All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Article
Dan l-aħħar, l-EEA ppubblikat rapport ġdid dwar il-Mekkaniżmu ta’ Rappurtar dwar it-Trasport u l-Ambjent (TERM, Transport and Environment Reporting Mechanism). Il-konklużjoni bażika hija li f’dak li għandu x’jaqsam mat-tibdil fil-klima u l-kwalità tal-arja, il-karozzi elettriċi huma ferm aktar preferibbli minn karozzi li jaħdmu bil-petrol jew minn dawk li jaħdmu bid-diżil. Għall-kuntrarju ta’ xi dubji pubbliċi u inċertezzi dwar il-benefiċċji ambjentali tal-karozzi elettriċi, ix-xjenza qed issir dejjem aktar ċara. Anki bit-taħlita tal-elettriku attwali fl-Ewropa, li għadha tinkludi ħafna elettriku mill-faħam, hemm benefiċċji ċari. Dawn il-benefiċċji se jkomplu jiżdiedu aktar ma jgħaddi ż-żmien, hekk kif l-Ewropa tuża aktar enerġija rinnovabbli fil-futur.
Dan huwa wkoll wieħed mill-ewwel rapporti li jġib perspettiva ta’ ekonomija ċirkolari fid-diskussjoni dwar il-karozzi elettriċi, u jagħti ħafna attenzjoni għall-użu mill-ġdid, għall-manifattura mill-ġdid u għar-riċiklaġġ. Saru ħafna studji xjentifiċi dwar l-impatti fuq iċ-ċiklu tal-ħajja tal-vetturi electriċċi. Fl-EEA, ġbarna flimkien dan l-għarfien u għamilnieh aċċessibbli għall-udjenza usa’. Hemm bżonn li ntejbu l-użu mill-ġdid u r-riċiklar ta’ karozzi elettriċi u l-komponenti tagħhom biex innaqqsu kemm jista’ jkun l-impatt tal-produzzjoni tagħhom fuq l-ambjent. Il-fażi tat-tmiem tal-ħajja hija partikolarment importanti għall-vetturi eletriċċi. Dawn fihom ħafna metalli u materja prima kritika oħra li jistgħu jikkunsmaw ammonti kbar ta’ enerġija biex jiġu pproċessati u xi kultant jinvolvu sustanzi tossiċi fil-produzzjoni tagħhom. Għalhekk, huwa ta’ benefiċċju kbir jekk nistgħu nirkuprawhom minn karozzi eżistenti u nerġgħu nużawhom. Jekk nistgħu nieħdu komponent sħiħ bħal batterija u nużawha f’applikazzjoni differenti, dan jista’ verament inaqqas l-impatt ambjentali globali b’mod sinifikanti.
Fir-rapport nenfasizzaw xi tagħlimiet importanti. L-ewwel nett, irridu niżguraw li l-provvista tal-elettriku użata biex isiru u jitħaddmu l-karozzi elettriċi tiġi minn sorsi rinnovabbli. Ir-rapport tagħna juri li dan huwa verament l-akbar fattur ewlieni ta’ influwenza fuq il-prestazzjoni ambjentali u tas-saħħa tagħhom. It-tieni nett, irridu niżguraw li dawn il-karozzi jservu fit-tul. Li tieħu l-massimu mill-kilometraġġ ta’ kull karozza elettrika li qed tiġi prodotta huwa essenzjali. Għalhekk, jekk jinstaqu biss għal 70 000 kilometru (km) u wara jintremew, il-prestazzjoni ambjentali ġenerali tagħhom ma tkunx daqshekk tajba meta mqabbla ma’ karozzi konvenzjonali minħabba l-enerġija żejda użata għall-produzzjoni tagħhom — aktar minn dik ta’ karozza konvenzjonali. Iżda ladarba jinstaqu għal 150 000 km jew aktar, il-paragun jiffavorixxi bis-sħiħ il-karozzi elettriċi. Fl-aħħar nett, meta jkun hemm bżonn li tintrema karozza elettrika, jeħtieġ li nagħmlu l-aħjar użu mill-materjali tagħha.
Huwa importanti ħafna li jingħad li l-ebda karozza qatt xi darba se tkun 100 % nadifa. Il-wasla tal-karozza elettrika ma tibdilx dan. Dak li qed ngħidu huwa li jekk verament għandek bżonn tuża karozza, karozza elettrika hija l-aħjar għażla għall-ambjent. Madankollu, l-użu tat-trasport pubbliku jew sempliċement li tmur għax-xogħol bil-mixi jew bir-rota dejjem se jkun ħafna aħjar għall-ambjent. Karozza tibqa’ karozza; li tissostitwixxi tip b’ieħor mhux ser issolvi problemi tat-trasport bħall-konġestjoni.
Il-muturi elettriċi huma sempliċement aktar effiċjenti minn magni tal-kombustjoni. Għalhekk ħafna mill-enerġija li tpoġġiet fil-batterija tispiċċa tintuża biex tinstaq il-karozza. Speċjalment meta il-vetturi elettriċi qed jinstaqu fil-bliet, dawn jaħlu inqas enerġija. Barra minn hekk, m’hemm l-ebda emissjonijiet mill-egżost ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja bħall-ossidi tan-nitroġenu u l-partikuli. Madankollu nsibu partikuli meta tibbrekja u meta jitgħerrew t-tajers, iżda b’mod ġenerali jkun hemm inqas partikuli meta mqabbla ma’ karozza tal-petrol jew tad-diżil. Il-vetturi elettriċi jistgħu jnaqqsu l-ħsejjes, b'mod speċjali b’veloċitajiet aktar baxxi fejn huma inqas storbjużi minn karozzi konvenzjonali.
Mil-lat ta’ saħħa, il-benefiċċju ewlieni huwa relatat mal-kwalità tal-arja. Xorta waħda se jkollok xi tniġġis tal-arja mill-elettriku li jikkonsmaw il-karozzi elettriċi. Madankollu, dan tipikament ikun ġej minn impjanti tal-enerġija li jista’ jkollhom kontrolli aħjar tat-tniġġis milli tista’ timplimenta b’karozza konvenzjonali u normalment jinsabu aktar 'il bogħod minn żoni b’densità għolja ta’ popolazzjoni.
Ħafna pajjiżi Ewropej huma attwalment pjuttost attivi fil-promozzjoni tal-użu tagħhom, speċjalment in-Norveġja, li mplimentat politiki ambizzjużi biex jintlaħaq is-sehem akbar ta’ karozzi elettriċi kif wkoll infrastruttura tajba għall-iċċarġjar tagħhom. Sar ukoll ħafna xogħol fl-Olanda, kif ukoll ir-Renju Unit u Franza. Jekk dawn jittieħdu flimkien, globalment l-Unjoni Ewropea hija waħda mill-atturi ewlenin, flimkien mall-Istati Uniti u ċ-Ċina. Kollha qed jinvestu ħafna fil-mobilità elettrika.
Ħafna mit-tħassib tal-konsumatur huma dwar jekk hemmx biżżejjed punti tal-iċċarġjar tul l-awtostradi jew fil-postijiet tal-parkeġġ kif ukoll il-pressjoni fuq is-sistemi ta’ distribuzzjoni u l-ispejjeż tal-elettriku tagħna. Bħalissa ftit li xejn għandna karozzi elettriċi fit-triq. Xi bliet għandhom aktar minn oħrajn, iżda b’mod ġenerali, madwar 1.5 % tal-flotta l-ġdida tal-karozzi fl-Ewropa mibjugħa s-sena l-oħra kienu karozzi elettriċi (batteriji elettriċi u ibridi rikarikabbli). Għalhekk jeħtieġ li l-infrastruttura tikber hekk kif aktar u aktar karozzi elettriċi jidhru fit-toroq tagħna. F’xi wħud mill-ibliet il-kbar, l-infrastruttura hija diġà tajba u l-għadd ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku kien qed jikber b’mod rapidu f’dawn l-aħħar snin.
Iva, il-kont tad-dawl se jogħla, iżda l-ispejjeż għall-karozza elettrika ser jkunu orħos minn dawk ta’ karozza normali li taħdem bil-petrol jew bid-diżil. Dan jgħin biex tpatti għall-prezz għoli tax-xiri tal-karozzi elettriċi matul iż-żmien.
It-tgħarrif tal-2016 tal-EEA dwar il-"Vetturi elettriċi u s-settur tal-enerġija — l-impatti fuq l-emissjonijiet futuri tal-Ewropa" stħarrġet l-impatti fuq is-sistemi ta’ distribuzzjoni tal-elettriku tagħna. Li kieku 80 % tal-karozzi kollha kellhom ikunu elettriċi fl-2050, il-konsum tal-elettriku tal-UE probabbli jitla’ b’madwar 10 %. Il-biċċa l-kbira tad-domanda għall-elettriku xorta tiġi mill-industrija u minn unitajiet domestiċi privati. B’mod simili għall-infrastruttura tal-iċċarġjar, is-sistema ta’ distribuzzjoni tal-elettriku wkoll se jkollha bżonn tevolvi hekk kif jibdew jinstaqu aktar karozzi elettriċi fit-triq. Din hija sfida iżda l-UE diġà qed tagħmel l-istess għall-integrazzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-sistema ta’ distribuzzjoni.
L-UE kollettivament nefqet biljuni ta’ ewro fir-riċerka rilevanti matul dawn l-aħħar għaxar snin u qed tirsisti għal espansjoni rapida tal-infrastruttura tal-iċċarġjar. Qiegħda wkoll tinvesti ħafna u tippromwovi infrastruttura alternattiva għall-fjuwils, li tinkludi ċarġers tal-vetturi elettriċi, speċjalment fuq il-kurituri ewlenin ta’ tranżitu Ewropej.
Barra minn hekk, l-UE qed taħdem bis-sħiħ għall-iżvilupp tal-produzzjoni tal-batteriji fl-Ewropa, minħabba li l-batteriji tal-karozzi elettriċi bħalissa huma prinċipalment prodotti fil-Ġappun, fiċ-Ċina u fil-Korea t’Isfel. Fl-aħħar nett, l-UE qed tagħmel regoli u standards komuni għall-vetturi elettriċi u għall-infrastruttura tal-iċċarġjar sabiex inti tkun tista’ tiċċaqlaq b’mod ħieles fl-Ewropa.
Andreas Unterstaller
For references, please go to https://eea.europa.eu./mt/articles/vetturi-elettrici-ghazla-intelligenti-ghall-ambjent or scan the QR code.
PDF generated on 26 Nov 2024, 04:12 PM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn