All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Article
Sfortunatament l-imwiet relatati mal-corona fid-dinja qabżu l-400,000 każ u dan l-ammont għadu jiżdied, għalkemm b’rata aktar mgħaġġla f’xi reġjuni milli f’oħrajn. L-ispejjeż u r-riskji relatati mal-COVID-19 huma reali u jeħtieġu azzjoni u solidarjetà globali.
Biex titwaqqaf il-firxa tal-virus, ħafna pajjiżi, fosthom kważi l-Istati Membri kollha tal-UE stabbilixxew miżuri ta’ lockdown stretti. Xi pajjiżi rnexxielhom inaqqsu r-rati ta’ infezzjoni u b’mod kawt qed jibdew jiftħu mil-ġid . Wara dawn l-ewwel xhur fejn il-fokus kien fuq impatti u soluzzjonijiet urġenti relatati mas-saħħa, qed joħroġ ċar ukoll li l-impatti ekonomiċi tal-pandemija huma enormi u se jibqgħu jinħassu għas-snin li ġejjin. Il-gvernijiet qed jallokaw l-infiq pubbliku biex jittaffew l-agħar impatti u tingħata spinta lill-ekonomija. Dawn il-fondi, se jintużaw biex immorru lura għad-dinja ta’ qabel il-corona jew biex nibnu dinja sostenibbli u ekwa?
L-Ewropa għamlet l-għażla tagħha ċara: Ewropa ekoloġika, diġitali u reżiljenti. Fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea kienet diġà pproponiet tranżizzjoni ambizzjuża u ġusta lejn sostenibbiltà fit-tul, bit-tħassib dwar l-ambjent u l-klima fiċ-ċentru tagħha. Ġew ippreżentati pakketti ta’ politika ewlenin, inklużi l-Istrateġiji proposti reċentement dwar il-Bijodiversità u Mill-Għalqa sal-Plattbiex tiġi implimentata din il-viżjoni.
L-Ewropa għamlet l-għażla tagħha ċara: Ewropa ekoloġika, diġitali u reżiljenti
Dawn il-prijoritajiet huma riflessi wkoll b’mod ċar fil-proposta għall-baġit pluriennali tal-UE ta’ EUR 1.1 triljun għall-2021-2027. Bħala parti minn pjan ta’ rkupru minn din il-kriżi ekonomika, il-Kummissjoni Ewropea reċentement ipproponiet strument finanzjarju addizzjonali ġdid imsejjaħ “Next Generation EU”, ta’ EUR 750 biljun. Fil-qafas ta’ miri ta’ politika definiti sew, dawn il-fondi jistgħu jgħinu lill-Ewropa tittrasforma l-ekonomija tagħha filwaqt li tikseb in-newtralità u s-sostenibbiltà tal-klima u tindirizza l-inugwaljanzi soċjali.
Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, l-għarfien se jkollu rwol ewlieni biex jiġi żgurat li dawn il-fondi jiġu allokati għal azzjonijiet koerenti lejn din il-viżjoni komuni.
Il-komunità globali għad fadlilha s-snin, jekk mhux għexieren ta’ snin, biex tara u tivvaluta l-firxa sħiħa ta’ din il-kriżi minn tibdil demografiku u inugwaljanzi sal-użu tar-riżorsi u xejriet fl-emissjonijiet li jniġġsu fl-arja. Madankollu, diġà hemm xi indikazzjonijiet ta’ kif il-miżuri tal-corona se jkunu qed jaffettwaw l-ambjent kemm għal perjodu qasir kif ukoll għal perjodu fit-tul.
Wieħed mill-ewwel eżiti miżurabbli tal-miżuri relatati mal-corona kien titjib viżibbli fil-kwalità tal-arja. Minħabba li naqas it-traffiku fit-toroq, ħafna bliet Ewropej taħt lockdown osservaw tnaqqis fil-konċentrazzjonijiet ta’ xi sustanzi niġġiesa ewlenin fl-arja. Biex wieħed jifhem il-firxa ta’ dan it-titjib, l-EEA kienet qed timmonitorja l-konċentrazzjonijiet medji tad-dijossidu tan-nitroġenu fil-ġimgħa u, f’xi bliet, il-konċentrazzjonijiet kienu ta’ aktar minn 50 % inqas mill-istess ġimgħa fl-2019. Nistgħu anke nistennew tnaqqis fit-tniġġis akustiku mit-trasport bit-triq. Madankollu, hekk kif l-attivitajiet ekonomiċi qed jirpiljaw, il-probabbiltà hi li dan it-titjib jitreġġa’ lura.
Livelli aktar baxxi ta’ attivitajiet ekonomiċi huma probabbli li jwasslu wkoll għal emissjonijiet aktar baxxi ta’ gassijiet b’effett ta’ serra fl-2020. Valutazzjoni sħiħa bbażata fuqdata konkreta se tkun disponibbli lejn l-aħħar tal-2021. Bl-istess mod bħall-kwalità tal-arja, it-tnaqqis drastiku fl-emissjonijiet żgur li se jerġa’ lura hekk kif l-ekonomija tibda tirkupra.
Minn madwar id-dinja kollha hemm rapporti ta’ organiżmi selvaġġi jirkupraw minħabba inqas disturbi mill-attivitajiet tal-bniedem, jew minħabba aktar prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss li jispiċċaw fl-ambjent. Ir-riċerkaturi u l-awtoritajiet pubbliċi fl-Ewropa kollha u fid-dinja kollha qed jiżviluppaw inizjattivi biex jidentifikaw u jivvalidaw dawn ix-xejriet.
Sabiex niżguraw li nibqgħu fit-triq tagħna lejn kontinent u pjaneta b’impatt newtrali fuq il-klima u sostenibbli, se nkunu qed nikkondividu l-korp dejjem jikber ta’ għarfien miżmum mill-EEA u mis-sħab tagħna, u niffaċilitaw dibattitu infurmat dwar il-hub il-ġdid tagħna: Post-Corona Planet.
Għaddejjin minn perjodu diffiċli. Kollox madwarna nbidel b’pass mingħajr preċedent fi spazju qasir ta’ żmien: l-interazzjonijiet soċjali, il-ħajja tax-xogħol, l-edukazzjoni, il-vaganzi, l-opportunitajiet ta’ xogħol u l-konnettività diġitali. Il-futur quddiemna huwa ugwalment mimli b’ħafna inċertezzi. Iżda f’dawn iż-żminijiet ta’ prova, qatt ma għandna ninsew is-saħħa, ir-reżiljenza u s-solidarjetà impressjonanti li wrejna bħala individwi, bħala familji u bħala parti minn komunità globali. Flimkien nistgħu naġixxu, ninnovaw, nadattaw u nimxu ’l quddiem. Hemm bżonn li dan nagħmluh b’mod sostenibbli.
Hans Bruyninckx
Direttur Eżekuttiv tal-EEA
Editorjal ippubblikat fil-ħarġa ta’ Ġunju 2020 tal-Bullettin tal-EEA 02/2020
For references, please go to https://eea.europa.eu./mt/articles/flimkien-nistghu-nimxu-2019l-quddiem or scan the QR code.
PDF generated on 23 Dec 2024, 03:33 AM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn