All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Article
Minn studenti u familji għal bliet u reġjuni, ħafna nies fl-Ewropa kollha diġà qed jieħdu azzjoni f’din id-direzzjoni. Iżda issa, il-Patt Ekoloġiku Ewropew qed jippreżenta opportunità bla preċedent: dan jistabbilixxi viżjoni komuni u koerenti għal kontinent sħiħ.
Hans Bruyninckx, Direttur Eżekuttiv tal-EEA
Kull ħames snin, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tipproduċi rapport komprensiv dwar l-istat u l-prospetti tal-ambjent tal-Ewropa. Is-sitt edizzjoni - ‘L-ambjent Ewropew — l-istat u l-prospetti 2020’, ippubblikata reċentement, issaħħaħ it-talbiet dejjem jikbru għal azzjoni kuraġġuża, deċiżiva u immedjata. SOER 2020 juri li l-leġiżlazzjoni u l-miri tal-politika Ewropej irnexxew f’diversi oqsma. L-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja naqsu, l-emissjonijiet tal-gassijiet serra naqsu, sehem akbar taż-żoni tal-art u tal-baħar tal-Ewropa issa huma protetti. L-Ewropa qed tirriċikla ammont dejjem jiżdied tal-iskart muniċipali tagħha. Għalkemm sinifikanti, il-pass ta’ dan il-qligħ mhuwiex biżżejjed fid-dawl tal-isfidi li għandna quddiemna.
SOER 2020 jafferma li s-sistemi ta’ produzzjoni u ta’ konsum tagħna jkomplu jestrattaw aktar riżorsi min-natura u b’pass aktar mgħaġġel minn dak li in-natura tista’ tirriproduċi matul perjodu partikolari. Barra minn hekk, il-mod kif nipproduċu u nikkunsmaw oġġetti u servizzi, jirrilaxxa sustanzi li jniġġsu fl-ambjent. Dawn is-sustanzi li jniġġsu għandhom it-tendenza li jitħalltu u jakkumulaw, b’impatt fuq l-ekosistemi u s-saħħa tal-bniedem. Meta dan jitqies flimkien mal-impatti tal-kriżi tal-klima u t-telf tal-bijodiversità, il-ġejjieni tagħna jidher dejjem aktar fraġli. Ħafna komunitajiet u gruppi fl-Ewropa kollha diġà huma affettwati. Il-bdiewa qed jiffaċċjaw kundizzjonijiet tat-temp imprevedibbli. Miljuni ta’ Ewropej qed ikomplu jiġu esposti għal livelli dannużi ta’ tniġġis tal-arja jew qed jesperjenzaw għargħar aktar frekwenti. Iż-żoni urbani qed ikomplu jieħdu raba’ li jinħadem produttiv u l-iżvilupp tal-infrastruttura qed ikompli jifframmenta l-pajsaġġ. Biex treġġa’ lura xi wħud minn dawn ix-xejriet inkwetanti, l-Ewropa teħtieġ li taħdem ma’ reġjuni u sħab globali oħra.
Jeħtieġ li l-pajjiżi Ewropej jimplimentaw bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni li diġà hemm qbil dwarha. Dan ċertament jista’ jwassal għal aktar titjib. Madankollu, is-sejbiet ta’ SOER 2020 jikkonfermaw ukoll li l-qligħ inkrementali fl-effiċjenza, bħal karozzi aktar effiċjenti jew fjuwils aktar nodfa, mhux se jkun biżżejjed biex tinkiseb bidla sistemika. Passi bħal dawn mhux se jirriżultaw f’sistema ta’ mobilità nadifa. Is-separazzjoni tal-iskart muniċipali mhux se tirriżulta f’ekonomija ċirkolari. Jeħtieġ li l-prodotti u l-proċessi ta’ produzzjoni jitfasslu b’modi biex ir-riżorsi estratti jinżammu fl-ekonomija. Biex tinkiseb in-newtralità f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju, ekonomija ċirkolari, ambizzjoni ta’ tniġġis żero u soċjetà ġusta, jeħtieġ li nerġgħu naħsbu, infasslu u nibnu mill-ġdid is-sistemi ewlenin li fuqhom huma bbażati l-ekonomiji u l-ħajja ta’ kuljum tagħna, billi nibdew bis-sistemi tal-enerġija, tal-ikel u tal-mobilità. Dawn il-bidliet ma jistgħux jirnexxu mingħajr ma jiġu appoġġati l-gruppi li se jiġu affettwati. Sistema tal-ikel ġusta u tajba għas-saħħa teħtieġ li tnaqqas l-użu ta’ kimiċi fl-agrikoltura u li jkun hemm ġestjoni aħjar tal-pajsaġġ, filwaqt li tiżgura produttività għolja u għajxien aħjar għall-bdiewa.
Dawn il-bidliet trasformattivi jeħtieġu li jsiru l-investimenti adatti biex jiżdiedu u jitħaffu soluzzjonijiet sostenibbli, filwaqt li jiġu eliminati gradwalment jew jitwaqqfu prattiki mhux sostenibbli u li jniġġsu. L-investimenti adatti — fin-nies, fl-innovazzjoni u fl-industriji nodfa — jistgħu jgħinu biex jinħolqu opportunitajiet aħjar u kwalità ta’ ħajja ogħla għal kulħadd.
Dawn il-konklużjonijiet ewlenin mir-rapport SOER 2020 tagħna huma riflessi mill-qrib fil-Komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew tal-Kummissjoni Ewropea, li ġiet ippubblikata l-ġimgħa l-oħra. Il-komunikazzjoni tiddeskrivi pjan ta' azzjoni għall-ħames snin li ġejjin, fejn il-Kummissjoni ta’ von der Leyen se tressaq numru ta' proposti. Dawn jinkludu żidiet sinifikanti relatati mal-ambizzjonijiet klimatiċi Ewropej, strateġija tal-bijodiversità, mobilità nadifa u finanzi sostenibbli, appoġġati minn fondi tal-UE allinjati mill-qrib, inkluż il-Mekkaniżmu ta' Tranżizzjoni Ġusta biex jiġu appoġġati n-nies affettwati minn din it-tranżizzjoni. Il-qbil ser ikun strumentali biex jiġu realizzati l-kontributi tal-Ewropa għall-għanijiet globali, inkluż il-miri skont l- Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.
Il-Patt Ekoloġiku Ewropew tal-Kummissjoni Ewropea u l-appoġġ wiesa’ li ngħata fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill Ewropew huma sinjali konkreti tal-viżjoni u d-determinazzjoni tal-Ewropa biex tieħu direzzjoni ġdida lejn soċjetà sostenibbli u ġusta. Dan jikkonsisti f’rispons ta’ politika Ewropea għal sejħiet dejjem jikbru għal azzjoni kuraġġuża minn għadd dejjem jikber ta’ Ewropej. Fil-fatt, minn studenti u familji għal bliet u reġjuni, ħafna nies fl-Ewropa kollha diġà qed jieħdu azzjoni f’din id-direzzjoni. Iżda issa, il-Patt Ekoloġiku Ewropew qed jippreżenta opportunità bla preċedent: dan jistabbilixxi viżjoni komuni u koerenti għal kontinent sħiħ.
Mhux se tkun biċċa xogħol faċli li tinkiseb il-viżjoni deskritta fil-Patt Ekoloġiku Ewropew. Il-komunikazzjoni ppreżentata l-ġimgħa l-oħra hija biss il-bidu ta’ proċess twil. F’dan il-vjaġġ ta’ sfida iżda eċċitanti, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent hija impenjata li tipprovdi l-aħjar għarfien disponibbli biex tappoġġa d-dibattitu dwar l-ambjent u l-klima fl-Ewropa.
Hans Bruyninckx
Direttur Eżekuttiv tal-EEA
L-editorjal ippubblikat fil-ħarġa ta’ Diċembru 2019 tal-Bullettin tal-EEA 04/2019
For references, please go to https://eea.europa.eu./mt/articles/wasal-iz-zmien-li-nagixxu or scan the QR code.
PDF generated on 22 Nov 2024, 08:36 PM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn