All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Article
Dan il-prodott ġie tradott għal skopijiet ta' konvenjenza biss bl-użu tas-servizzi taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-korpi tal-UE. Filwaqt li sar kull sforz biex tiġi żgurata l-eżattezza u l-kompletezza, ma nistgħux niggarantixxuha. Għalhekk, m'għandux jiġi invokat għal skopijiet legali jew uffiċjali. It-test oriġinali bl-Ingliż għandu jitqies bħala l-verżjoni uffiċjali.
Aħna u nirriflettu dwar dawn l-aħħar ħames snin, ilkoll nistgħu naraw kemm id-dinja qed tinbidel malajr. Ekonomikament, qed naraw trasformazzjonijiet xprunati minn teknoloġiji ġodda bħall-intelliġenza artifiċjali, filwaqt li qed niffaċċjaw ukoll it-tfixkil fil-katina tal-provvista u ż-żieda fl-għoli tal-ħajja. Politikament; it-tħassib dwar is-sigurtà — sigurta cibernetika, il-gwerra, il-provvista tal-enerġija, u l-istabbiltà ekonomika — li qed jiddominaw in-narrattiva. U t-tħassib dwar is-saħħa, li jolqot il-ħajja tagħna ta’ kuljum bhal: l-ikel tagħna sikur?L-ilma u l-arja ta’ madwarna nodfa? Is-sistemi tas-saħħa tagħna jistgħu jimmaniġġjaw xokk ieħor bħall-pandemija li kellna reċenti?
Rari jgħaddi xahar mingħajr impatti viżibbli mit-tibdil fil-klima madwar l-Ewropa. L-aħbarijiet ewlenin u l-’feeds' tal-media soċjali huma mimlija bi stejjer ta’ ħajjiet, għajxien, u proprjetà mitlufa minħabba avvenimenti estremi relatati mal-klima, bħal l-għargħar katastrofiċi reċenti fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Il-valutazzjoni reċenti tagħna tar-riskju klimatiku jirrizulta ċar: L-Ewropa mhijiex lesta. Irridu naġixxu issa, billi nnaqqsu l-emissjonijiet malajr u nimplimentaw politiki robusti ta’ adattament biex innaqqsu r-riskji klimatiċi u nagħtu spinta lit-tħejjija tagħna.
Mhux diffiċli tifhem għalfejn ħafna minna ninkwetaw dwar il-futur. Iżda għandna ħafna għażliet x’nagħmlu — għażliet li jistgħu, u li se, isawru l-futur kollettiv tagħna.
Kull ħames snin, permezz tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, iċ-ċittadini jesprimu t-tħassib tagħhom u jsawru l-prijoritajiet futuri tal-Unjoni. F’Ġunju, l-Ewropej isemmgħu leħinhom għal darb’ oħra. B’rispons għal dan, il-President elett Ursula von der Leyen ippreżentat il-linji gwida politiċi tagħha f’Lulju, u ddeskriviet il-prijoritajiet għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss 2024-2029.
Fl-isfond tal-isfidi fuq perjodu qasir u twil tal-Ewropa, il-linji gwida jaffermaw mill-ġdid il-ħtieġa li nibqgħu għaddejjin biex niksbu l-miri tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, filwaqt li jappellaw għal fokus aktar b’saħħtu fuq il-kompetittività u s-sigurtà.
Kif tista’ l-Ewropa tibqa’ għaddejja biex tikseb is-sostenibbiltà fost ix-xokkijiet u l-kriżijiet? Kif nistgħu nagħtu importanza lill-prijoritajiet ambjentali u klimatiċi ma’ oħrajn emerġenti bħas-sigurtà, il-kompetittività u l-ġustizzja? Dawn huma eżattament il-mistoqsijiet li nippruvaw nindirizzaw fir-rapport tagħna “Europe’s Sustainability Transitions Outlook” (Perspettiva tal-Ewropa għat-Tranżizzjonijiet ta’ Sostenibbiltà), ippubblikat fil-bidu ta’ Lulju. Ir-rapport ta’ prospettiva strateġika jappella għal allinjament aktar effettiv tal-finanzjament pubbliku u privat kif ukoll il-ħtieġa li l-politiki ekonomiċi, soċjali u ta’ sigurtà Ewropej jiġu allinjati aktar mal-objettivi klimatiċi u ambjentali.
Fi kliem ta’ Von der Leyen, il-Kummissjoni li jmiss se tkun “Kummissjoni ta’ Investiment”. Dan l-enfasi fuq l-investiment huwa mtenni bis-sħiħ fir-rapport ta’ Draghi. Huwa ċar: il-finanzjament pubbliku waħdu mhux biżżejjed. L-investimenti privati huma essenzjali biex jintlaħqu kemm l-iskala tal-isfidi li qed niffaċċjaw kif ukoll l-ambizzjonijiet li għandna.
L-allinjament tal-politika li hemm appell dwaru fir-rapport tagħna dwar it-tranżizzjonijiet lejn is-sostenibbiltà diġà huwa rifless fil-portafolli u l-prijoritajiet interkonnessi deskritti fl-ittri ta’ missjoni lill-Kummissarji nnominati. Minn politika industrijali nadifa għat-tranżizzjoni għad-dekarbonizzazzjoni u l-enerġija, minn ekonomija ċirkolari għal tranżizzjoni ġusta u akkomodazzjoni affordabbli u sostenibbli, id-distribuzzjoni tar-responsabbiltajiet tenfasizza l-importanza li tiġi żgurata l-koerenza bejn l-oqsma ta’ politika.
Fl-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA), ir-rwol tagħna huwa li ninfurmaw lil dawk li jfasslu l-politika u liċ-ċittadini dwar l-isfidi ambjentali u klimatiċi tal-Ewropa, filwaqt li ngħinuhom jieħdu deċiżjonijiet infurmati abbażi ta’ informazzjoni affidabbli. F’dan iċ-ċiklu l-ġdid ta’ politika, se nkomplu nimmonitorjaw mill-qrib il-progress lejn il-miri tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, nidentifikaw x’jaħdem l-aħjar, u ngħinu lill-Ewropa taġġusta l-perkors tagħha kif meħtieġ. L-Ewropa diġà kisbet progress sinifikanti f’ħafna oqsma u l-implimentazzjoni tal-politiki eżistenti se jkollha rwol ewlieni fil-kisba ta’ aktar progress.
Flimkien mas-sħab tal-għarfien tagħna, inkluż l-Eionet, se nkomplu ninkorporaw ir-riċerka l-aktar avvanzata, l-innovazzjoni fil-ġbir u fl-analiżi tad-dejta, u nikkomunikaw is-sejbiet (informazzjoni) tagħna b’modi li jispiraw l-azzjoni.
L-għażliet li nagħmlu issa se jiddefinixxu l-futur tal-Ewropa. Huwa biss billi nibqgħu għaddejjin u nieħdu azzjoni kuraġġuża li nistgħu nkopru d-distanza li fadal u nilħqu d-destinazzjoni mixtieqa tagħna: Ewropa sostenibbli u reżiljenti.
Leena Ylä-Mononen
Direttur Eżekuttiv, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent
For references, please go to https://eea.europa.eu./mt/articles/editorjali-wasal-iz-zmien-li or scan the QR code.
PDF generated on 22 Dec 2024, 06:14 AM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn