All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Iż-żewġ ekosistemi jipprovdu firxa wiesgħa ta’ oġġetti u servizzi, kif ukoll riżorsi naturali, il-mezzi tal-kummerċ u t-trasport u opportunitajiet għar-rikreazzjoni. Il-ħarsien ta’ dawn il-benefiċċji jirrikjedi perspettiva li tkun wiesgħa ugwalment. Il-politiki dwar l-ilma u l-ambjent tal-baħar jeħtieġ li jiġu integrati ma’ dawk dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima u d-diversità bijoloġika. Jenħtieġ ukoll li dawn jiġu integrati ma’ politiki dwar id-diversi setturi involuti, bħall-agrikoltura, it-turiżmu, l-enerġija u t-trasport.
Ir-riżorsi ta’ l-ilma ħelu ta’ l-Ewropa jinsabu taħt pressjoni dejjem akbar u ż-żoni kostali u l-ibħra tagħha nbidlu b’mod sinifikanti tul is-sekli ta’ attività tal-bniedem. Dan ikkawża tibdil ambjentali fl-ekosistemi kostali u tal-baħar, bħal tniġġis fl-ilma u ewtrofikazzjoni (jew arrikkiment tan-nutrijenti), telf tad-diversità bijoloġika, deterjorament tal-pajsaġġ u erożjoni kostali.
Pressjonijiet bħall-użu ta’ l-art, estrazzjoni ta’ l-ilma u tibdil fil-klima jistgħu jibdlu r-reġimi tal-flussi tal-korpi ta’ l-ilma. Barra minn hekk, f’xi żoni, l-użu ta’ l-ilma ta’ spiss jaqbeż id-disponibbiltà ta’ l-ilma, li jirriżulta fi stress fuq l-ilma. Aħna għandna ntejbu l-mod li bih nużaw u niġġestixxu r-riżorsi tagħna tal-baħar u ta’ l-ilma ħelu jekk irridu nibqgħu nibbenefikaw mis-servizzi vitali li l-ekosistemi tal-ilma tagħna jipprovdu.
Il-ħarsien tar-riżorsi ta’ l-ilma u tal-baħar — u l-iżgurar tal-kwalità ekoloġika tagħhom — huwa l-qofol tal-politika ambjentali tal-UE. Id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (WFD), li ġiet introdotta fl-2000 u d-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (MSFD) ta’ l-2008 huma oqfsa għall-ġestjoni ta’ l-ekosistemi kollha tal-ilma. Dawn jistabbilixxu l-għan li jintlaħaq status ambjentali tajjeb għar-riżorsi tagħna ta’ l-ilma ħelu u tal-baħar permezz ta’ approċċ ibbażat fuq l-ekosistemi jew approċċ olistiku.
L-ilmijiet ta’ l-Ewropa huma ferm aktar nodfa minn kif kienu 25 sena ilu, bis-saħħa ta’ l-investiment fis-sistemi tat-trattament tad-drenaġġ sabiex jitnaqqas it-tniġġis minn trattament ta’ l-ilma tar-rimi urban. Madankollu, il-mira tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma għall-2015 intlaħqet għal 53 % biss tal-korpi ta’ l-ilmijiet tal-wiċċ fl-Ewropa. Il-bqija xorta waħda għadhom fi stat ekoloġiku dgħajjef (Rapport dwar l-Immaniġġjar tal-Qiegħ tax-Xmajjar 2012).
Minkejja t-titjib sinifikanti fit-trattament ta’ l-ilma mormi, it-tnaqqis fis-sajd eċċessiv u ż-żieda fil-kopertura taż-Żoni Protetti tal-Baħar, il-miri tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina 2020 għal status ambjentali tajjeb f’ambjenti kostali u tal-baħar, jibqgħu ukoll ta' sfida.
Il-ħarsien ta’ l-ilma komuni u l-ambjenti tal-baħar, tar-riżorsi u ta’ l-ekosistemi tal-Ewropa mit-tniġġis, l-estrazzjoni eċċessiva u t-tibdil strutturali ser jeħtieġ azzjoni kkoordinata fil-livell ta’ l-UE.
Id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma tipprovdi qafas għall-ħarsien u l-ġestjoni ta’ l-ilma fl-UE. Fl-2010, l-Istati Membri ta’ l-UE rrilaxxaw 160 pjan ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara għall-perjodu 2009-2015, bl-għan li jitħares u jittejjeb l-ambjent ta’ l-ilma. It-tieni sett ta’ pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara li jkopri l-perjodu 2016-2021, ġie ffinalizzat fl-2016/2017.
Fl-2012, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat Pjan ta’ Azzjoni għas-Salvagwardja tar-Riżorsi ta’ l-Ilma ta’ l-Ewropa (COM(2012)673). Dan jiffoka fuq azzjonijiet tal-politika li ser itejbu l-mod li bih tiġi applikata fil-prattika l-leġiżlazzjoni attwali dwar l-ilma u fuq l-integrazzjoni tal-miri tal-politika dwar l-ilma ma’ politiki oħrajn. Il-Pjan ta’ Azzjoni jibni fuq il-politiki dwar l-ilma li jirreletaw ma’ l-effiċjenza fir-riżorsi ta’ l-ilma u mal-ġestjoni sostenibbli ta’ l-ilma fl-istess żmien bħall-Istrateġija 2020 ta’ l-UE sa l-2050.
Minbarra d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u l-Pjan ta’ Azzjoni, hemm erba’ Direttivi dwar l-ilma li jiżguraw l-istatus tajjeb ta’ l-ilmijiet ta’ l-Ewropa:
Id-Direttiva dwar l-Għargħar (2007/60/KE), li tħeġġeġ l-iżvilupp ta’ pjanijiet għall-ġestjoni tar-riskju ta’ l-għargħar, tappoġġja wkoll b’mod sinifikanti l-għanijiet tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma.
Id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina, appoġġjata mid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttivi dwar il-Ħabitats u l-Għasafar, hija rispons ibbażat fuq l-ekosistema kollha li għandha l-għan li tilħaq status ambjentali tajjeb għal bosta aspetti ambjentali speċifiċi.
Kif ġie stipulat fid-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina, fl-2012 seħħew tliet passi importanti fl-implimentazzjoni tagħha: (1) L-Istati Membri ppreżentaw rapporti dwar il-valutazzjoni inizjali tagħhom ta’ l-istatus ambjentali attwali ta’ l-ilmijiet marittimi tagħhom (l-Artikolu 8 tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina); (2) L-Istati Membri ddeterminaw xi jfisser status ambjentali tajjeb (GES) għall-ilmijiet marittimi ta’ reġjuni u subreġjuni marittimi (l-Artikolu9 tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina); u (3) L-Istati Membri identifikaw il-miri ambjentali u l-indikaturi assoċjati magħhom biex jiggwidaw il-progress tagħhom lejn l-ilħuq ta’ status ambjentali tajjeb sa l-2020 (l-Artikolu 10 tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina).
Politiki importanti oħrajn ta’ l-UE li jippreżentaw approċċ koerenti għall-kwistjonijiet marittimi b’koordinazzjoni mtejba bejn oqsma ta’ politika differenti huma l-Politika Marittima Integrata (PMI), il-Ġestjoni Integrata taż-Żona Kostali (ICZM), id-Direttiva dwar l-Ippjanar Spazjali Marittimu (2014/89/UE) u l-Politika Komuni tas-Sajd (PKS).
L-ilmijiet Ewropej mhumiex biss it-tħassib ta’ l-UE. Għal għexieren ta’ snin, kien hemm kooperazzjoni reġjonali u internazzjonali b’saħħitha permezz ta’ l-organizzazzjonijiet u l-konvenzjonijiet li ġejjin:
L-istruttura Eionet ta’ l-EEA tipprovdi wkoll bażi solida għall-istabbiliment ta’ politika armonizzata u l-implimentazzjoni ta’ qafas fost il-pajjiżi membri ta’ l-EEA li mhumiex fl-UE u l-pajjiżi tal-viċinat.
Il-missjoni ta’ l-EEA hija li tipprovdi informazzjoni f’waqtha, immirata, rilevanti u affidabbli dwar il-kwistjonijiet relatati ma’ l-ilma u mal-baħar. Din hija appoġġjata miċ-Ċentru Tematiku Ewropew dwar l-Ilmijiet Interni, Kostali u Marittimi (ETC/ICM).
L-EEA tappoġġja l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ politiki ta’ l-UE eżistenti u li jmiss dwar l-ilma u l-baħar. Din tikkontribwixxi għal bażi ta’ għarfien komprensiv li jindirizza l-preservazzjoni, ir-reżiljenza u r-restawr ta’ l-ilmijiet Ewropew u l-ekosistemi tal-baħar. Din tipprovdi bażi soda għat-tfassil tal-politika u tieħu l-forma ta’ rapporti, data, indikaturi u valutazzjonijiet, li kollha huma disponibbli fuq is-sit web ta’ l-EEA u l-pjattaformi ta’ l-informazzjoni online (WISE-Freshwater, WISE-Marine).
Is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar l-Ilma għall-Ewropa (WISE) hija sħubija bejn il-Kummissjoni Ewropea (Id-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka u l-Eurostat) u l-EEA. Il-WISE hija portal komprensiv għall-għarfien dwar l-ilma ħelu. Iċ-Ċentru tad-Data dwar l-Ilma, parti importanti tal-WISE, jipprovdi data u informazzjoni oħra miġbura mill-istituzzjonijiet ta’ l-UE għall-partijiet ikkonċernati. Dawk li jaraw WISE u l-mapep interattivi ta' WISE jippermettu l-aċċess u l-preżentazzjoni ta’ firxa wiesgħa ta’ informazzjoni fil-kuntest ġeografiku tagħha.
WISE-Marine qiegħed jiġi żviluppat bħala portal ibbażat fuq il-web għall-kondiviżjoni ta’ l-informazzjoni dwar l-ambjent tal-baħar fil-livell ta’ l-UE. L-enfasi tiegħu fuq l-istat ta’ l-ambjent tal-baħar fl-iskala Ewropea ser jikkumplimenta kopertura simili fil-livelli reġjonali u nazzjonali, bħall-konvenzjonijiet dwar il-baħar reġjonali u s-sistemi ta’ informazzjoni dwar il-baħar ta’ l-Istati Membri. WISE-Marine ser jipprovdi data u informazzjoni f’konformità ma’ l-istandards komuni u ser jikkontribwixxi għal teħid ta’ deċiżjonijiet aħjar dwar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli ta’ l-ambjent tal-baħar.
Minbarra r-rapporti dwar l-istat ta’ l-ambjent ta’ l-EEA (SOERs), li huma ppubblikati kull 5 snin, dan jippubblika wkoll serje ta’ rapporti sabiex jiġi vvalutat l-istat ta’ l-ilma ta’ l-Ewropa u l-ambjent tal-baħar: L-Istat ta’ l-ibħra Ewropej (2015), Il-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm Ewropew (2016, 2017), L-Ikel tal-Baħar fl-Ewropa (2016), Ix-Xmajjar u l-għadajjar fl-ibliet Ewropej (2016), il-politiki Ewropej dwar l-ilma u s-saħħa tal-bniedem (2016), u briefing dwar l-ipprezzar tal-ilma (2017).
Ir-rapporti ta’ l-EEA jindirizzaw aspetti kritiċi ta’ l-ilma għat-tfassil tal-politika bħall-effiċjenzi fir-riżorsi u l-ekonomija, l-istatus ekoloġiku u kimiku, l-idromorfoloġija (jew il-karatteristiċi fiżiċi tal-korpi tal-ilma), il-vulnerabbiltà u l-bijodiversità.
L-ETC/ICM jippubblika wkoll rapporti tekniċi li jistgħu jiġu aċċessati fuq is-sit web tiegħu.
L-EEA ser tkompli tipprovdi informazzjoni u valutazzjonijiet, b’enfasi akbar fuq l-approċċ ibbażat fuq l-ekosistemi u l-ġestjoni sostenibbli ta’ l-ilma u l-użu ta’ l-ibħra Ewropej. WISE ser tkompli tospita l-bażi ta’ l-għarfien meħtieġa sabiex jiġi mmonitorjat il-progress ta’ l-Ewropa fil-perkors tagħha lejn status ambjentali tajjeb għall-ambjenti tagħha ta’ l-ilma ħelu u tal-baħar.
For references, please go to https://eea.europa.eu./mt/themes/water/intro or scan the QR code.
PDF generated on 23 Dec 2024, 04:40 AM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn