All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Article
Skart ta’ kull xorta jinsab f’moviment kontinwu. Ammonti dejjem akbar, speċjalment ta’ skart tal‑karti, plastik u metalli qed jiġu ttrasportati minn pajjiżi żviluppati lejn pajjiżi fejn l‑istandards ambjentali huma inqas stretti. Bastimenti enormi jbaħħru fuq l‑ibħra internazzjonali kuljum b’tagħbijiet ta’ merkanzija minn swieq emerġenti fl‑Ażja lejn il‑Punent. Minflok ma jbaħħru lura vojta, u fl‑istess ħin biex ikollhom materjal li jservi bħala saborra, is‑sidien tal‑bastimenti xejn ma jiddejqu li jieħdu skart ta' prodotti mill‑Ewropa biex jiġu rriċiklati fl‑Ażja.
Dan ma jfissirx li t‑trasport tal‑iskart bil‑baħar mhuwiex regolat. Kemm in‑NU kif ukoll l‑UE għandhom regoli stretti dwar x’jista’ jiġi ttrasportat u fejn. Fuq livell globali, il‑kummerċ internazzjonali ta’ ‘skart perikoluż’ (skart li huwa potenzjalment perikoluż għan‑nies jew għall‑ambjent) huwa rregolat mill‑Konvenzjoni ta’ Basel tan‑NU.
Il‑projbizzjoni li tinsab f’din il‑Konvenzjoni ma ġietx iffirmata minn biżżejjed pajjiżi sabiex tidħol fis‑seħħ globalment. Madankollu, l‑UE għandha restrizzjonijiet fis‑seħħ u tippermetti li ‘skart perikoluż’ jiġi ttrasportat biss lejn 'pajjiżi żviluppati’ fejn jeżistu t‑teknoloġiji meħtieġa u liġijiet ta’ sigurtà u ambjentali suffiċjenti. ‘Pajjiż żviluppat’, għall‑finijiet tar‑restrizzjonijiet, huwa ddefinit bħala membru tal‑Organizzazzjoni għall‑Kooperazzjoni u l‑Iżvilupp Ekonomiċi (OECD).
L‑għan fit‑tul tal‑UE hu li kull Stat Membru jarmi l‑iskart tiegħu stess f’daru (il‑‘prinċipju tal‑prossimità'). Madankollu, billi t‑trasport marittimu ta’ skart perikoluż u problematiku għar‑rimi mill‑Istati Membri tal‑UE kważi żdied b’erba’ darbiet bejn l‑1997 u l‑2005, dan l‑għan għadu ma ntlaħaqx.
Il‑fatturi li jmexxu l‑esportazzjoni u l‑importazzjoni tal‑iskart ivarjaw: id‑disponibbiltà ta’ teknoloġija ta’ trattament speċjali; nuqqas ta’ materjali; differenzi fil‑prezzijiet għar‑rimi u l‑irkupru.
Il‑politika Komunitarja, li tistabbilixxi miri għar‑riċiklaġġ, twassal ukoll għal trasport ta’ skart minn Stati Membri li ma jistgħux jilħqu l‑miri tagħhom f’pajjiżhom. Il‑volumi ta’ skart fuq is‑suq iżommu l‑ispejjeż baxxi għal pajjiż bħaċ‑Ċina, li għandu bżonn materja prima rħisa. Kemm‑il darba dan l‑iskart ma jkunx għar‑rimi u ma jkunx fih materjali perikolużi, jitqies li huwa kummerċ aċċettabbli.
L‑Ewropa għandha ġabra ta’ leġiżlazzjoni fis‑seħħ dwar it‑trasport ta’ skart perikoluż u problematiku. Madankollu, huma meħtieġa aktar provi dwar l‑effikaċja tal‑leġiżlazzjoni f’dak li jirrigwarda t‑taffija tal‑pressjoni fuq l‑ambjent.
L‑iskart elettroniku, li huwa meqjus bħala perikoluż, huwa każ importanti. Fl‑Afrika u fl‑Ażja spiss jiġi żarmat bi ftit jew b’ebda tagħmir ta’ protezzjoni personali jew miżuri ta’ kontroll tat‑tniġġis. Il‑komponenti spiss jinħarqu fil‑beraħ biex jiġu rkuprati metalli, u jiġu jintremew fl‑arja partiċelli ta’ rmied b’metalli tqal u materjali tossiċi, li jirriżulta f’espożizzjoni akbar għall‑bniedem, kif ukoll kontaminazzjoni tal‑ikel, il‑ħamrija, u l‑ilma tal‑wiċċ.
M’għandniex stampa ċara dwar l‑iskart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) ttrasportat fi ħdan u ’l barra mill‑UE parzjalment minħabba li jintużaw kodiċijiet ambigwi għar‑rapportaġġ tat‑trasport ta’ skart elettroniku. Huwa diffiċli biex wieħed jgħid jekk sett tat‑televiżjoni jkunx qiegħed jiġi ttrasportat bħala oġġett użat, li huwa aċċettabbli, jew inkella bħala skart għar‑rimi, li mhuwiex. B’mod ġenerali, l‑esportazzjoni ta’ WEEE mill‑UE għal pajjiżi mhux membri tal‑OECD huwa pprojbit. Madankollu, l‑esportazzjoni ta’ TV li jkun għadu jaħdem hija perfettament aċċettabbli.
Kien hemm każijiet iddokumentati sew li jiksru din il‑projbizzjoni. Tabilħaqq, jidher li porzjon sinifikanti ta’ settijiet tat‑televiżjoni, kompjuters, moniters u telefons użati li jiġu esportati lejn pajjiżi mhux membri tal‑OECD huma skart mixtri bl‑intenzjoni li jiġu rkuprati l‑komponenti u l‑elementi msemmija hawn fuq.
Jekk l‑UE ma tistax tinforza b’mod suffiċjenti l‑projbizzjoni tagħha fuq l‑esportazzjoni ta’ WEEE lejn pajjiżi mhux membri tal‑OECD, dan jista’ jdgħajjef serjament ir‑ratifika tal‑projbizzjoni fuq livell globali tal‑Konvenzjoni ta’ Basel.
Minkejja d‑diffikultajiet assoċjati mas‑sejba, il‑kontroll u l‑analiżi ta’ dejta dwar l‑iskart, l‑EEA fi sħubija maċ‑'Ċentru Tematiku Ewropew dwar il‑Ġestjoni tar‑Riżorsi u tal‑Iskart' għamlet analiżi tat‑trasport ta’ skart mill‑UE lejn reġjuni oħrajn.
Jekk nużaw statistika dwar il‑kummerċ Ewropew, huwa possibbli li nidentifikaw l‑ammonti, id‑daqs u l‑valur tal‑esportazzjoni ta’ prodotti elettroniċi u elettriċi użati ttrasportati mill‑UE lejn reġjuni oħrajn ( Figura 1).
Fl‑2005, aktar minn 15 000 tunnellata settijiet tat‑televiżjoni tal‑kulur ġew esportati mill‑UE lejn pajjiżi Afrikani. Fin‑Niġerja, il‑Gana u l‑Eġittu biss, madwar 1 000 sett waslu kuljum. Il‑valur medju ta’ settijiet tat‑televiżjoni tal‑kulur esportati lejn l‑Afrika huwa baxx ħafna: għall‑Afrika biss il‑prezz għal kull unità kien ta’ EUR 64 u EUR 28 bħala medja għat‑tliet pajjiżi msemmija hawn fuq. B’paragun, is‑settijiet mibjugħin fl‑Ewropa għandhom valur medju ta’ EUR 350.
Il‑valur baxx għal kull unità tas‑settijiet mibgħuta lejn l‑Afrika jissuġġerixxi li ħafna minn dawn l‑esportazzjonijiet huma fil‑fatt prodotti użati, li l‑biċċa l‑kbira tagħhom aktarx li jkunu skart.
Peress li dawn iċ‑ċifri huma għas‑settijiet biss, l‑esportazzjoni totali ta' kompjuters, telefons ċellulari, CD plejers eċċ, lejn dawn ir‑reġjuni huwa mistenni li jkun ferm ogħla. Dan jissuġġerixxi li l‑projbizzjoni tal‑UE fuq il‑kummerċ ta' skart perikoluż ma' pajjiżi mhux membri tal‑OECD qed tiġi miksura.
Bejn l‑1995 u l‑2007 ( Figura 2), it‑trasport marittimu ta’ skart mhux perikoluż bħal karta, plastik u metalli ’l barra mill‑UE żdied ukoll b’mod drammatiku, l‑aktar lejn l‑Ażja, b’mod partikolari ċ‑Ċina.
L‑ammont ta’ skart ta’ karta esportat lejn l‑Ażja żdied b’għaxar darbiet. Għall‑plastik, iż‑żieda kienet ta’ ħdax‑il darba u għall‑metalli b’ħames darbiet. L‑iskart ittrasportat bil‑baħar żdied ukoll fi ħdan l‑UE, iżda b’livell ferm aktar baxx.
Fl‑2007 l‑ammont ta’ skart tal‑karti ttrasportat lejn l‑Ażja kien ekwivalenti għall‑ammont ittrasportat minn pajjiż tal‑UE għal ieħor. Il‑kwantità ta’ metalli ttrasportati fi ħdan l‑UE kien akbar mill‑ammont ittrasportat lejn l‑Ażja. Madankollu, l‑UE ttrasportat aktar skart tal‑plastik lejn is‑suq Ażjatiku milli fi ħdan l‑UE.
Għal aktar minn għaxar snin, il‑prezz ta’ materja prima kien għoli ħafna u dan, min‑naħa l‑oħra, żied il‑valur ta’ materja prima sekondarja rkuprata permezz tar‑riċiklaġġ.
L‑iskart ta’ metall, karta u plastik u skart ta’ materjali oħrajn mill‑Ewropa qed jalimenta l‑ekonomija Ażjatika li qed tikber, li ma tistax tiġi ssodisfata b’materjal ‘verġni’.
Il‑leġiżlazzjoni Komunitarja (bħad‑Direttiva dwar l‑Imballaġġ) li teħtieġ li l‑Istati Membri jiksbu livelli ta’ riċiklaġġ, ukoll indirettament tħeġġeġ it‑trasport ta’ materjal skart għar‑riċiklaġġ.
Ir‑rekwiżiti tal‑UE għal rati speċifiċi ta’ riċiklaġġ wasslu għal ammonti dejjem akbar ta’ materjal skart riċiklabbli fuq is‑suq. Pereżempju, l‑ammont ta’ ‘skart tal‑imballaġġ’ tal‑karta u l‑kartun li jiġi rriċiklat żdied minn madwar 24 għal 30 miljun tunnellata bejn l‑1997 u l‑2005. L‑ammont ta’ imballaġġ tal‑plastik irriċiklat żdied minn madwar 10 għal 14‑il miljun tunnellata fl‑istess perjodu. Dan hu tajjeb għall‑ambjent?
L‑użu ta’ materjali ta’ skart irriċiklat minflok materjali verġni huwa ġeneralment tajjeb għall‑ambjent. Pereżempju, kilo karta magħmul minn materja prima rriċiklata juża nofs l‑enerġija tal‑produzzjoni bl‑użu ta’ materjali verġni. L‑aluminju magħmul minn aluminju rriċiklat jista’ juża sa 5 % biss tal‑enerġija meħtieġa bl‑użu ta’ materjali verġni.
B’mod ġenerali, ir‑riċiklaġġ b’hekk jikkontribwixxi sostanzjalment għat‑tnaqqis ta’ emissjonijiet relatati mal‑enerġija ta’ CO2 u pressjonijiet ambjentali oħrajn.
Madankollu, peress li spiss ma nkunux nafu x’jiġri mill‑iskart ladarba jitlaq minn port Ewropew, ma nistgħux ngħidu jekk kunsinna individwali bil‑baħar, u t‑trasport tal‑iskart bil‑baħar b’mod ġenerali, humiex tajbin jew ħżiena għall‑ambjent.
Fi ħdan l‑UE, it‑trasport transkonfinali ta’ skart għar‑rimi, kif ukoll skart ‘perikoluż u problematiku’ għall‑irkupru, irid jiġi nnotifikat lill‑awtoritajiet nazzjonali. Din in‑notifika ‘nazzjonali’ hija ddettaljata ħafna. Madankollu, il‑Kummissjoni Ewropea tirċievi biss verżjoni fil‑qosor tad‑dejta dwar it‑trasport ta’ skart, biex b’hekk l‑istampa ġenerali fuq livell tal‑UE mhijiex ċara.
Kieku kellha tiġi rrapportata informazzjoni aktar iddettaljata, b’mod speċjali dwar it‑tipi ta’ skart ittrasportati, l‑istampa ġenerali tkun tippermetti evalwazzjoni ferm aħjar tal‑konsegwenzi ambjentali u ekonomiċi ta' dan it‑trasport. Dan jgħinna wkoll biex inkunu nistgħu ngħidu jekk it‑trasport tal‑iskart huwiex immotivat minħabba alternattivi ta' trattament aħjar, kapaċità akbar jew prezzijiet effikaċi. Inkunu nistgħu nifhmu aħjar ir‑rwol ta' standards aktar baxxi, leġiżlazzjoni nieqsa u infurzar iktar batut bħala fatturi li jistimulaw it‑trasport tal‑iskart lejn reġjuni inqas żviluppati. Stampa aktar ċara tat‑trasport legali fil‑livell tal‑UE tagħti wkoll indikazzjoni aħjar tat‑trasport illegali.
Peress li dan il‑livell ta’ rapportaġġ diġà qed iseħħ fuq livelli nazzjonali — ħafna pajjiżi diġà jiġġeneraw statistiċi nazzjonali aktar dettaljati dwar l‑importazzjoni u l‑esportazzjoni tal‑iskart — iż‑żieda fir‑rapportaġġ m’għandhiex iżżid b’mod sinifikanti l‑piż fuq l‑Istati Membri.
Referenzi
Basel Action Network 2002: Exporting Harm.
The high‑tech trashing of Asia, Frar 2002.
EEA, 2007. L‑Ambjent tal‑Ewropa — Ir‑Raba’ Evalwazzjoni, 2007.
EEA, 2008. L‑immaniġġjar aħjar tal‑iskart muniċipali jnaqqas l‑emissjonijiet tal‑gassijiet b’effett ta’ serra. Sommarju tal‑EEA Nru. 1/2008.
EEA, 2009. Environmental impacts from import and export of waste (fi stadju ta’ tħejjija).
ETC/RWM, 2008. Transboundary shipments of waste in the EU.
Kummissjoni Ewropea, 2007. L‑Istati Membri tal‑UE jirrapportaw skont id‑Deċiżjoni tal‑Kummissjoni 99/412/KEE tat‑3 ta’ Ġunju 1999 dwar kwestjonarju fuq l‑obbligi tal‑Istati Membri li jagħmlu rapporti skond l‑Artikolu 41(2) tar‑Regolament tal‑Kunsill (KEE) Nru 259/93.
IMPEL (The European Union Network for the Implementation and Enforcement of Environmental Law), 2005. Threat Assessment Project, the illegal shipments of waste among IMPEL Member States, Mejju 2005.
Greenpeace 2008:
Chemical Contamination at E‑waste recycling and disposal sites in Acra
and Korforidua, Ghana — Greenpeace Research Laboratories, Nota
Teknika 10/2008, Awwissu 2008.
Segretarjat
tal‑Konvenzjoni ta’ Basel, 2007.
Il‑Gazzetta The Sun, 5 ta’ Awwissu 2008.
For references, please go to https://eea.europa.eu./mt/articles/mhux-wara-biebi-2014-garr-internazzjonali-ta2019-skart-bilbastimenti-u-lambjent or scan the QR code.
PDF generated on 23 Nov 2024, 05:45 AM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn