All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Article
Ir-rapport juri kif il-ħsejjes ambjentali, u b’mod partikolari l-ħsejjes tat-traffiku fit-toroq, jibqa’ problema ambjentali maġġuri li taffettwa s-saħħa u l-benesseri ta’ miljuni ta’ persuni fl-Ewropa. Għoxrin fil-mija tal-popolazzjoni tal-Ewropa huma esposti għal livelli ta’ storbju fit-tul li huma ta’ ħsara għal saħħithom. Dan jikkorrispondi għal aktar minn 100 miljun persuna fl-Ewropa. Id-data tissuġġerixxi wkoll li l-objettivi tal-politika fuq il-ħsejjes ambjentali ma nkisbux. Fil-fatt, abbażi tal-projezzjonijiet tagħna, mhux probabbli li l-għadd ta’ persuni esposti għall-istorbju se jonqos b’mod sinifikanti fil-futur minħabba tkabbir urban u domanda akbar ta’ mobilità.
L-esponiment fit-tul għall-istorbju jista’ jikkawża varjetà ta’ effetti fuq is-saħħa inkluż fastidju, disturb tal-irqad, effetti negattivi fuq is-sistema kardjovaskulari u metabolika, kif ukoll insuffiċjenza konjittiva fit-tfal. Meta nħarsu lejn id-dataattwali, nistmaw li l-ħsejjes ambjentali jikkontribwixxu għal 48,000 każ ġdid tal-mard tal-qalb iskemiku fis-sena kif ukoll 12,000 mewta prematura. Barra minn hekk, nistmaw li 22 miljun persuna jbatu minn fastidju kbir kroniku u li 6.5 miljun persuna jbatu minn disturbi kbar kroniċi tal-irqad. B’riżultat tal-istorbju tal-inġenji tal-ajru nistmaw li 12,500 tifel u tifla tal-iskola jsofru minn insuffiċjenza fil-qari fl-iskola.
Ħafna nies ma jirrealizzawx li t-tniġġis akustiku huwa problema importanti, li għandha impatt fuq is-saħħa tal-bniedem, inkluża tagħhom. Naturalment, hemm ħafna aktar imwiet prematuri assoċjati mat-tniġġis tal-arja milli mat-tniġġis akustiku. Madankollu, l-istorbju jidher li għandu impatt akbar fuq l-indikaturi relatati mal-kwalità tal-ħajja u s-saħħa mentali. Fil-fatt, skont xi sejbiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), l-istorbju huwa t-tieni l-akbar kawża ambjentali tal-problemi tas-saħħa, eżatt wara l-impatt tat-tniġġis tal-arja (materja partikolata).
F’xi pajjiżi, għad hemm perċentwal għoli ta’datanieqsa f’termini ta’ mmappjar tal-ħoss u pjanijiet ta’ azzjoni. Il-problemi tal-istorbju ma jistgħux jiġu evalwati u indirizzati kif xieraq jekk il-pajjiżi, ir-reġjuni u l-ibliet ma jipproduċux l-immappjar tal-ħoss jew il-pjanijiet ta’ azzjoni meħtieġa mid-direttiva.
L-EEA hi inkarigata biex tiġbor l-informazzjoni kollha li l-pajjiżi jissottomettu skont id-Direttiva dwar il-Ħsejjes Ambjentali. L-istat attwali ta’ għarfien dwar is-sorsi tal-istorbju u l-esponiment tal-popolazzjoni fl-Ewropa huwa bbażat fil-biċċa l-kbira tiegħu fuq din il-bażi ta’data. Aħna nipproduċu għadd ta’ rapporti u valutazzjonijiet ibbażati fuq din id-data. Huma jgħinu biex insegwu l-progress li jkun sar biex jintlaħqu l-objettivi tat-tniġġis akustiku u jistgħu wkoll jinfurmaw l-iżvilupp ta’ programmi ta’ azzjoni ambjentali fil-futur. Minbarra r-rapport li ġie ppubblikat dan l-aħħar Environmental Noise in Europe (Ħsejjes Ambjentali fl-Ewropa), hemm għadd ta’ rapporti preċedenti dwar l-istorbju li saru mill-EEA, bħal Quiet areas in Europe - The environment unaffected by noise pollution (2016) (Żoni trankwilli fl-Ewropa - L-ambjent mhux affettwat mit-tniġġis akustiku (2016)), Unequal exposure and unequal impacts: Social vulnerability to air pollution, noise and extreme temperatures in Europe (2018) (Esponiment mhux ugwali u impatti mhux ugwali: Il-vulnerabbiltà soċjali għat-tniġġis tal-arja, l-istorbju u t-temperaturi estremi fl-Ewropa (2018)). In-nies jistgħu jiċċekkjaw ukoll l-informazzjoni dwar it-tniġġis akustiku permezz tal-viżwalizzatur tal-istorbju tal-EEA jew permezz ta’ skedi informattivi skont il-pajjiż dwar l-istorbju.
Il-pajjiżi, ir-reġjuni u l-ibliet qed jieħdu għadd ta’ miżuri biex jindirizzaw il-problemi tal-istorbju. Pereżempju, l-installazzjoni ta’ asfalt b’livell baxx ta’ ħoss, l-użu ta’ tajers silenzjużi fuq vetturi tat-trasport pubbliku, aktar infrastruttura disponibbli għall-karozzi elettriċi fl-ibliet, il-promozzjoni ta’ vjaġġar attiv bħall-mixi jew iċ-ċikliżmu, ir-riżerva tat-toroq għall-persuni miexja eċċ. Għadd sinifikanti ta’ bliet u reġjuni stabbilixxew ukoll ’l hekk imsejħa żoni trankwilli, fejn in-nies jistgħu jmorru biex jaħarbu mill-istorbju tal-ibliet. Dawn huma fil-biċċa l-kbira tagħhom spazji ħodor, bħal parks jew riżervi naturali.
Ħafna minn dawn il-miżuri wrew ukoll li huma ta’ benefiċċju għat-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja. Naraw li mod ta’ kif jiżdied l-impatt tal-miżuri ta’ mitigazzjoni tal-istorbju filwaqt li jiġu ottimizzati l-ispejjeż u l-isforzi jista’ jkun it-tfassil ta’ strateġiji kkombinati għall-mitigazzjoni tat-tniġġis akustiku u dak tal-arja mit-traffiku. Jekk il-miżuri kontra l-istorbju ma jiġux implimentati biex jindirizzaw il-problemi tal-istorbju, x’aktarx li l-għadd ta’ persuni esposti għall-istorbju mhux se jonqos b’mod sinifikanti fil-futur minħabba tkabbir urban u domanda akbar ta’ mobilità. X’aktarx li tnaqqis sinifikanti ta’ persuni esposti għal livelli ta’ storbju li jagħmlu l-ħsara jintlaħaq mhux biss permezz ta’ miżuri individwali iżda permezz ta’ kombinazzjoni ta’ miżuri differenti, , li jinkludu titjib teknoloġiku, politiki aktar ambizzjużi dwar l-istorbju, ippjanar urban u infrastrutturali aħjar, u bidliet fl-imġiba tan-nies.
Eulalia Peris
L-espert dwar il-ħsejjes ambjentali tal-EEA
Intervista ppubblikata fil-ħarġa ta’ Marzu 2020 tal-Bullettin tal-EEA ta’ 01/2020
For references, please go to https://eea.europa.eu./mt/articles/it-tniggis-akustiku-huwa-problema or scan the QR code.
PDF generated on 23 Nov 2024, 01:44 AM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn