All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Article
L-ewwel biċċiet tal-leġiżlazzjoni ambjentali fl-Unjoni Ewropea (UE) daħlu fis-seħħ iktar minn erba’ deċennji ilu. Minn dak iż-żmien, l-Istati Membri tal-UE ġabru u rrappurtaw b’mod regolari dejta komparabbli fuq medda wiesgħa ta’ kwistjonijiet ambjentali minn konċentrazzjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa kull siegħa fl-ibliet għall-kejl staġjonali tal-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm. Huma jżommu rendikont ukoll ta’ l-ammont ta' emissjonijiet ta’ gass serra tagħhom, il-konsum ta’ l-enerġija tagħhom, is-sustanzi niġġiesa rilaxxati minn faċilitajiet industrijali, id-daqs u l-lok ta’ żoni protetti, eċċ. Dawn il-flussi ta’ dejta huma essenzjali biex jimmonitorjaw il-progress u jiżguraw implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni ambjentali.
It-teknoloġija użata fil-ġbir, fir-rappurtar u fl-analiżi tad-dejta ambjentali żviluppat bil-kbir f’dan il-perjodu. Issa nistgħu niġbru, naħżnu u nipproċessaw ammonti akbar ta’ dejta. Nistgħu wkoll ngħaqqdu flimkien flussi ta’ dejta biex dejjem iżjed infasslu analiżijiet iktar preċiżi dwar x’inhu jiġri u għaliex dan qiegħed jiġri. Il-mudelli jistgħu jagħmlu stima ta’ l-impatti tat-tniġġis ta’ l-arja billi l-konċentrazzjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa ta’ l-arja jiġu pplottjati kontra d-densità tal-popolazzjoni f’postijiet definiti. Id-dejta minn osservazzjonijiet satelliti, li jinkludu dawk ġejjin mill-programm ta' osservazzjoni tad-dinja tal-UE Copernicus, tista’ tingħaqad ma’ dejta rrappurtata mit-tagħmir ta’ monitoraġġ fuq l-art u fuq il-baħar. Nistgħu nagħmlu stima ta’ l-impatti preżenti u futuri tad-degradazzjoni ambjentali u tat-tibdil fil-klima.
Regoli komuni ta’ l-UE jiżguraw il-kompatibilità tad-dejta u jiffaċilitaw l-iskambju ta’ dejta u informazzjoni madwar l-Ewropa. Madankollu, biex wieħed jifhem it-tendenzi ambjentali, huwa essenzjali li jikkoopera mhux biss ma’ l-Unjoni Ewropea, iżda wkoll fuq livell Ewropew usa’ u fuq dak internazzjonali. Grazzi għan-Netwerk Ewropew ta’ Informazzjoni u Osservazzjoni ta’ l-Ambjent (Eionet) u s-sħab Ewropej u internazzjonali, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent hija f’pożizzjoni unika li tipproċessa informazzjoni ambjentali u tipprevedi bżonnijiet ta' għarfien futuri.
Minkejja d-diskrepanzi f’xi oqsma, l-għarfien attwali dwar l-ambjent huwa impressjonanti. L-għarfien tagħna ta’ kwistjonijiet speċifiċi espanda maż-żmien. Madankollu, dan l-għarfien imsaħħaħ enfasizza wkoll il-bżonn li nħarsu lejn l-"istampa l-kbira" – il-bżonn għal analiżijiet iktar sistemiċi, li nħarsu lejn sistemi sħaħ, bħas-sistemà tal-mobilità u s-sistema ta’ l-ikel. Il-monitoraġġ tal-konċentrazzjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja javvanzana biss sa ċertu punt. Ma nistgħux nanalizzaw u nindirizzaw it-tniġġis ta’ l-arja mingħajr ma nħarsu lejn it-trasport, dijżilizzazzjoni tal-flotta tal-vetturi, l-agrikoltura, it-tifrix urban u t-tendenzi fil-konsum. L-ambjent huwa kumpless u l-bażi ta’ għarfien tagħna teħtieġ li tkun fattur f’din il-kumplessità. Ħareġ biċ-ċar li fil-futur, aħna dejjem iżjed ser ikollna bżonn għarfien sistemiku u trasversali.
L-analiżi sistemika tikkonstitwixxi l-qofol ta' L-Ambjent Ewropew – l-Istat u l-Perspettiva 2015 ta’ l-EEA l-aktar reċenti. Bix-xogħol tagħna fuq il-megatendenzi globali, ippruvajna nivvalutaw l-influwenza tat-tendenzi globali ta’ l-ambjent ta’ l-Ewropa u viċeversa. Rapporti tematiċi ta’ l-EEA jippruvaw jindirizzaw ukoll il-kwistjoni preżenti fi ħdan analiżi sistemika usa’.
Din it-tip ta’ analiżi ħafna drabi tappella għal tip differenti ta’ flussi ta’ dejta u ta' ġestjoni ta' dejta, li torbot mill-qrib id-dejta soċjo-ekonomika mad-dejta ambjentali. Barra minn hekk, iktar u iktar dejta qiegħda tinġabar miċ-ċittadini u mill-kumpaniji privati. Dan jista’ wkoll jeħtieġ li aħna nibnu sħubijiet ġodda ta’ dejta bejn il-pubbliku u l-privat, is-sidien lokali u globali u l-kolletturi.
Barra mill-kwistjonijiet ta’ sjieda u ta' ġestjoni ta’ dejta, ammonti kbar ta’ dejta jippreżentaw sfida oħra: kif niddistillaw l-għarfien, l-għarfien relevanti għall-politika b’mod partikolari, minn flussi kbar ta’ dejta. X’għandna bżonn inkunu nafu biex intejbu aktar l-ambjent? Din ir-riflessjoni tista’ twassal biex tidentifika oqsma ġodda biex jiġu mmonitorjati, oħrajn biex ma jibqgħux jiġu mmonitorjati jew biex jiġu mmonitorjati inqas spiss. Tista’ wkoll teħtieġ il-bini ta’ konnessjonijiet ġodda bejn settijiet ta’ dejta. Barra minn hekk, l-għarfien meħtieġ minn pjanatur urban jista’ jkun differenti ferm minn dak ta’ leġiżlatur Ewropew. Kif jista’ l-għarfien ambjentali jikkontribwixxi għall-ġestjoni ta’ sistemi kumplessi bħall-ibliet?
B’kollaborazzjoni mill-qrib mas-sħab, l-EEA qiegħda tikkontribwixxi għall-bażi ta’ għarfien ambjentali tal-Ewropa b’valutazzjonijiet sistemiċi-integrati u tematiċi. Ma niffukawx biss fuq tendenzi tal-passat u fuq l-istat preżenti, iżda wkoll fuq kwistjonijiet emerġenti u bżonnijiet ta’ għarfien futuri.
Finalment, l-impatt tal-għarfien jiddependi fuq jekk huwiex użat u kif inhu użat. L-għarfien jeħtieġ li jkun aċċessibbli u relevanti biex iwassal għal titjib fl-ambjent. Jeħtieġ ukoll li jiġi kkomunikat u użat minn dawk li jistgħu jinfluwenzaw proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet. L-EEA hija impenjata f'li tadatta, tipproduċi u tikkomunika għarfien ambjentali meħtieġ illum u fil-futur.
Hans Bruyninckx
Direttur Eżekuttiv ta’ l-EEA
For references, please go to https://eea.europa.eu./mt/articles/gharfien-ambjentali-tal-futur or scan the QR code.
PDF generated on 23 Dec 2024, 05:29 AM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn