All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
News
Id-datatal-EEA turi li l-investiment fi kwalità tal-arja aħjar huwa investiment għal saħħa u produttività aħjar għall-Ewropej kollha. Politiki u azzjonijiet li huma konsistenti mal-ambizzjoni tal-Ewropa ta’ tniġġis żero, iwasslu għal ħajja itwal u aktar b’saħħitha u soċjetajiet aktar reżiljenti.
Hans Bruyninckx, Direttur Eżekuttiv tal-EEA
Ir-rapport tal-EEA “Il-kwalità tal-arja fl-Ewropa — Rapport tal-2020” juri li sitt Stati Membri qabżu l-valur limitu tal-Unjoni Ewropea għall-materja partikolata fina (PM2.5) fl-2018: il-Bulgarija, il-Kroazja, iċ-Ċekja, l-Italja, il-Polonja u r-Rumanija. Erba’ pajjiżi biss fl-Ewropa — l-Estonja, il-Finlandja, l-Iżlanda u l-Irlanda — kellhom konċentrazzjonijiet ta’ materja partikolata fina li kienu taħt il-valuri tal-linji gwida aktar stretti tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO). Ir-rapport tal-EEA jinnota li għad hemm lakuna bejn il-limiti legali tal-kwalità tal-arja tal-UE u l-linji gwida tad-WHO, kwistjoni li l-Kummissjoni Ewropea tfittex li tindirizza b’reviżjoni tal-istandards tal-UE skont il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero.
L-analiżi l-ġdida tal-EEA hija bbażata fuq l-aħħar data uffiċjali dwar il-kwalità tal-arja minn aktar minn 4 000 stazzjon ta’ monitoraġġ fl-Ewropa kollha fl-2018.
Skont il-valutazzjoni tal-EEA, l-esponiment għall-materja partikolata fina kkawża madwar 417 000 mewta prematura f’41 pajjiż Ewropew fl-2018. Madwar 379 000 minn dawk l-imwiet seħħew fl-EU-28 filwaqt li 54 000 u 19 000 mewta prematura ġew attribwiti għad-diossidu tan-nitroġenu (NO2) u għall-ożonu fil-livell tal-art (O3), rispettivament. (It-tliet ċifri huma stimi separati u n-numri ma għandhomx jingħaddu flimkien biex jiġi evitat l-għadd doppju).
Ir-rapport tal-EEA juri li l-politiki tal-UE, nazzjonali u lokali u t-tnaqqis tal-emissjonijiet f’setturi ewlenin tejbu l-kwalità tal-arja fl-Ewropa kollha. Mill-2000, l-emissjonijiet ta’ sustanzi ewlenin li jniġġsu l-arja, inklużi l-ossidi tan-nitroġenu (NOx), mit-trasport naqsu b’mod sinifikanti, minkejja ż-żieda fid-domanda tal-mobbiltà u ż-żieda assoċjata fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra tas-settur. L-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa mill-provvista tal-enerġija raw ukoll tnaqqis kbir filwaqt li l-progress fit-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-bini u l-agrikoltura kien kajman.
Bis-saħħa ta’ kwalità tal-arja aħjar, madwar 60 000 persuna inqas mietu qabel iż-żmien minħabba tniġġis tal-materja partikolata fina fl-2018, meta mqabbel mal-2009. Għad-diossidu tan-nitroġenu, it-tnaqqis huwa saħansitra akbar minħabba li l-imwiet prematuri naqsu b’madwar 54 % matul l-aħħar għaxar snin. L-implimentazzjoni kontinwa tal-politiki ambjentali u klimatiċi fl-Ewropa kollha hija fattur ewlieni tat-titjib.
“Id-datatal-EEA turi li l-investiment fi kwalità tal-arja aħjar huwa investiment għal saħħa u produttività aħjar għall-Ewropej kollha. Politiki u azzjonijiet li huma konsistenti mal-ambizzjoni tal-Ewropa ta’ tniġġis żero, iwasslu għal ħajja itwal u aktar b’saħħitha u soċjetajiet aktar reżiljenti,” qal id-Direttur Eżekuttiv tal-EEA, Hans Bruyninckx.
“Hija aħbar tajba li l-kwalità tal-arja qed titjieb bis-saħħa tal-politiki ambjentali u klimatiċi li aħna qegħdin nimplimentaw. Iżda ma nistgħux ninjoraw l-aspett negattiv — l-għadd ta’ mwiet prematuri fl-Ewropa minħabba li t-tniġġis tal-arja għadu għoli wisq. Bil-Patt Ekoloġiku Ewropew stabbilixxejna ambizzjoni għalina li nnaqqsu t-tipi kollha ta’ tniġġis għal żero. Jekk irridu nirnexxu u nipproteġu bis-sħiħ is-saħħa tan-nies u tal-ambjent, jeħtieġ li nkomplu nnaqqsu t-tniġġis tal-arja u nallinjaw l-istandards tal-kwalità tal-arja tagħna aktar mill-qrib mar-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. Aħna se nħarsu lejn dan fil-Pjan ta’ Azzjoni tagħna li jmiss” qal il-Kummissarju Sinkevičius.
Dan l-aħħar il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat pjan direzzjonali għall-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE Għal Ambizzjoni ta’ Tniġġis Żero, li huwa parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew.
Ir-rapport tal-EEA fih ukoll ħarsa ġenerali lejn ir-rabtiet bejn il-pandemija tal-COVID-19 u l-kwalità tal-arja. Valutazzjoni aktar dettaljata tad-dataproviżorja tal-EEA għall-2020 u l-immudellar ta’ appoġġ mis-Servizz ta’ Monitoraġġ tal-Atmosfera ta’ Copernicus (CAMS), jikkonferma valutazzjonijiet preċedenti li juru tnaqqis sa 60 % ta’ ċerti sustanzi li jniġġsu l-arja f’ħafna pajjiżi Ewropej fejn ġew implimentati miżuri ta’ lockdown fir-rebbiegħa tal-2020. L-EEA għad ma għandhiex stimi dwar l-impatti pożittivi potenzjali fuq is-saħħa tal-arja aktar nadifa matul l-2020.
Ir-rapport jinnota wkoll li l-esponiment fit-tul għas-sustanzi li jniġġsu l-arja jikkawża mard kardjovaskulari u respiratorju, li t-tnejn li huma ġew identifikati bħala fatturi ta’ riskju għall-mewt f’pazjenti bil-COVID-19. Madankollu, il-kawżalità bejn it-tniġġis tal-arja u s-severità tal-infezzjonijiet tal-COVID-19 mhijiex ċara u hija meħtieġa aktar riċerka epidemjoloġika.
It-tgħarrif tal-EEA, valutazzjonijiet tal-EEA tar-riskju għas-saħħa mit-tniġġis tal-arja, jipprovdi ħarsa ġenerali lejn kif l-EEA tikkalkula l-istimi tagħha dwar l-impatti fuq is-saħħa ta’ kwalità ħażina tal-arja.
L-impatti tal-esponiment għat-tniġġis tal-arja fuq is-saħħa huma diversi, u jvarjaw minn infjammazzjoni tal-pulmun għal imwiet prematuri. L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa qiegħda tevalwa l-evidenza xjentifika li qiegħda tiżdied li torbot it-tniġġis tal-arja ma’ impatti differenti fuq is-saħħa sabiex tipproponi linji gwida ġodda.
Fil-valutazzjoni tar-riskju għas-saħħa tal-EEA, il-mortalità tintgħażel bħala l-eżitu tas-saħħa li huwa kkwantifikat, peress li hija dik li għaliha l-evidenza xjentifika hija l-aktar robusta. Il-mortalità minħabba l-esponiment fit-tul għat-tniġġis tal-arja tiġi stmata permezz ta’ żewġ metriċi differenti: “imwiet prematuri” u “snin ta’ ħajja mitlufa”. Dawn l-istimi jipprovdu kejl tal-impatt ġenerali tat-tniġġis tal-arja fuq popolazzjoni partikolari u, pereżempju, in-numri ma jistgħux jiġu assenjati lil individwi speċifiċi li jgħixu f’post ġeografiku speċifiku.
L-impatti fuq is-saħħa jiġu stmati separatament għat-tliet sustanzi niġġiesa (PM2.5, NO2 u O3). Dawn in-numri ma jistgħux jingħaddu flimkien biex jiġu ddeterminati l-impatti totali fuq is-saħħa, peress li dan jista’ jwassal għal għadd doppju ta’ persuni li huma esposti għal livelli għoljin ta’ aktar minn sustanza niġġiesa waħda.
For references, please go to https://eea.europa.eu./mt/highlights/titjib-notevoli-fil-kwalita-tal or scan the QR code.
PDF generated on 23 Dec 2024, 06:04 AM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn