All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Article
Skont l-aktar stimi reċenti tagħna, mill-inqas 253,000 mewta fl-UE fl-2021 kienu attribwibbli għall-esponiment għal livelli ta’ materja partikolata fina ogħla mill-valur tal-linja gwida tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) ta’ 5 µg/m3. Minkejja t-tendenza pożittiva, l-għadd ta’ mwiet relatati mat-tniġġis tal-arja jibqa’ għoli b’mod sorprendenti.
Il-piż tat-tniġġis tal-arja jaqa’ b’mod sproporzjonat fuq dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna, b’inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi marbuta mal-esponiment għal kwalità ta’ arja eħżen. It-tfal u l-anzjani għandhom it-tendenza li l-aktar li jbatu minn konsegwenzi tas-saħħa meta jieħdu nifs f’arja mniġġsa, filwaqt li l-persuni bi dħul aktar baxx spiss jgħixu fl-aktar żoni mniġġsa.
Minbarra li jikkawża mwiet, pereżempju minħabba l-kanċer u l-mard tal-qalb, it-tniġġis tal-arja jħalli impatt fuq il-kwalità tal-ħajja tal-persuni li jgħixu b’mard. Ħafna minna nbatu jew għandna membri tal-familja li jbatu minn mard bħall-ażma, il-mard tal-qalb jew id-dijabete, u nafu kif it-tniġġis tal-arja jista’ jfixkel il-kapaċità tagħna li nagħmlu kompiti sempliċi ta’ kuljum. Barra minn hekk, m’għandniex ninsew l-ispejjeż sinifikanti li t-tniġġis tal-arja qed ikompli jpoġġi fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa tagħna.
Ma’ dan inżidu l-impatti li qed jiżdiedu tat-tibdil fil-klima, bħall-mewġiet ta’ sħana li rajna matul dawn l-aħħar snin jew in-nirien fil-foresti relatati mat-tibdil fil-klima, li jaggravaw ukoll il-problema. Il-bidliet fix-xejriet tat-temp jistgħu jżidu wkoll ir-riskji kkawżati mit-tniġġis tal-arja. Pereżempju, il-konċentrazzjonijiet tal-ożonu fil-livell tal-art jistgħu jiżdiedu matul perjodi sħan u xotti. It-tnaqqis fix-xita jista’ jirriżulta wkoll f’konċentrazzjonijiet ogħla ta’ materja partikolata fl-arja.
Meta kkombinati, it-tniġġis tal-arja u s-sħana estrema jistgħu jirriżultaw f’rati ogħla ta’ mortalità, b’mod partikolari għall-anzjani u l-persuni b’mard eżistenti. Din iż-żieda fir-riskju tappella għal azzjoni saħansitra aktar urġenti biex jitnaqqas it-tniġġis tal-arja, jitnaqqas il-mard relatat u tiżdied il-kapaċità tal-popolazzjoni biex tlaħħaq ma’ temperaturi ogħla. Il-kombinament ta’ tniġġis u ta’ sħana huwa partikolarment serju fil-bliet, fejn il-kwalità tal-arja hija ħażina, u l-effett gżira ta’ sħana urbana jwassal għal temperaturi lokali saħansitra ogħla.
Tista’ tistaqsi, “għalfejn għandha tittieħed azzjoni?” Dan għaliex dawn l-imwiet attribwiti għat-tniġġis tal-arja jistgħu jiġu evitati. Dan għaliex nistgħu ntejbu l-ħajja ta’ kuljum ta’ miljuni ta’ Ewropej, li s-saħħa u l-kwalità tal-ħajja tagħhom huma affettwati mit-tniġġis tal-arja – b’mod sever jew diskret.
Bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni tal-UE u l-azzjoni fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, l-għadd ta’ mwiet attribwibbli għall-esponiment għat-tniġġis ta’ partikoli fini fl-UE naqas kważi bin-nofs f’dawn l-aħħar żewġ deċennji. L-Ewropa tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira tal-pjan ta’ azzjoni tagħha ta’ tniġġis żero li tnaqqas dawn l-imwiet b’55 % sal-2030, meta mqabbla mal-2005.
Madankollu, l-ilħuq ta’ din il-mira xorta se jħalli għadd sinifikanti ta’ mwiet li jseħħu kull sena. Sabiex nipproteġu s-saħħa taċ-ċittadini tagħna, l-UE u l-pajjiżi membri kollha tagħna għandhom fl-aħħar mill-aħħar jimmiraw li jiksbu l-linji gwida tad-WHO dwar it-tniġġis tal-arja. It-tisħiħ tal-istandards eżistenti fil-leġiżlazzjoni tal-UE se jappoġġa dan l-objettiv kif ukoll l-azzjonijiet biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra f’konformità mal-għanijiet klimatiċi tal-UE.
It-taħditiet reċenti dwar il-klima f’Dubai, COP28, ikkonkludew bi ftehim sinifikanti, fost l-oħrajn, biex jitnaqqsu l-emissjonijiet saħansitra aktar malajr u biex issir tranżizzjoni lil hinn mill-fjuwils fossili. Il-ftehim jappella li tittieħed azzjoni biex il-1.5 C ikun jista’ jinżamm, li mbagħad se jnaqqas ir-riskji mill-impatti kkombinati fuq is-saħħa kkawżati mit-tniġġis ta’ sħana u tal-arja.
F’ħafna każijiet, it-teħid ta’ azzjoni dwar it-tibdil fil-klima jew il-kwalità tal-arja jipprovdi benefiċċji reċiproċi. Pereżempju, sistema ta’ mobbiltà u enerġija sostenibbli, inkluż it-tisħin u t-tkessiħ għall-bini, tista’ tnaqqas l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja kif ukoll l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Bl-istess mod, tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra jista’ jnaqqas ir-riskju akbar li qed niffaċċjaw mill-impatti kkombinati tat-tniġġis tal-arja u s-sħana estrema. Il-miżuri dwar it-tibdil fil-klima, li jġibu benefiċċji tanġibbli lill-komunitajiet lokali f’termini ta’ arja aktar nadifa u saħħa aħjar, probabbilment jintlaqgħu aktar minn dawn il-komunitajiet.
L-għarfien għandu rwol kruċjali fid-determinazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ politiki u miżuri fuq il-post. Dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livelli Ewropej, nazzjonali u lokali jeħtieġ li jkunu konxji bis-sħiħ tal-impatti li t-tniġġis tal-arja qed ikollu fuq is-saħħa taċ-ċittadini kif ukoll fuq l-ekosistemi, u tal-urġenza biex jiġu protetti dawk l-aktar affettwati. Sensibilizzazzjoni pubblika aħjar dwar l-impatti tat-tniġġis tal-arja fuq is-saħħa tista’ tgħin ukoll biex jinħoloq appoġġ akbar għal politiki u azzjonijiet ġodda biex tittejjeb il-kwalità tal-arja.
Fl-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, aħna noffru firxa wiesgħa ta’ prodotti, minn analiżi annwali għal settijiet ta’ data, u indikaturi għal apps tal-kwalità tal-arja, li jippermettu lill-utenti jivverifikaw il-kwalità tal-arja fejn jgħixu. U aħna nibqgħu impenjati li nipprovdu għarfien f’waqtu, rilevanti u affidabbli għal dawk li jfasslu l-politika u għall-pubbliku Ewropew.
M’għandniex ninsew xi tfisser arja aktar nadifa: ħajja aktar f’saħħitha għal kulħadd.
Nawguralkom ilkoll il-vaganzi t-tajba u xewqat sbieħ għas-Sena l-Ġdida.
Leena Ylä-Mononen
Direttur Eżekuttiv tal-EEA
For references, please go to https://eea.europa.eu./mt/articles/editorjal-arja-aktar-nadifa-klima or scan the QR code.
PDF generated on 23 Dec 2024, 03:44 AM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn