li jmiss
preċedenti
punti

Article

Bugħarwien qattiel u speċijiet eżotiċi oħra - Il‑bijodiversità tal‑Ewropa qed tgħib b’rata allarmanti

Biddel il-lingwa
Article Ippubblikat 03 Apr 2009 Mibdul l-aħħar 11 May 2021
Il‑ġardinaġġ huwa wieħed mill‑interessi tiegħek? Jekk iva u tgħix fl‑Ewropa ċentrali jew tat‑Tramuntana, il‑'bugħarwien qattiel' huwa probabbilment wieħed mill‑għedewwa personali tiegħek. Il‑bugħarwien, li jattakka mingħajr heda l‑pjanti tal‑ħwawar u l‑ħxejjex, jidher li huwa immuni kontra l‑miżuri ta’ kontroll.

Il‑bugħarwien qattiel, magħruf xjentifikament bħala Arion lusitanicus, jissejjaħ ukoll 'bugħarwien Spanjol' minħabba li hu indiġenu għall‑peniżola Iberika. Il‑bugħarwien huwa ermafrodita u jista’ jinfirex malajr ħafna. Huwa aggressiv iktar mill‑bugħarwien iswed awtoktonu u jiekol il‑bugħarwien iktar dgħajfa minnu.

Il‑bugħarwien qattiel beda jinfirex mal‑Ewropa madwar 30 sena ilu, u beda jinġarr bħala bajd fil‑ħamrija fi pjanti ġol‑qsari. Din ir‑rotta għadha sal‑lum sors importanti ta’ infestazzjoni.

Il‑bugħarwien qattiel huwa biss eżempju wieħed minn theddida ħafna usa’ għall‑bijodiversità tal‑Ewropa hekk kif speċijiet eżotiċi u mhux awtoktoni jistabbilixxu ruħhom u jinfrixu madwar il‑kontinent kollu bħala riżultat tal‑attivitajiet tal‑bniedem. Ħafna jaslu mistoħbija fil‑mezzi tat‑trasport u jinġarru madwar il‑globu mingħajr ħadd ma jintebaħ. Il‑Konvenzjoni tan‑Nazzjonijiet Uniti dwar id‑Diversità Bijoloġika tidentifika t‑theddida minn speċijiet eżotiċi invażivi bħala waħda mill‑ikbar theddidiet għall‑bijodiversità mad‑dinja.

L‑ispeċijiet eżotiċi ilhom jaslu f’postijiet ġodda sa minn meta n‑nies ilhom jivvjaġġaw u jagħmlu l‑kummerċ. Iż‑żieda fil‑kummerċ, l‑esplorazzjoni u l‑kolonizzazzjoni mis‑seklu sbatax ’l hawn taw bidu għall‑invażjoni proprja bi speċijiet notevoli bħalma huma l‑firien tal‑kampanja li bdew jaslu għall‑ewwel darba fuq il‑vapuri mill‑Ażja.

Madwar 10 000 speċi eżotika ġew reġistrati fl‑Ewropa. Xi wħud, bħall‑patata u t‑tadam, kienu introdotti apposta bi ħsieb u għadhom sal‑lum ta’ importanza ekonomika. Oħrajn, imsejħa 'speċijiet eżotiċi invażivi' joħolqu problemi gravi minħabba li huma organiżmi ta’ ħsara għall‑ġardinaġġ, l‑agrikoltura u l‑foresterija, minħabba li jġorru l‑mard jew minħabba li jagħmlu ħsara lil kostruzzjonijiet bħall‑bini u d‑digi.

L‑ispeċijiet eżotiċi invażivi jibdlu wkoll l‑ekosistemi li jgħixu fihom u jkollhom impatt fuq l‑ispeċijiet l‑oħrajn f’dawk l‑ekosistemi. Pereżempju, studju reċenti dwar il‑poligonum, li kien introdott fl‑Ewropa fis‑seklu dsatax mill‑Ażja tal‑Lvant bħala pjanta ornamentali, wera li din il‑pjanta invażiva qed tinfirex malajr u qed tikkawża ħsara gravi lill‑ispeċijiet ta’ pjanti u insetti indiġeni fir‑Renju Unit u fi Franza.

Spejjeż

Ħafna drabi l‑ispeċijiet eżotiċi invażivi jikkaġunaw spejjeż finanzjarji għoljin fid‑djar il‑ġodda tagħhom. Il‑ħxejjex selvaġġi jnaqqsu l‑produzzjoni agrikola Ewropea u l‑marda qerrieda tas‑siġar tal‑ulmu (Dutch elm disease) — ikkaġunata minn fungu li ġie introdott — qerdet is‑siġar tal‑ulmu fil‑foresti tal‑Ewropa ċentrali. L‑iskwiril griż Amerikan, li ddaħħal fir‑Renju Unit, mhux biss jikkompeti b’mod li jfixkel lill‑iskwiril aħmar tal‑post — impatt li huwa diffiċli biex wieħed jagħtih prezz f’termini ta’ flus — imma jagħmel ħsara lis‑siġar koniferi u jnaqqas il‑valur tagħhom bħala injam.

L‑ispejjeż f’termini ta’ ħsara u kontroll tal‑ispeċijiet eżotiċi invażivi fl‑Istati Uniti ġew stmati għal EUR 80 biljun kull sena. Stimi tal‑bidu jagħtu prezz li jaqbeż EUR 10 biljun kull sena għall‑Ewropa. Dan mingħajr ma wieħed jikkunsidra l‑ispiża ta’ patoġeni tal‑bniedem importanti (bħal HIV jew influwenza) jew ta’ tifqigħ eċċezzjonali ta’ mard tal‑annimali.

L‑azzjonijiet ta’ ġestjoni biex jitnaqqsu (jew jinqerdu) speċijiet eżotiċi invażivi li jkunu stabbilixxew ruħhom huma diffiċli, ikkumplikati u jqumu ħafna flus.

Il‑Kummissjoni Ewropea tappoġġja proġetti ta’ ġestjoni tan‑natura fl‑Istati Membri permezz tar‑Regolament Komunitarju ta’ LIFE. Il‑fondi LIFE qegħdin jintużaw iktar fi proġetti dwar speċijiet eżotiċi invażivi u issa l‑baġit qed joqrob EUR 14‑il miljun kull perjodu ta’ 3 snin.


Bijodiversità — il‑kuntest usa

Il‑bijodiversità tirreferi għad‑diversità tal‑ħajja fid‑dinja. Hija tirrappreżenta r‑rikkezza naturali tal‑pjaneta u bħala tali tipprovdi l‑bażi għall‑għajxien u l‑prosperità tagħna. Hija ssostni ħafna servizzi bażiċi li fuqhom niddependu bħalma huma l‑ilma li nixorbu u l‑arja li nieħdu. Hija tgħin biex jiddakkru l‑uċuħ tar‑raba’, jitwassal l‑ikel fuq il‑mejda, jiġu regolati t‑tendenzi tat‑temp u jitnaddaf l‑iskart tagħna.

Mingħajr bijodiversità ma nkunux nistgħu nibqgħu ħajjin. Bħala tali tista’ titqies bħala xi polza ta’ assigurazzjoni mogħtija lilna mill‑pjaneta. Il‑valur tagħha jista’ jitqabbel ma’ swieq finanzjarji, fejn portafoll varjat ta’ stokkijiet ta’ speċitajiet, bħal fil‑każ ta’ stokkijiet tan‑negozju, jista’ jipprovdi lqugħ biex idgħajjef influwenzi negattivi.

Fil‑preżent, il‑bijodiversità qiegħda tintilef b’rata allarmanti prinċipalment minħabba l‑mod ta’ kif nagħmlu użu ħażin min‑natura biex insostnu l‑produzzjoni, il‑konsum u l‑kummerċ fl‑ekonomija globalizzata li qed ngħixu fiha. It‑telf u l‑frammentazzjoni tal‑ħabitati mit‑tneħħija tal‑foresti u ż–żoni naturali għad‑djar, it‑toroq u l‑agrikoltura, it‑tnixxif tal‑artijiet mistagħdra u l‑bini tad‑digi fix‑xmajjar għall‑agrikoltura, u t‑tneħħija tal‑ħut mill‑baħar, huma l‑kawża ewleniija għat‑telf tal‑bijodiversità.

L‑ispeċijiet eżotiċi invażivi huma meqjusa minn ħafna konservazzjonisti bħala t‑tieni l‑ikbar theddida għall‑bijodiversità mad‑dinja kollha. Kemm jekk introdotti apposta kif ukoll jekk aċċidentalment, tali speċijiet jistgħu jikkawżaw straġi għan‑nies, l‑ekosistemi u l‑ispeċijiet eżistenti ta’ pjanti u annimali awtoktoni. Il‑problema tal‑ispeċijiet invażivi hija mistennija li tiggrava fis‑seklu li ġej permezz tat‑tibdil fil‑klima, u t‑turiżmu u kummerċ li qed jiżdiedu.

It‑theddid l‑ieħor għall‑bijodiversità jiġi mit‑tniġġis, it‑tibdil fil‑klima, u l‑isfruttament żejjed tar‑riżorsi. Hekk kif il‑popolazzjoni dinjija hija prevista li tikber minn 6.7 biljun ruħ fil‑preżent għal disa’ biljuni fl‑2050, huwa mistenni li l‑impatti fuq il‑bijodiversità mit‑theddid prinċipali fil‑preżent se jikbru u se jiżdied it‑telf ta’ bijodiversità.

 

Speċijiet eżotiċi invażivi u l‑Ewropa — impatti li qed jiżdiedu

L‑ispeċijiet eżotiċi jistgħu jinstabu fl‑ekosistemi Ewropej kollha. Il‑globalizzazzjoni, b’mod partikolari kummerċ u turiżmu ikbar, irriżultaw f’żieda f’daqqa fin‑numru u t‑tip ta’ speċijiet eżotiċi li qed jaslu fl‑Ewropa.

Żoni marittimi u tal‑kosta qed jintlaqtu drastikament minħabba żieda fit‑traffiku marittimu u l‑bini ta’ kanali bejn l‑ibħra iżolati — il‑Kanal ta’ Suez għadu sors importanti ta’ speċijiet ġodda li deħlin fil‑Baħar Mediterran. L‑ilma tas‑saborra rilaxxat mill‑bastimenti huwa sors tant kbir ta’ organiżmi ġodda li l‑'Konvenzjoni Internazzjonali għall‑Kontroll u l‑Ġestjoni tal‑Ilma u s‑Sedimenti tas‑Saborra tal‑Bastimenti' ġiet stabbilita biex 'tilqa’, timminimizza u fl‑aħħar mill‑aħħar telimina t‑trasferiment ta’ organiżmi u patoġeni ta’ ħsara akkwatiċi' b’dan il‑mod.

Miżuri ta’ kontroll

L‑iktar difiża effikaċi kontra l‑ispeċijiet eżotiċi invażivi hija l‑prevenzjoni — bażikament l‑għassa mal‑fruntieri biex twaqqaf speċijiet ġodda milli jiddaħħlu. Il‑pass li jmiss huwa lokalizzazzjoni bikrija u kontroll.

Eżempju impressjonanti hija l‑ħaxixa selvaġġa Heracleum mantegazzianum (giant hogweed), introdotta fl‑Ewropa bħala pjanta ornamentali fis‑seklu dsatax. Il‑pjanta hija issa suġġetta għal sforzi konsiderevoli ta’ kontroll lokali minħabba li l‑ispeċi stabbiliet ruħha f’mergħat, passaġġi ferrovjarji, ġnub ta’ toroq u max‑xtut tax‑xmajjar. Minħabba li tikber f’wesgħat folti l‑'hogweed' ma tħallix li jikbru l‑pjanti awtoktoni. Hija wkoll velenuża u l‑kuntatt dirett mal‑ġilda jista’ jikkawża dermatite. Illum, aktarx li m’għadux possibbli li wieħed jeqred il‑'giant hogweed' fl‑Ewropa filwaqt li azzjonijiet iktar bikrija (sas‑snin ħamsin) x’aktarx seta’ jkollhom prospetti aħjar.

F’konformità ma’ dan, il‑Kummissjoni Ewropea fil‑komunikazzjoni reċenti dwar il‑bijodiversità enfasizzat il‑ħtieġa ta’ mekkaniżmu ta’ 'twissija bikrija' għal speċijiet eżotiċi invażivi. B’rispons għal dan, l‑EEA bin‑netwerk tagħha ta’ pajjiżi membri u kollaboraturi, qiegħda tippjana li twaqqaf sistema ta’ informazzjoni mifruxa mal‑Ewropa kollha li se tidentifika, tiskopri, tivvaluta u twieġeb għal invażjonijiet ġodda u li jinfirxu.

Il‑lista ta’ dawk l‑iktar imfittxija

L‑ispeċijiet eżotiċi jiġu f’kull għamla u daqs. Xi wħud jiddaħħlu apposta u għandhom importanza ekonomika, oħrajn għandhom impatt żgħir imma numru mhux żgħir ikkawża diżastri. B’riżultat ta’ dan, pass minn tal‑ewwel fl‑iżvilupp ta’ miżuri ta’ kontroll u ġestjoni, huwa li jiġu identifikati l‑iktar speċijiet offensivi sabiex l‑isforzi jiġu mmirati lejn dawn.

Sabiex tikseb fehim aħjar tal‑ispeċijiet eżotiċi invażivi u l‑impatt tagħhom fuq il‑bijodiversità Ewropea l‑EEA, bl‑appoġġ ta’ numru ta’ esperti, stabbiliet lista tal‑agħar speċijiet eżotiċi invażivi li qed jheddu l‑bijodiversità fl‑Ewropa.

Fil‑preżent il‑lista fiha 163 speċi jew grupp ta’ speċijiet. Mal‑lista jiżdiedu l‑ispeċijiet li jkunu mifruxa u/ jew jekk joħolqu problemi sinifikanti għall‑bijodiversità u l‑ekosistemi fil‑ħabitati ġodda tagħhom.

L‑ispeċijiet fuq il‑lista, li minnhom il‑pjanti vaskulari huma l‑iktar komuni b’39 entrata, għandhom impatt sinifikanti fuq il‑bijodiversità awtoktona fil‑livell ġenetiku, tal‑ispeċijiet u tal‑ekosistema. Ħafna minnhom jolqtu wkoll is‑saħħa tal‑bniedem u l‑ekonomija. Kull sena mill‑1950 ’l hawn jistabbilixxu ruħhom, bħala medja, iktar minn speċi waħda ta’ dawk elenkati u m’hemm ebda sinjal ċar li s‑sitwazzjoni qiegħda titjieb ( Figura 1).

L‑ispeċijiet fuq il‑lista joriġinaw minn ħafna partijiet tad‑dinja, b’mod partikolari mill‑Ażja u l‑Amerika ta’ Fuq ( Figura 2). Madankollu, ħafna oħrajn għandhom l‑oriġini tagħhom f’parti waħda tal‑Ewropa imma kienu ttrasportati f’postijiet oħra fuq il‑kontinent.

Inħarsu ’l quddiem

L‑azzjonijiet neċessarji għall‑ġlieda kontra l‑ispeċijiet eżotiċi invażivi jinkludu miżuri għall‑ġestjoni u l‑irkupru li normalment huma kemm diffiċli kif ukoll iqumu ħafna flus.

Pereżempju, il‑miżuri ta’ kontroll kontra l‑bugħarwien qattiel kienu kkumplikati u ta’ spiss ikollhom biss effett lokali u temporanju. Madankollu, huma għadhom importanti.

Fl‑UE, diġà qed isiru tentattivi biex l‑ispeċijiet eżotiċi invażivi jiġu miġġielda permezz ta’ miżuri ta’ ġestjoni u rkupru, iffinanzjati mir‑Regolament dwar l‑Istrument Finanzjarju għall‑Ambjent (Financial Instrument for the Environment — LIFE).

Bejn l‑1992 u l‑2002, EUR 40 miljun kienu allokati lil proġetti li jittrattaw speċijiet invażivi u l‑investiment qiegħed jiżdied. L‑UE tiffinanzja wkoll l‑istudji ta’ dawn l‑ispeċijiet fi ħdan il‑'programm għar‑riċerka u l‑iżvilupp teknoloġiku'.

Il‑problema tal‑ispeċijiet eżotiċi invażivi mhix se titlaq. Il‑globalizzazzjoni u l‑bidla fil‑klima (speċijiet li jiċċaqalqu minħabba bidliet fil‑ħabitat naturali) ifissru li iżjed u iżjed minna se jiġu f’kuntatt ma’ dawn l‑ispeċijiet. Għalhekk tinħtieġ żieda fis‑sensibilizzazzjoni pubblika u politika biex jiġu allokati riżorsi għall‑kontroll tar‑rotot prinċipali tal‑introduzzjoni, għall‑monitoraġġ taż‑żoni ta’ riskju għal lokalizzazzjoni bikrija u biex wieħed ikun preparat għal azzjoni immedjata biex jeqred speċijiet mhux mixtieqa.

 

Referenzi

DAISIE, 2008. Delivering Alien Invasive Species Inventories for Europe.

EEA, 2007. L‑Ambjent tal‑Ewropa — Ir‑raba’ evalwazzjoni. Kopenħagen.

Kummissjoni Ewropea, 2006. Komunikazzjoni mill‑Kummissjoni. It‑twaqqif tat‑telf tal‑bijodiversità sa l‑2010 – u lil hinn it‑tisħiħ tas‑servizzi ta’ l‑ekosistema għall‑ġid tal‑bniedem. COM/2006/0216 finali.

IMO, 2004. Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali. Konvenzjonijiet.

Kettunen, Genovesi, Gollash, Pagad, Starfinger, ten Brink & Shine, għad qiegħed isir ix‑xogħol fuqu.

Scalera, R., 2008. How much is Europe spending for invasive alien species? Rapport lill‑EEA.

Weidema, I., 2000. Introduced Species in the Nordic Countries. Nord Environment 2000:13.

Permalinks

Dokument ta’ Azzjonijiet