li jmiss
preċedenti
punti

Article

Is-solidarjetà hija kruċjali għall-irkupru mill-Covid-19 u għal futur aħjar u sostenibbli

Biddel il-lingwa
Article Ippubblikat 03 Feb 2022 Mibdul l-aħħar 16 Mar 2023
6 min read
Photo: © Zvonimir Zvonar, Climate Change PIX /EEA
L-2021 kienet ikkaratterizzata mill-Covid-19 u mill-impatti tat-tibdil fil-klima. Quddiem prezzijiet ogħla tal-enerġija u tħassib dwar is-saħħa, l-irkupru tal-Ewropa jeħtieġ deċiżjonijiet diffiċli fl-2022. L-azzjoni mdewma jew l-ambizzjonijiet aktar baxxi x’aktarx li jkollhom spejjeż soċjali u ekonomiċi ogħla fuq perjodu ta’ żmien twil. L-indirizzar tal-inugwaljanzi soċjali f’din it-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà huwa ċ-ċavetta għal futur aħjar għalina lkoll.

Irrispettivament minn kemm id-deċiżjonijiet tagħna ta’ kuljum jistgħu jkunu diffiċli fl-2022, jenħtieġ li nkunu kuraġġużi biżżejjed biex nibqgħu mexjin fi triqitna lejn il-mira ta’ sostenibbiltà stabbilita fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u mogħtija permezz ta’ pakketti leġiżlattivi, bħall-pakkett “Lesti għall-mira ta' 55 %”. Iċ-ċavetta tinsab fis-solidarjetà soċjali. L-Ewropa diġà stabbilixxiet xi mekkaniżmi ta’ finanzjament biex tgħin lil dawk affettwati. Jeħtieġ li nsaħħu dan il-komponent soċjali tal-isforzi tagħna u nindirizzaw l-inugwaljanzi soċjali li tista’ tiġġenera t-tranżizzjoni ekonomika.

Hekk kif l-2021 qiegħda tasal fi tmiemha, il-konverżazzjonijiet ta’ kuljum tagħna għadhom iddominati mill-Covid-19, l-aħħar varjant tiegħu l-Omicron li qiegħed jiżdied, it-tilqim booster, l-effiċjenza tal-vaċċin, u miżuri u restrizzjonijiet ġodda ta’ lockdown. Kollha kemm aħna ġejna affettwati mill-pandemija u mill-konsegwenzi tagħha. L-għadd ta’ ħajjiet mitlufa jitkejjel f’miljuni. B’kull mewġa ġdida, qed nibżgħu li ma nkunux nistgħu nagħtu kura medika lil dawk fil-bżonn. Ir-riskji u l-ispejjeż umani u soċjali huma reali.

Għall-Ewropa, l-2021 kienet ikkaratterizzata wkoll minn diżastri ta’ għargħar fatali f’diversi pajjiżi u minn nirien fil-foresti fin-nofsinhar. Sfortunatament, dan xejn ma huwa ta’ sorpriża. Ir-riċerka, inkluż l-aħħar rapport tagħna dwar il-perikli klimatiċi, tindika frekwenza u severità dejjem akbar ta’ dawn l-avvenimenti estremi, minħabba t-tibdil fil-klima. Dawn l-avvenimenti jħallu impatt fuq is-saħħa u fuq il-benesseri tagħna filwaqt li jnaqqsu r-reżiljenza tan-natura. Huwa ċar li rridu nadattaw u nagħmlu l-aħjar li nistgħu biex innaqqsu ż-żieda fit-temperaturi medji globali. Anke deċimali ta’ grad Celsius jgħoddu. Dan ġie rifless fil-COP dwar il-klima li saret fi Glasgow din is-sena, li rriżultat fit-tlestija tal-ġabra ta’ regoli tal-Ftehim ta’ Pariġi u żammet il-miri ta’ Pariġi u ċ-ċans li t-tisħin globali jiġi limitat għal 1.5 gradi Celsius, ħajjin.

Il-politika tal-Ewropa ambizzjuża qiegħda tiżdied

Madankollu, l-2021 ma kinitx immarkata biss mill-avvenimenti pandemiċi u estremi tat-temp. Fl-Ewropa tressaq ammont kbir ta’ inizjattivi ta’ politika biex tinkiseb il-viżjoni deskritta fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, inkluż il-Pjan ta’ Azzjoni għal Tniġġis Żero, l-Istrateġija l-ġdida għall-Adattament għat-Tibdil fil-Klima, l-Istrateġija għall-Foresti u, l-aktar reċentement, l-Istrateġija għall-Ħamrija.

Wieħed mill-aktar sforzi ta’ politika sinifikanti tas-sena kien il-Liġi Ewropea dwar il-Klima, l-impenn legalment vinkolanti tal-Unjoni Ewropea li tikseb in-newtralità klimatika u li ssir reżiljenti għall-klima sal-2050, u li jitnaqqsu l-emissjonijiet netti tal-gassijiet serra tagħha għal mill-inqas 55 % taħt il-livelli tal-1990 sal-2030, bħala pass importanti lejn in-newtralità klimatika. Sabiex tintlaħaq il-mira ta’ 55 %, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet għadd ta’ inizjattivi – magħrufa bħala l-pakkett “Lesti għall-mira ta' 55 %”.

Il-pakkett “Lesti għall-mira ta' 55 %” jikkonsisti f’sett ta’ proposti interkonnessi dwar l-ipprezzar, il-miri, l-istandards u l-miżuri ta’ appoġġ biex titwettaq il-bidla trasformattiva meħtieġa. It-trasformazzjoni tal-ekonomija jew tas-soċjetà tal-Ewropa biex tinkiseb in-newtralità klimatika qatt ma tqieset bħala kompitu faċli. U l-pandemija u l-irkupru tagħha jistgħu jagħmluha saħansitra aktar diffiċli.

Madankollu, kif juri l-aħħar rapport tagħna dwar “Ix-xejriet u l-projezzjonijiet”, it-tnaqqis ta’ 55 % sal-mira tal-2030 ma huwiex wieħed mhux realistiku. Bi sforzi u b’politiki addizzjonali, l-Ewropa tista’ tilħaq din il-mira. Is-sit web il-ġdid tagħna Il-Klima u l-Enerġija fl-UE jipprovdi informazzjoni dettaljata dwar il-progress tal-Istati Membri tal-UE lejn il-miri tagħhom għall-2030.

Għażliet diffiċli: it-tweġiba hija s-solidarjetà soċjali

Għadna qed ngħixu bil-konsegwenzi ekonomiċi tal-kriżi tal-Covid-19. Il-waqfien f’daqqa f’ħafna attivitajiet ekonomiċi minħabba l-lockdowns ikkawżati mill-Covid ħoloq qgħad jew nuqqas ta’ impjieg, tnaqqis fil-produzzjoni u poġġa pressjoni fuq il-fondi pubbliċi. Bħalissa qegħdin nesperjenzaw żieda għolja fl-irkupru b’livell mhux mistenni wara t-tnaqqis inizjali, filwaqt li qegħdin nesperjenzaw tfixkil fil-kummerċ globali.

Sadanittant, il-prezzijiet tal-enerġija qegħdin jiżdiedu, qabel ix-xhur tax-xitwa. B’mod partikolari, il-prezzijiet tal-gass laħqu l-ogħla livell li qatt laħqu — sa 10 darbiet mil-livell ta’ sena ilu. Ħafna pajjiżi Ewropej jiddependu mill-gass naturali, u ż-żieda fil-prezzijiet inħasset f’ħafna unitajiet domestiċi. Dan jista’ jirriżulta f’użu ogħla ta’ fjuwils li jniġġsu aktar bħall-faħam jew sempliċiment, f’faqar enerġetiku. Fi żmien meta attività ekonomika aktar baxxa tfisser dħul mit-taxxa aktar baxx u nfiq pubbliku ogħla, minħabba n-nefqa fuq il-kura tas-saħħa u l-qgħad li tpoġġi aktar piż fuq il-finanzi pubbliċi, tali deċiżjonijiet ta’ politika qatt ma huma faċli.

Meta ffaċċjati b’diffikultajiet bħal dawn, inbaxxu l-livell ta’ ambizzjoni tagħna jew innaqqsu r-rittmu? Xejn minn dan.

Azzjoni li ddum ma tittieħed jew nuqqas ta’ azzjoni mhux se jneħħu l-isfidi li qed inħabbtu wiċċna magħhom. Għall-kuntrarju, kwalunkwe dewmien x’aktarx li jirriżulta fi spejjeż soċjali u tas-saħħa ogħla maż-żmien. Madankollu, kwalunkwe progress fl-isforzi klimatiċi u ambjentali jista’ jirriżulta f’kisbiet konkreti. Pereżempju, arja aktar nadifa għenet biex jiġu salvati mijiet ta’ eluf ta’ ħajjiet fl-Ewropa. Il-kisba ta’ linji gwida aktar stretti mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa setgħet tgħinna nevitaw mal-170 000 mewta prematura fl-2019. Bl-istess mod, nistgħu nieħdu azzjoni klimatika filwaqt li nindirizzaw l-ispejjeż soċjali u ngħinu lil dawk l-aktar affettwati.

Irrispettivament minn kemm id-deċiżjonijiet tagħna ta’ kuljum jistgħu jkunu diffiċli fl-2022, jenħtieġ li nkunu kuraġġużi biżżejjed biex nibqgħu mexjin lejn il-mira ta’ sostenibbiltà stabbilita fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u mogħtija permezz ta’ pakketti leġiżlattivi, bħall-pakkett “Lesti għall-mira ta' 55 %”.

Iċ-ċavetta tinsab fis-solidarjetà soċjali. L-Ewropa diġà stabbilixxiet xi mekkaniżmi ta’ finanzjament biex tgħin lil dawk affettwati. Irridu nsaħħu dan il-komponent soċjali tal-isforzi tagħna u nindirizzaw l-inugwaljanzi soċjali li tista’ tiġġenera t-tranżizzjoni ekonomika. U nemmen, li flimkien nistgħu nibnu futur aħjar għalina lkoll.

Nistgħu nużaw it-12-il xahar li ġejjin biex inżidu l-ambizzjoni tagħna li nibnu l-2022 bħala s-sena tas-solidarjetà, il-kuraġġ u t-tama.

 

Hans Bruyninckx

Hans Bruyninckx

Id-Direttur Eżekuttiv tal-EEA

Editorjal ippubblikat fil-Bulettin tal-EEA, Diċembru 2021

Permalinks

Geographic coverage

Temporal coverage

Tags

Filed under:
Filed under: fit for 55 package
Dokument ta’ Azzjonijiet