All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
News
L-isfidi tal-plastik huma fil-biċċa l-kbira minħabba l-fatt li s-sistemi ta’ produzzjoni u konsum tagħna mhumiex sostenibbli. Il-pandemija tal-COVID-19 u t-tibdil fil-klima amplifikaw l-attenzjoni pubblika għall-kriżi tal-iskart tal-plastik li qed niffaċċjaw.
Hans Bruyninckx, id-Direttur Eżekuttiv tal-EEA
Filwaqt li l-għarfien, it-tħassib u l-azzjoni dwar kif narmu l-plastik fl-ambjent tal-baħar u f'postijiet oħra kibru bil-kbir f'dawn l-aħħar snin, hemm ħafna impatti oħrajn u inqas magħrufa tal-plastik, inkluż il-kontribut tiegħu għat-tibdil fil-klima u sfidi ġodda relatati mal-pandemija tal-COVID-19, skont ir-rapport tal-EEA “Plastics, the circular economy and Europe's environment — A priority for action” (Il-Plastiks, l-ekonomija ċirkolari u l-ambjent tal-Ewropa — Prijorità biex tittieħed azzjoni).
Ir-rapport iħares lejn il-produzzjoni, il-konsum u l-kummerċ tal-plastik, l-impatt ambjentali u klimatiku tal-plastiks matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom u jesplora t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari tal-plastik permezz ta' tliet perkorsi li jinvolvu lil dawk li jfasslu l-politika, l-industrija u l-konsumaturi.
“L-isfidi tal-plastik huma fil-biċċa l-kbira minħabba l-fatt li s-sistemi ta’ produzzjoni u konsum tagħna mhumiex sostenibbli. Il-pandemija tal-COVID-19 u t-tibdil fil-klima amplifikaw l-attenzjoni pubblika għall-kriżi tal-iskart tal-plastik li qed niffaċċjaw. Huwa ċar li l-aħjar mod huwa li nimxu lejn ekonomija fundamentalment sostenibbli u ċirkolari tal-plastik, fejn nużaw il-plastik b’mod ferm aktar għaqli, filwaqt li nużawh mill-ġdid u nirriċiklawh b'mod aħjar. Barra minn hekk, il-produzzjoni tal-plastik minn materja prima rinnovabbli għandha tkun il-punt tat-tluq" sostna Hans Bruyninckx, id-Direttur Eżekuttiv tal-EEA.
Ir-rapport juri li l-produzzjoni, l-użu u l-kummerċ tal-plastik qed ikomplu jikbru. Għadd dejjem akbar ta' politiki u inizjattivi tal-UE diġà qegħdin fis-seħħ biex jindirizzaw l-isfidi li jippreżentaw il-plastiks, b'mod partikolari dawk li jippreżentaw il-plastiks li jintużaw darba. Fl-2018, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat l-ewwel Strateġija komprensiva tad-dinja dwar il-plastik f'ekonomija ċirkolari, li tistabbilixxi l-approċċ tal-UE biex tindirizza l-isfidi tal-plastik, segwita mid-Direttiva dwar il-Plastik li Jintuża Darba Biss fl-2019.
Ir-rapport tal-EEA jindika tliet perkorsi għall-ġejjieni inkluż l-użu aktar intelliġenti tal-plastik, iż-żieda taċ-ċirkolarità, u l-użu ta’ materja prima rinnovabbli. Flimkien dawn jistgħu jgħinu jiżguraw li aħna niksbu sistema tal-plastik sostenibbli u ċirkolari. Flimkien mar-rapport, illum ġew ippubblikati wkoll żewġ aġġornamenti relatati dwar il-plastik u t-tessuti u dwar mudelli ta' negozju ċirkolari abilitanti.
Il-pandemija tal-coronavirus ikkawżat bidliet fil-produzzjoni, il-konsum u l-iskart tal-plastik. Il-maskri tal-plastik għandhom rwol vitali biex jillimitaw aktar it-tixrid tal-COVID-19. Iżda ż-żieda fl-iskart tal-plastik minħabba d-domanda għall-maskri u l-ingwanti, flimkien mal-produzzjoni mibdula u l-użu ta’ prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss bħall-kontenituri tat-take-away u l-imballaġġ tal-plastik għall-bejgħ online, jistgħu jipperikolaw l-isforzi tal-UE fuq perjodu qasir biex jitrażżan it-tniġġis tal-plastik u nimxu lejn sistema tal-plastik aktar sostenibbli u ċirkolari.
Il-konsum u l-produzzjoni tal-plastik jinvolvu l-użu ta' kwantitajiet kbar ta' fjuwils fossili, li għandhom implikazzjonijiet negattivi għall-ambjent u t-tibdil fil-klima. Minbarra din il-problema, it-tnaqqis fl-attività ekonomika ra tnaqqis kbir fil-prezzijiet globali taż-żejt u b’hekk il-manifatturi setgħu jipproduċu prodotti tal-plastik minn materjali verġni u bbażati fuq il-fossili milli materjali tal-plastik riċiklati. Jekk il-produzzjoni u l-użu tal-plastik ikomplu jiżdiedu kif previst, l-industrija tal-plastik se tkun responsabbli għal 20% tal-użu globali taż-żejt sal-2050, żieda mis-7% tal-lum.
Ir-rapport jiddikjara li d-datamill-Inventarju tal-Gassijiet b'effett ta' serra tal-EEA turi li l-emissjonijiet annwali relatati mal-produzzjoni tal-plastik fl-UE jammontaw għal madwar 13.4 miljun tunnellata ta' CO2, jew madwar 20 % tal-emissjonijiet tal-industrija tal-kimika madwar l-UE kollha. Il-vijabbiltà ekonomika tas-suq Ewropew u globali tar-riċiklaġġ tal-plastik bħalissa tinsab taħt pressjoni sinifikanti. Domanda aktar baxxa tas-suq għall-plastik riċiklat ikkomplikat ukoll l-isforzi ta' ħafna mill-muniċipalitajiet tal-Ewropa biex jimmaniġġjaw il-prattiki tal-iskart tagħhom b'mod sostenibbli, u għażliet anqas mixtieqa għar-rimi tal-iskart qed jintużaw għal kwantitajiet sinifikanti ta' skart tal-plastik.
Source: EEA, 2020
Parti mill-problema tal-plastik hija t-tessuti magħmula minn fibri sintetiċi bħall-poliester u n-najlon. Skont informazzjoni separata tal-EEA li tħares lejn il-plastik fit-tessuti, il-konsumaturi fl-UE jarmu madwar 5.8 miljun tunnellata ta’ tessuti kull sena – madwar 11-il kilogramma kull persuna – li minnhom madwar żewġ terzi jikkonsistu f’fibri sintetiċi. Skont id-datadisponibbli mill-2017, id-djar Ewropej jikkunsmaw madwar 13-il miljun tunnellata ta’ prodotti tessili (ħwejjeġ, żraben u tessuti tad-dar). It-tessuti bbażati fuq il-plastik jikkostitwixxu madwar 60 % tal-ħwejjeġ u 70 % tat-tessuti tad-dar. Il-promozzjoni ta' għażliet ta' fibra sostenibbli u l-kontroll tal-emissjonijiet tal-mikroplastik, u t-titjib tal-ġbir separat, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ, għandhom il-potenzjal li jtejbu s-sostenibbiltà u ċ-ċirkolarità tat-tessuti sintetiċi f'ekonomija ċirkolari.
Hemm żieda fl-interess u fl-opportunitajiet ta’ qligħ fit-tibdil tal-mudelli tradizzjonali tan-negozju biex isiru aktar ċirkolari, li jippermettu li materjali u prodotti jerġgħu jintużaw u li jibqgħu fl-ekonomija għall-itwal żmien possibbli. Tgħarrif tal-EEA "A framework for enabling circular business models in Europe" (Qafas li jippermetti mudelli tan-negozju ċirkolari fl-Ewropa), li ħareġ ukoll illum, jidentifika l-azzjonijiet li jistgħu jittieħdu biex jiġu implimentati mudelli tan-negozju ċirkolari b’mod effettiv. Dan jidentifika wkoll fatturi li jippermettu li jiġu aġġornati fuq skala wiesgħa bħala parti mill-bidla mistennija lejn ekonomija ċirkolari. Tranżizzjoni bħal din se tirrikjedi li l-politiki t-tajbin ta’ appoġġ ikunu fis-seħħ, kif ukoll mġiba li twassal għal bidla fil-konsum u l-edukazzjoni.
For references, please go to https://eea.europa.eu./mt/highlights/il-plastik-thassib-ambjentali-u or scan the QR code.
PDF generated on 22 Nov 2024, 08:45 PM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn