ta’ kostruzzjoni b’użu intensiv ta’ karbonju. Madankollu, dan iżid id-domanda għall-bijomassa maħsuda, li min-naħa tagħha tista’ tixpruna l-bidliet fl-użu tal-art u tagħmel ħsara lill-ekosistemi. Fl-istess ħin, il-miri tal-assorbiment tal-karbonju jirrikonoxxu n-natura bħala soluzzjoni u jappellaw għal sekwestru tal-karbonju msaħħaħ fil-foresti u ekosistemi oħra tal-art. Dan jista’ jkollu impatt fuq id-disponibbiltà tal-bijomassa għas-sostituzzjoni ta’ materjali u prodotti intensivi fil-karbonju.
Barra minn hekk, l-aspetti tal-produzzjoni tal-bijomassa huma marbuta mal-għanijiet ta' politika peress li l-konservazzjoni tal-bijodiversità u tal-ekosistemi tappella biex jintużaw inqas inputs esterni, prattiki inqas intensivi u sustanzi kimiċi inqas dannużi filwaqt li ssir enfasi fuq soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura. Dawn il-politiki huma ġeneralment mistennija li jkunu ta’ benefiċċju għall-kwalità u l-kwantità tal-istokkijiet tal-bijomassa li jibqgħu fin-natura iżda huma mistennija wkoll li jwasslu għal tnaqqis fil-produzzjoni netta tal-bijomassa għall-użu fil-bijoekonomija. Barra minn hekk, tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari tista’ tnaqqas id-domanda għal materjali ta’ bijomassa primarja u żżid id-disponibbiltà ta’ bijomassa sekondarja, pereżempju permezz tar-riċiklaġġ.
Kif tista’ tara hemm xi sfidi fir-rigward tal-użu tal-bijomassa fir-rigward tal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. L-użu ta’ bijomassa partikolari jista’ jkun ta’ benefiċċju għal għan ta’ politika individwali wieħed iżda jista’ jiġi pperċepit bħala nuqqas ta’ servizz fir-rigward ta’ għan ta’ politika ieħor. Ir-rapport tagħna għandu l-għan li jikkontribwixxi għal dibattitu ta’ politika billi jipprovdi fatti u analiżi.
Fil-passi li jmiss, għandna l-għan li nilħqu d-diversi partijiet ikkonċernati u n-network Eionet tagħna bir-riżultati tar-rapport biex nifhmu aħjar il-ħtiġijiet ta’ għarfien u informazzjoni, u l-mod kif l-EEA tista’ tikkontribwixxi aktar biex issolvi l-kobba tal-bijomassa.
Katarzyna Kowalczewska
Expert - Agriculture and LULUCF Integration
For references, please go to https://eea.europa.eu./mt/articles/intervista-x-inhu-r-rwol or scan the QR code.
PDF generated on 23 Dec 2024, 03:29 AM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn