All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Article
L-Ewropa jeħtieġ li tinvesti b’mod sostanzjali fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u fl-adattament għalih. Is-settur finanzjarju jista’ u ser ikollu rwol strumentali fl-appoġġ għat-tranżizzjoni ta’ l-Ewropa lejn soċjetà b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta' karbonju u reżiljenti għat-tibdil fil-klima. Investimenti mis-settur pubbliku mhux ser ikunu biżżejjed għall-finanzjament tat-tranżizzjoni iżda jistgħu jgħinu biex jimmobilizzaw u jsaħħu l-kapital privat, ħaġa li hija indispensabbli biex l-investiment jingħata direzzjoni ġdida bl-iskala meħtieġa.
Hans Bruyninckx, Direttur Eżekuttiv ta’ l-EEA
L-Ewropa jeħtieġ li tinvesti b’mod sostanzjali fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u fl-adattament għalih. Stimi tal-ammonti attwali meħtieġa jvarjaw b’mod sinifikanti u, skont l-ambitu, l-iskala jew il-metodoloġija, jistgħu jammontaw sa mijiet ta’ biljuni ta’ Euro fis-sena. Meta mqabbla mal-kapaċità ta’ finanzjament ġenerali tas-sistema finanzjarja, dawn il-ħtiġijiet ta’ l-investiment huma relattivament żgħar. Madankollu, minkejja l-kapaċità estensiva tagħha, is-sistema finanzjarja bħalissa tissodisfa biss frazzjoni mill-investiment meħtieġ.
L-isfidi ewlenin biex tingħata spinta lill-investimenti li ma jagħmlux ħsara lill-klima jinkludu, fost oħrajn, it-tegħlib ta’ l-ostakli u r-restrizzjonijiet eżistenti fis-sistema finanzjarja li jtawlu u jippromwovu attivitajiet insostenibbli; u d-direzzjoni l-ġdida tal-fondi lejn inizzjattivi li jsaħħu r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima u jnaqqsu l-emissjonijiet ta' karbonju. Għal miżuri koerenti u effettivi fil-prattika, il-ħtiġijiet ta’ l-investimenti għandhom jiġu indirizzati b’mod sistematiku fil-livelli kollha – dak Ewropej, nazzjonali u lokali. Id-divulgazzjoni koerenti u sħiħa ta’ riskji għall-klima minn kumpaniji hi prerekwiżit biex isiru deċiżjonijiet informati dwar l-investiment. Minbarra li titjieb it-trasparenza fuq ir-riskji għall-klima, l-ippjanar fit-tul u l-impenn ukoll jibagħtu sinjali ċari lill-investituri.
Il-ftehim ta’ Pariġi tal-2015 stabbilixxa l-għan globali li 'l-flussi finanzjarji kollha jsiru konsistenti ma’ direzzjoni lejn żvilupp b’emissjonijiet baxxi u reżiljenti għat-tibdil fil-klima'. Dan l-għan ġie kkonfermat ukoll mill-konferenza dwar it-tibdil fil-klima ta’ l-2016 f’Marrakesh.
Il-pakkett dwar l-enerġija nadifa, li ġie propost riċentement mill-Kummissjoni Ewropea, jikkonferma l-impenn ta’ l-UE għal tranżizzjoni b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta' karbonju u reżiljenti għat-tibdil fil-klima. Il-pakkett jispjega l-mira ta’ tnaqqis ta’ mill-inqas 40% ta’ l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u jipproponi l-miri ta’ mill-inqas 30% għall-effiċjenza enerġetika u ta’ mill-inqas 27% għall-enerġija rinnovabbli sa l-2030. Jenfasizza wkoll ir-rwol importanti li għandhom l-investimenti f’enerġija nadifa u l-kobenefiċċji ekonomiċi tagħhom. Skont il-Kummissjoni Ewropea, billi jimmobilizza sa EUR 177 biljun ta’ investiment pubbliku u privat fis-sena mill-2021, il-pakkett propost jista’ jiġġenera żieda sa’ 1% fil-PDG matul l-għaxar snin li ġejjin u joħloq 900000 impjieg ġdid.
Il-qafas u l-miri tal-politika ta’ l-UE b’mod ġenerali huma implimentati permezz ta’ strateġiji u azzjonijiet konkreti fil-pajjiżi, inklużi l-Istrateġiji ta’ Żvilupp b’Emissjonijiet Baxxi ta’ Karbonju nazzjonali. Valutazzjoni preliminari ta’ dawn l-istrateġiji mill-EEA turi li huma jvarjaw b’mod konsiderevoli fl-ambitu u fid-dettall kif ukoll fil-livell ta’ ambizzjoni. Dawn jinkludu informazzjoni limitata ħafna fuq il-bżonnijiet tal-finanzjament u pjanijiet biex l-investimenti jingħataw direzzjoni ġdida. Barra minn hekk, viżjoni fit-tul fuq livell nazzjonali f’konformità mal-miri tad-dekarbonizzazzjoni ta’ l-UE ħafna drabi hi nieqsa. B’mod simili, ħafna pajjiżi wkoll adottaw strateġiji u pjanijiet nazzjonali ta’ azzjoni għall-adattament, iżda d-dettalji dwar il-finanzjament ta’ dawn ħafna drabi mhumiex disponibbli. Biex tissaħħaħ il-fiduċja ta’ l-investituri, l-Istrateġiji ta’ Żvilupp b’Emissjonijiet Baxxi ta’ Karbonju u l-pjanijiet għall-adattament nazzjonali għandhom jiġu kkumplimentati bi strateġiji għall-finanzjament tal-klima nazzjonali.
Investimenti mis-settur pubbliku mhux ser ikunu biżżejjed għall-finanzjament tat-tranżizzjoni iżda jistgħu jgħinu biex jimmobilizzaw u jsaħħu l-kapital privat, ħaġa li hija indispensabbli biex l-investiment jingħata direzzjoni ġdida bl-iskala meħtieġa.Mill-inqas 20% tal-baġit ta’ l-UE għall-2014-2020 huwa allokat għal azzjoni relatata mal-klima. Id-deċiżjoni riċenti tal-UE li testendi u żżid il-Fondi Ewropej għall-Investimenti Strateġiċi u l-grupp ta’ livell għoli stabbilit dan l-aħħar dwar il-finanzjament sostenibbli huma wkoll passi importanti biex tinbena sistema finanzjarja li trawwem is-sostenibbiltà fl-Ewropa.
Strateġiji għall-finanzjament tal-klima jeħtieġu l-involviment ta’ partijiet interessati differenti – pubbliċi u privati – fil-livelli kollha, inkluż il-livell lokali. Is-sistema finanzjarja trid ukoll tevolvi biex tipprevedi għal tipi differenti ta’ bżonnijiet u għal sorsi differenti.
Xi muniċipalitajiet Ewropej diġà ħasbu f’modi innovattivi biex jiffinanzjaw l-azzjonijiet tagħhom billi kkombinaw sorsi ta’ finanzjament differenti jew żviluppaw oħrajn ġodda bħall-finanzjament kollettiv ta’ bonds dwar il-klima. Madankollu, skont il-valutazzjoni li ġejja tagħna, ħafna muniċipalitajiet għadhom jaffaċċjaw diffikultajiet biex isibu finanzjament għall-azzjonijiet ta’ adattament għall-klima tagħhom. In-nuqqas ta’ kapaċità u ta’ għarfien espert fis-sejbien ta’ sorsi u fl-applikazzjoni għat-tip ta’ finanzjament l-aktar adegwat jippreżenta ostaklu importanti fost l-oħrajn. Barra minn hekk, f’ħafna każijiet, miżuri ta’ adattament għall-klima għadhom mhumiex meqjusa bħala 'investimenti ta’ profitt' minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet finanzjarji.
Żieda fis-sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji għall-klima u dwar il-benefiċċji addizzjonali ta’ miżuri ta’ adattament (eż. titjib fil-kwalità tal-ħajja u l-attraenza tal-post li jibbenefika minn miżuri bħal dawn) tista’ tirriżulta f’valutazzjoni differenti ta’ x’jikkostitwixxi investiment tajjeb.
Minħabba r-rwol vitali tal-finanzjament tal-klima biex isseħħ it-tranżizzjoni neċessarja fl-Ewropa, l-EEA qed taħdem lejn il-valutazzjoni tal-konnessjonijiet bejn l-azzjonijiet attwali u dawk futuri għall-mitigazzjoni u għall-adattament fuq naħa waħda, u s-sistemi finanzjarji u dawk fiskali fuq in-naħa l-oħra. Fehim akbar ta’ dawn il-konnessjonijiet huwa prerekwiżit biex jitneħħew l-ostakli għall-finanzjament tal-klima u għad-direzzjoni l-ġdida tal-fondi biex tiġi appoġġjata t-tranżizzjoni b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta' karbonju u reżiljenti għat-tibdil fil-klima. Ser inkunu qed nikkondividu s-sejbiet tagħna matul l-2017.
Hans Bruyninckx
Direttur Eżekuttiv tal-EEA
L-editorjal ippubblikat fil-Bullettin ta’ l-EEA ta’ l-04/2016, Diċembru 2016.
For references, please go to https://eea.europa.eu./mt/articles/finanzjament-tal-klima-rizorsi-ghal or scan the QR code.
PDF generated on 23 Dec 2024, 03:47 AM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn