All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Il-konsum ta’ prodotti u servizzi fil-pajjiżi membri tal-EEA huwa punt ewlieni li jagħti spinta lill-użu tar-riżorsi globali — u l-impatti ambjentali assoċjati. Il-konsum fl-Ewropa (ikel u xorb, djar, mobilità u turiżmu) qiegħed jirriżulta f’sehem ikbar ta’ pressjonijiet u impatti ambjentali madwar id-dinja minħabba żvilupp mgħaġġel fil-kummerċ globali. Il-kisba ta’ tnaqqis notevoli f’dawn l-effetti jappella għal bidla fix-xejriet ta’ konsum privat u pubbliku biex jiġi supplimentat il-gwadann minn teknoloġija u proċessi ta’ produzzjoni mtejba.
Bejn l-1990 u l-2010, fl-UE-27 in-nefqa tal-konsum żdiedet bi 33%. Il-pajjiżi Balkani tal-Punent u t-Turkija raw żieda ikbar — b’120% u 63% rispettivament għall-istess perjodu. Id-djar nefqu bejn darbtejn u sitt darbiet iktar mis-settur pubbliku. L-effetti ambjentali negattivi tal-prodotti kkunsmati fl-Ewropa huma globali — l-estrazzjoni ta’ riżorsi, il-produzzjoni, l-ipproċessar u t-trasport iħallu impatt fuq reġjuni oħrajn.
Id-drawwiet ta’ ikel u xorb tagħna jirriżultaw fi pressjonijiet ambjentali notevoli: nikkawżawhom direttament billi nivvjaġġaw lejn il-ħwienet, insajru u billi niġġeneraw skart; u b’mod indirett — u b’mod saħansitra iktar importanti — permezz tal-produzzjoni tal-ikel, l-ipproċessar u t-trasport.
Nixtru dejjem iktar prodotti elettriċi u elettroniċi (bħal televiżjonijiet, kompjuters, laptops, mobajls u apparati tal-kċina), u nibdluhom b’mod iktar spiss minn qatt qabel ukoll. Il-konsum tal-elettriku fid-djar qiegħed jiżdied. Djarna qegħdin isiru iktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija, iżda qegħdin nibnu wkoll djar ikbar għal inqas nies, u l-konsum tal-enerġija għat-tisħin qiegħed jonqos biss bi ftit. Fl-2008, kull ċittadin Ewropew rema madwar 445 kg ta’ skart domestiku.
L-ivvjaġġar bil-karozza u bl-ajruplani qiegħed jiżdied, u dan qiegħed ikompli jżid il-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra; iktar traffiku fit-toroq huwa kontributur ewlieni għat-tniġġis tal-arja u jikkaġuna problemi ta’ storbju fl-ibliet ukoll. Ix-xejra ta’ żminijietna li ngħixu f’żoni urbani b’densità baxxa qiegħda tirriżulta f’tixrid urban, u b’hekk jiżdied il-konsum tal-enerġija, ir-riżorsi, it-trasport u l-art.
It-turiżmu qiegħed jikber b’rata mgħaġġla, u l-ivvjaġġar lejn u mid-destinazzjonijiet tagħna spiss isir bil-karozza jew bl-ajruplan. Fid-destinazzjonijiet turistiċi, il-konsum tal-ilma u l-enerġija, l-użu tal-art u l-ġenerazzjoni ta’ skart/drenaġġ spiss iħallu impatti ambjentali notevoli.
Il-politika tal-UE għadha biss kemm tibda tindirizza l-isfida ta’ xejriet ta’ konsum insostenibbli. L-inizjattivi Ewropej bħall-Politika dwar il-Prodotti Integrati u d-Direttiva dwar l-Ekodisinn (2009/125/KE) kellhom l-għan li jnaqqsu l-impatti ambjentali tal-prodotti, inkluż il-konsum enerġetiku tagħhom, matul iċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tagħhom. Barra minn hekk, il-politiki tal-UE jistimolaw ukoll is-swieq li jilqgħu l-innovazzjoni bl-Inizjattiva tal-UE dwar is-Swieq Pilota. Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli u dwar Politika Industrijali Sostenibbli tal-2008 tal-Kummissjoni Ewropea, li sejjer jiġi rivedut fl-2012, isaħħaħ l-akkwist pubbliku ekoloġiku u jniedi xi azzjonijiet biex jindirizzaw l-imġiba tal-konsumaturi. Madanakollu, il-politiki attwali, spiss ibbażati fuq strumenti volontarji, għadhom ma jindirizzawx biżżejjed il-kaġuni primarji tal-konsum insostenibbli; għandhom it-tendenza li, minflok, jiffokaw fuq it-tnaqqis tal-impatti.
F’Settembru 2011, il-Kummissjoni Ewropea adottat Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi. Jinkludi proposti biex jissaħħaħ l-akkwist pubbliku ekoloġiku u tiġi indirizzata l-impronta ambjentali tal-prodotti. Għandu l-għan li jistabbilixxi metodoloġija komuni għall-valutazzjoni, il-wiri u l-ħruġ ta’ valutazzjoni komparattiva tal-prestazzoni ambjentali ta’ prodotti, servizzi u kumpaniji, u sabiex jiżgura li jkun hemm fehim aħjar dwar l-imġiba tal-konsumaturi. Jirrakkomanda wkoll miżuri għat-tnaqqis tal-impatti ambjentali fl-oqsma tal-konsum tal-ikel, djar u mobilità.
Il-konsum sostenibbli huwa fundamentali fil-pjan ta’ azzjoni għall-iżvilupp sostenibbli, l-Aġenda 21, adottat fil-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp (UNCED - United Nations Conference on Environment and Development) li saret f’Rio de Janeiro fl-1992. Fil-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (Rio+20) tal-2012, l-għan huwa li jintlaħaq ftehim dwar qafas globali ta’ programmi dwar il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli. Ħafna inizjattivi u azzjonijiet huma meħuda f’livelli nazzjonali, reġjonali u lokali wkoll, pereżempju fi ħdan strateġiji reġjonali ta’ żvilupp sostenibbli u bħala parti mill-proċessi tal-Aġenda 21.
Il-konsum sostenibbli huwa sfida komuni fejn l-atturi kollha, inklużi l-awtoritajiet pubbliċi, in-negozji u l-konsumaturi, jridu jġorru r-responsabilità tagħhom.
Il-ħidma tal-EEA fuq il-konsum tinkludi:
Il-ħidma tal-EEA f’dan il-qasam hija appoġġjata miċ-Ċentru Tematiku Ewropew dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli (ETC/SCP - European Topic Centre on Sustainable Consumption and Production).
Fl-2012, l-EEA sejra tappoġġja lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Parlament Ewropew kif ukoll lill-pajjiżi membri u kooperattivi tal-EEA bil-pubblikazzjoni fuq l-internet ta’ sett ta’ indikaturi biex jitkejjel il-progress lejn il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli, u aġġornament tal-valutazzjoni tal-2010 dwar il-konsum u l-ambjent. Barra minn hekk, l-EEA tappoġġja s-summit Dinji ta’ Rio+20 dwar l-iżvilupp sostenibbli b’bosta attivitajiet dwar l-għajxien sostenibbli, mudelli ta’ negozju sostenibbli u oħrajn.
For references, please go to https://eea.europa.eu./mt/themes/households/intro or scan the QR code.
PDF generated on 23 Nov 2024, 12:18 AM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn