li jmiss
preċedenti
punti

Article

Valutazzjonijiet li jħarsu ’l quddiem għal fehim aħjar dwar il-prospettivi għas-sostenibbiltà

Biddel il-lingwa
Article Ippubblikat 26 Jun 2020 Mibdul l-aħħar 30 Jan 2023
6 min read
Photo: © drmakete lab on Unsplash
L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) reċentement ippubblikat rapport dwar il-“motivaturi tal-bidla” li għandhom impatt fuq il-prospettivi tal-Ewropa għall-ambjent u s-sostenibbiltà. Intervistajna lill-maniġer tal-proġett tar-rapport, Lorenzo Benini, li jaħdem fl-EEA bħala espert dwar il-valutazzjoni u s-sostenibbiltà tas-sistemi.

X’inhu r-rwol tiegħek fl-EEA u x’tip ta’ xogħol jinvolvi?

Jien naħdem fil-programm ta’ Valutazzjonijiet Integrati għas-Sostenibbiltà tal-EEA li jiżviluppa valutazzjonijiet ambjentali integrati bħar-rapport L-ambjent Ewropew - L-istat u l-prospetti (SOER). Il-fokus prinċipali ta’ xogħli huwa l-iżvilupp ta’ valutazzjonijiet sistemiċi li janalizzaw l-isfidi għas-sostenibbiltà u l-opportunitajiet għall-Ewropa. Dan jinkludi l-eżaminazzjoni tal-konnessjonijiet bejn is-sistemi soċjoekoloġiċi u soċjotekniċi fuq skali differenti, b’perspettiva li tħares ’il quddiem, u filwaqt li tiġi rikonoxxuta l-preżenza tal-inċertezza fl-għarfien tagħna.

X’inhuma valutazzjonijiet li jħarsu ’l quddiem?

Il-valutazzjonijiet li jħarsu ’l quddiem tal-EEA jħarsu lejn żviluppi potenzjali fil-futur, pereżempju fi prospetti ambjentali u għas-sostenibbiltà. Jibnu fuq kombinazzjoni ta’ għarfien stabbilit dwar ix-xejriet u d-dinamika fil-passat, il-fehim tagħna tal-interazzjonijiet bejn fenomeni differenti, kif ukoll l-esplorazzjoni ta’ futuri alternattivi. Il-futur huwa dejjem inċert, aktar u aktar fid-dinja tal-lum li hija karatterizzata minn dejjem aktar volatilità, kumplessità u ambigwità li dejjem jiżdiedu.

Id-dinja qed issir dejjem aktar interkonnessa u l-iżviluppi li jseħħu f’xi parti partikolari mid-dinja jistgħu jaffettwaw lill-Ewropa. Sfortunatament, il-kriżi tal-COVID-19 tfakkarna biċ-ċar li dan huwa l-każ.

Madanakollu, xorta waħda jistgħu jiġu mmaġinati, diskussi u segwiti futuri alternattivi. Dan ifisser l-użu ta’ firxa ta’ studji ta’ tbassir kwantitattivi u kwalitattivi, u l-involviment ma’ diversi partijiet ikkonċernati biex jiġi żviluppat għarfien li jista’ jappoġġa azzjonijiet ta’ politika lejn is-sostenibbiltà. Fil-każ tagħna, aħna nagħmlu dan man-network ta’ pajjiżi membri (Eionet) tagħna, ma’ dawk li jfasslu l-politika, ma’ esperti minn u sfondi differenti u, dejjem aktar, mas-soċjetà ċivili.

X’jgħidilna r-rapport reċenti tal-EEA?

Ir-rapport “Drivers of change of relevance for Europe’s environment and sustainability” (Motivaturi tal-bidla rilevanti għall-ambjent u għas-sostenibbiltà tal-Ewropa) jesplora firxa wiesgħa ta’ “motivaturi” li jistgħu jaffettwaw il-futur tal-Ewropa, b’mod partikolari dawk li jaffettwaw l-ambizzjonijiet tal-Ewropa fir-rigward tal-ambjent u s-sostenibbiltà. B’mod ġenerali, ir-rapport għandu l-għan li jagħti stampa rikka tat-tibdil li qed iseħħ globalment u fl-Ewropa, l-interkonnessjonijiet tagħhom, kif ukoll l-implikazzjonijiet possibbli tagħhom.

Il-prospetti tal-Ewropa għall-ambjent u għas-sostenibbiltà huma influwenzati minn diversi fatturi, li joħolqu kemm riskji ġodda kif ukoll opportunitajiet ġodda. Id-dinja qiegħda ssir dejjem aktar interkonnessa u l-iżviluppi li jseħħu f’xi parti tad-dinja jistgħu jaffettwaw lill-Ewropa. Sfortunatament, il-kriżi tal-COVID-19 tfakkarna biċ-ċar li dan huwa l-każ. Filwaqt li r-rwol tal-Ewropa fix-xena globali qed jinbidel, l-UE għandha l-opportunità li tirripożizzjona ruħha quddiem l-isfidi ambjentali, ta’ sostenibbiltà u strateġiċi li ġejjin, u ssegwi b'mod attiv l-opportunitajiet li qed jistennewna, lejn futur aktar sostenibbli.

X’jiddefinixxi l-motivaturi tal-bidla?

Il-“motivaturi tal-bidla” jvarjaw skont l-iskala ġeografika u l-limiti ta' żmien, l-oriġini, il-qawwa u l-impatt potenzjali. Pereżempju, megatendenzi globali bħat-tkabbir fil-popolazzjoni globali jew it-tibdil fil-klima huma xejriet globali fit-tul li jiffurmaw bil-mod iżda għandhom impatt kbir. Xi tendenzi huma stabbiliti sew u jikkaratterizzaw b’mod partikolari lill-Ewropa, pereżempju t-tixjiħ tal-popolazzjoni jew il-migrazzjoni mil-Lvant lejn il-Punent. Qed ifeġġu xejriet oħra iżda dawn għadhom mhumiex stabbiliti sew, bħall-konverġenza teknoloġika u r-‘Raba’ rivoluzzjoni industrijali’. Għandna wkoll l-hekk imsejħa elementi imprevisti li huma żviluppi futuri improbabbli iżda potenzjalment ta’ tfixkil. Dawn jistgħu jkunu avvanzi teknoloġiċi rivoluzzjonarji, il-kollass tal-pollinaturi jew tifqigħa ta’ mard infettiv.

Kif tbassar l-iżvilupp ta’ wħud minn dawn ix-xejriet?

Jista’ jingħad li l-isfidi ambjentali globali żdiedu matul dawn l-aħħar 50 sena u li l-ġeografija tat-tniġġis qed tinbidel fid-dinja kollha, b’segwitu tat-tkabbir ekonomiku u ċ-ċaqliq tas-setgħa ġeopolitika, kif ukoll iż-żieda fil-livelli ta’ konsum. Fl-istess ħin, id-dinja qed issir dejjem aktar interkonnessa aktar minn qatt qabel permezz ta’ flussi ta’ riżorsi, ta’ nies u ta’ informazzjoni, li jagħmilha aktar diffiċli biex tiġi żgurata ġestjoni ambjentali globali.

L-Ewropa qed issir dejjem aktar dipendenti mir-riżorsi ewlenin u, fl-istess ħin, qed testernalizza sehem sinifikanti mill-pressjonijiet ambjentali tagħha. Teknoloġiji ġodda jġibu magħhom kemm opportunitajiet kif ukoll riskji li jikkonċernaw is-saħħa, l-ambjent u l-benesseri. Il-valuri, l-istili ta’ ħajja u l-approċċi ta’ governanza qed jinbidlu fid-dinja kollha. Filwaqt li l-konsumeriżmu qed jikber, speċjalment f’pajjiżi emerġenti, partijiet mill-popolazzjoni qed jaddottaw ukoll ideat ġodda u ċ-ċittadini qegħdin dejjem aktar jitolbu azzjoni dwar l-isfidi ambjentali u ta’ sostenibbiltà, kemm fl-Ewropa kif ukoll fi bnadi oħra.

Kif tintuża l-analiżi tat-tbassir fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-livell tal-UE u dak nazzjonali?

Fil-qasam ambjentali u f’dak tas-sostenibbiltà, spiss jintużaw proċessi ta’ tbassir kemm biex jiġu antiċipati r-riskji potenzjali kif ukoll biex jiġu identifikati opportunitajiet biex jiġu avvanzati l-politiki ambjentali u ta’ sostenibbiltà. Pereżempju, il-Kummissjoni Ewropea waqqfet sistema ta’ tbassir (FORENV) li għandha l-għan li tidentifika problemi ambjentali emerġenti biex titrawwem sensibilizzazzjoni dwar l-implikazzjonijiet potenzjali tagħhom u tgħin lil dawk li jfasslu l-politika u lill-partijiet ikkonċernati biex jindirizzawhom. Xi eżempji simili jinsabu fil-pajjiżi membri tal-EEA. Reċentement, it-tbassir strateġiku kiseb ukoll importanza fit-tfassil tal-politika Ewropea bl-istabbiliment ta’ kummissarju għar-Relazzjonijiet Interistituzzjonali u t-Tbassir — il-Viċi President Maroš Šefčovič — u tan-network tal-UE għat-Tbassir Strateġiku.

Fil-qasam ambjentali u dak tas-sostenibbiltà, il-proċessi ta’ tbassir spiss jintużaw kemm biex jiġu antiċipati r-riskji potenzjali kif ukoll biex jiġu identifikati opportunitajiet għall-avvanza tal-politiki ambjentali u ta’ sostenibbiltà.

X’se tkun qed tagħmel l-EEA dwar din it-tema fil-futur qarib?

L-EEA qed tikkontribwixxi b’mod attiv għall-proċess tal-FORENV, flimkien ma’ esperti tat-tbassir mill-pajjiżi membri tagħna u ċ-ċentri ta’ referenza nazzjonali għal informazzjoni u servizzi li jħarsu ’l quddiem (NRC-FLIS). L-EEA qed taħdem ukoll fuq għadd ta’ proġetti relatati mat-tbassir, spiss fi sħubija ma’ pajjiżi membri u ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE. Qed nistennew li nipproduċu valutazzjonijiet dwar l-implikazzjonijiet tal-motivaturi tal-bidla għall-aġenda Ewropea dwar is-sostenibbiltà, nistabbilixxu proċess ta’ skennjar orizzontali għall-identifikazzjoni ta’ xejriet emerġenti, u niżviluppaw din il-bażi ta’ għarfien għall-edizzjoni li jmiss tas-SOER.

Lorenzo Benini
Espert dwar il-valutazzjonijiet u s-sostenibbiltà tas-sistemi
L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent

Permalinks

Geographic coverage

Temporal coverage

Dokument ta’ Azzjonijiet