All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Article
Ir-rapport “L-ambjent Ewropew — l-istat u l-prospetti 2020” iħeġġeġ lill-pajjiżi Ewropej, lill-mexxejja u lil dawk li jfasslu l-politika biex jaġixxu issa, jużaw l-għaxar snin li ġejjin biex iżidu u jħaffu b’mod radikali l-azzjonijiet biex l-Ewropa titpoġġa lura fit-triq it-tajba biex tilħaq l-għanijiet u l-miri fuq perjodu ta’ żmien medju u itwal tagħha fir-rigward tal-politika ambjentali u biex tevita t-tibdil u l-ħsara irriversibbli għall-ambjent tagħna. L-istampa li qegħdin inpinġu hija waħda urġenti u kemmxejn negattiva, iżda huwa importanti li jiġi nnotat li SOER 2020 jinkludi approċċ orjentat lejn is-soluzzjonijiet għall-isfidi li qegħdin niffaċċjaw u li għadna nistgħu nbiddlu r-rotta. Ir-rapport jinkludi parti sħiħa — tliet kapitoli — dwar il-fehim tas-sistemi (bħall-enerġija, il-mobilità u l-ikel) u li jsostnu t-teżi għaliex hija meħtieġa u utli lenti fuq is-sistemi sabiex jinftiehmu tali sistemi u jiġi ppreżentat għarfien orjentat lejn is-soluzzjonijiet. Fir-rapport, aħna nindikaw lievi pjuttost konkreti, pereżempju, fir-rigward tal-gvernijiet u l-governanza usa’, il-bliet, u s-sistemi finanzjarji u fiskali.
Bħala r-rapport ewlieni tal-EEA, dan jipprovdi l-istampa l-aktar komprensiva tas-sitwazzjoni fl-Ewropa fir-rigward tal-ambjent u l-klima. Skont ir-regoli kostituttivi tagħna, aħna obbligati wkoll li nipproduċuh kull ħames snin. Iżda aktar importanti minn hekk, ħafna nies jagħtuh attenzjoni, speċjalment fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, minħabba li jgħaqqad il-valutazzjoni ambjentali u klimatika komprensiva tagħna ma’ firxa wiesgħa ta’ miri ta’ politika Ewropej. Għalhekk, huwa jinġieb għall-attenzjoni ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, bħal ebda valutazzjoni oħra tal-EEA, u jintuża bħala punt ta’ referenza f’ħafna każijiet.
SOER 2020 diġà ntuża biex jappoġġa l-komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew li ġiet ippreżentata wkoll ftit wara li ġie ppubblikat ir-rapport. Il-Kummissjoni Ewropea rrikonoxxiet ukoll ir-rapport tagħna bħala valutazzjoni importanti li ser tirfed l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ulterjuri tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Dan ma jfissirx li dawk li jfasslu l-politika tal-UE ser iħarsu biss lejn SOER 2020, iżda skont il-qasam tagħhom, huma ser iduru lejn oqsma tematiċi speċifiċi biex jissupplimentawhom b’informazzjoni aktar dettaljata.
Il-pajjiżi jużaw ukoll SOER bħala punt ta’ referenza, speċjalment għal dak li qed iseħħ fuq l-iskala Ewropea. Madankollu, jidher b’mod ċar li ħafna mis-soluzzjonijiet huma transkonfinali, u ħafna mill-kwistjonijiet li għandna quddiemna huma universali u mhumiex limitati għal pajjiżi speċifiċi, bħar-rwol ta’ korpi ta’ finanzjament differenti għal aspetti differenti tat-tranżizzjonijiet ta’ sostenibbiltà. Jekk tħares lejn il-kapital naturali, huma b’mod predominanti l-investimenti pubbliċi li jeħtieġ li jiżdiedu, filwaqt li fl-oqsma tal-enerġija u t-trasport, l-ishma privati u pubbliċi ta’ finanzjament huma aktar komuni. Dan japplika għal kważi l-pajjiżi kollha.
SOER 2020 huwa rapport kbir ħafna. L-abbozzar involva madwar 20 awtur ewlieni u 40 kontributur addizzjonali. Fih madwar 500 paġna, li ġew kunċettwalizzati u abbozzati matul dawn l-aħħar 3 snin u nofs. Iżda dawk il-paġni huma biss il-parti żgħira li tidher ta’ madwar 50 rapport u nota ta’ informazzjoni prodotti mill-EEA kull sena. Fil-fatt, SOER 2020 jieħu kont ta’ dak li konna qegħdin nagħmlu matul dawn l-aħħar ħames snin mill-pubblikazzjoni tal-aħħar SOER fl-2015. Dan jammonta għal kważi 300 rapport u nota ta’ informazzjoni li jirfdu SOER 2020 u dawk il-prodotti huma għal darb’oħra sostnuti minn indikaturi u prodotti oħrajn (ibbażati fuq il-web).
Ir-rapport SOER 2020 beda approċċ iterattiv u integrat ħafna sabiex tissaħħaħ l-analiżi tal-interkonnessjonijiet fost it-temi kollha. Il-valutazzjoni tinkludi wkoll madwar 100 paġna ta’ referenzi, li tagħmel enfasi fuq is-sostenn għad-dikjarazzjonijiet tagħna b’evidenza xjentifika.
Ir-referenzjar dejjem kien essenzjali għal kwalunkwe SOER, anki f’dak li jirrigwarda r-rigorożità xjentifika f’termini tal-proċess ta’ formulazzjoni u ta’ rieżami. Għal dan ir-rapport, aħna għamilna għażla deliberata li ninvestu f’approċċ imtejjeb għall-valutazzjoni u l-komunikazzjoni ta’ aspetti ta’ kwalità u inċertezza. Dan huwa rifless fir-rapport kollu, inklużi t-tabelli fil-qosor konċiżi, fejn il-qarrejja jsibu informazzjoni dwar ix-xejriet tal-passat u l-prospetti, kif ukoll dwar il-kobor tal-evidenza, il-grad safejn ikun involut il-ġudizzju espert u l-lakuni ewlenin fid-datau fl-informazzjoni.
Aħna diġà qegħdin naraw il-passi li jmiss, hekk kif ir-rapport SOER 2020 jikkontribwixxi għall-ħidma tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Barra minn hekk, is-sena d-dieħla ser niżviluppaw rapport ta’ segwitu, li ser jaġġorna wħud mill-partijiet ta’ SOER 2020. Pereżempju, dan ser jinkludi valutazzjoni ġdida dwar il-bijodiversità u n-natura abbażi tal-aħħar rapportar matul il-perjodu 2013–2018 skont id-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats. Dak huwa l-għan ta’ dan is-segwitu, inkluż li jintwera kif l-għarfien jista’ jappoġġa azzjonijiet lejn il-prijoritajiet li joħorġu mill-pakkett tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.
Dan l-approċċ ser jappoġġa wkoll l-elementi kostitwenti hekk kif inħejju għal SOER 2025. Aħna qegħdin nippjanaw li nżommu l-istruttura bażika ta’ SOER 2020 b’valutazzjonijiet tematiċi u settorjali li jkunu kkomplementati b’perspettiva orjentata lejn is-sistemi u s-soluzzjonijiet, hekk kif din qed issir dejjem aktar rilevanti.
Tobias Lung
Espert tal-EEA fil-koordinazzjoni u l-valutazzjoni ta’ SOER
Editorjal ippubblikat fil-ħarġa ta’ Diċembru 2019 tal-Bullettin tal-EEA 04/2019
For references, please go to https://eea.europa.eu./mt/articles/ir-rapport-tal-eea-l or scan the QR code.
PDF generated on 06 Nov 2024, 12:22 AM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn