All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Article
Aħna mxejna ħafna 'l quddiem tul dawn l-aħħar ftit deċennji meta t-tniġġis kimiku kien viżibbli ħafna u, fl-UE, issa għandna protezzjoni ħafna aħjar kontra ħafna sustanzi ta' ħsara. Madankollu, mill-1950 sal-2000, il-volum ta' produzzjoni globali ta' sustanzi kimiċi żdied b'aktar minn 50 darba, u madwar id-dinja kollha, ħafna sustanzi kimiċi ġodda qegħdin jiġu rreġistrati ta' kuljum. Dan iżid il-pressjoni kimika ġenerali fuq l-ambjent u fuq in-nies, u għalhekk ir-riskju ta' ħsara. Espożizzjoni għal sustanzi kimiċi ta' ħsara, kemm ġewwa kif ukoll barra, tista' tikkawża ħafna effetti fuq is-saħħa, inkluż mard respiratorju kif ukoll kardjovaskolari, allerġiji u kanċer.
Bl-istess mod, organiżmi u ekosistemi slavaġ huma affettwati mill-użu ta' pereżempju pestiċidi u l-akkumulazzjoni ta' sustanzi niġġieża persistenti. L-ittestjar isir iżda jieħu ħafna ħin u jiswa l-flus u ma jkoprix ix-xenarji ta' espożizzjoni kollha. L-esperjenza wkoll tgħidilna li dak li darba ħsibna li kien sigur ħafna drabi jirriżulta li għandu effetti li jimmanifestaw ruħhom aktar tard. L-isfida hija li jinżammu l-benefiċċji umani u ekonomiċi tal-kimiċi waqt li jiġu minimizzati l-effetti sekondarji tagħhom.
Ħafna mill-isforzi tal-passat iffukaw fuq sustanzi singoli li kienu meqjusin ta' ħsara. Il-problema hi li jista' jgħaddi ħafna żmien qabel ma jkollna biżżejjed data sabiex nagħtu prova tal-ħsara u sadanittant is-sustanzi kimiċi jkunu nfirxu. L-indirizzar tal-problemi taċ-ċomb fil-petrol u f'xi pestiċidi huwa eżempju ta' dan it-tip ta' intervent. Kultant, is-sustanzi kimiċi ta' sostituzzjoni jistgħu jkunu ugwalment ħżiena, b'xi mod jew ieħor.
Kwistjoni oħra hija li hemm tħassib dejjem jikber tar-riskji maħluqa minn taħlitiet ta' sustanzi kimiċi u kif dawn jaħdmu flimkien, li normalment ma jiġix ikkunsidrat waqt l-evalwazzjoni ta' sustanzi kimiċi. Aħna issa nafu wkoll li ċerti gruppi tal-popolazzjoni, pereżempju tfal u nies b'mard kroniku, huma aktar vulnerabbli għal kimiċi minn oħrajn.
Barra minn hekk, mhux il-kimiċi kollha għandhom impatti immedjati iżda jistgħu jwasslu għal mard ħafna aktar tard fil-ħajja, bħal fil-każ ta' disturbaturi ta’ l-endokrina li jnaqqsu l-fertiità u jikkawżaw kolesterol għoli u obeżità. Xi kimiċi għandhom effett b'dożi baxxi ħafna, waqt li oħrajn jistgħu jibqgħu ma jiġux innutati sakemm l-akkumulazzjoni tilħaq livell kritiku li jwassal għal problemi tas-saħħa. B'mod ġenerali, l-għarfien tagħna dwar l-impatt tal-pressjoni kimika ġenerali għadu limitat ħafna, kemm fuq il-bnedmin kif ukoll fuq l-ekosistemi.
L-UE qiegħda taħdem fuq diversi fronti sabiex tipproteġi liċ-ċittadini. Aħna għandna l-leġiżlazzjoni REACH li probabbilment hija l-aktar leġiżlazzjoni avvanzata dwar is-sustanzi kimiċi fid-dinja u bħalissa qiegħda tiġi riveduta. Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tagħmel verifika mill-ġdid tal-leġiżlazzjonijiet dwar is-sustanzi kimiċi. Il-Parlament Ewropew qajjem il-kwistjoni ta' taħlitiet ta' sustanzi kimiċi u ċ-ċikli ta' materjali nodfa fl-ekonomija ċirkolari, u flimkien ma' dan, il-Kummissjoni qiegħda taħdem fuq strateġija għal ambjent mhux tossiku.
Barra minn hekk, diversi aġenziji ta’ l-UE qed iħarsu lejn aspetti differenti ta' sustanzi kimiċi. L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi kimiċi f'Ħelsinki, tappoġġja l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni REACH, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel f'Parma qiegħda tħares lejn sustanzi li jistgħu jispiċċaw fl-ikel tagħna. Għandna aġenzija ta’ l-UE li qiegħda taħdem fuq is-sigurtà tal-mediċini, waħda għas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, u issa hemm ukoll inizjattiva speċjali ġdida fuq il-bijomonitoraġġ uman sabiex tinkiseb informazzjoni aħjar dwar espożizzjoni attwali ta' ċittadini għal kimiċi. Għalhekk qiegħed isir ħafna xogħol, iżda jkomplu jqumu l-mistoqsijiet: qegħdin nużaw l-għodod it-tajba sabiex nindirizzaw il-kwistjoni ta’ l-indirizzar ta' tant sustanzi kimiċi? Nistgħu nagħmlu aktar sabiex inħarsu lejn iċ-ċiklu tal-ħajja ta' prodotti u sustanzi kimiċi?
L-Inizjattiva ta' Bijomonitoraġġ Uman għall-Ewropa (HBM4EU), li l-EEA hija parti minnha, tħares speċifikament lejn l-espożizzjoni taċ-ċittadini Ewropej għas-sustanzi kimiċi, ikun x'ikun is-sors tagħhom. Billi jinġabru u jiġu analizzati kampjuni tad-demm, il-pjan huwa li jiġi skopert, pereżempju, jekk hemmx hotspots lokali jew reġjonali ta' espożizzjoni għal sustanzi kimiċi, għal liema sustanzi kimiċi ġew esposti, u jekk ċerti gruppi tal-popolazzjoni ġewx esposti aktar minn oħrajn. Din l-informazzjoni għandha tgħin sabiex jiġu lokalizzati sorsi ta' tniġġis u sabiex tkun għodda li dawk li jfasslu l-politiċi jistgħu jużaw sabiex jipprijoritizzaw u jimmiraw interventi.
Element ieħor tal-proġett huwa li tiġi pprovduta informazzjoni tajba u fattwali dwar kimiċi liċ-ċittadini. Aħna rajna fil-passat, speċjalment fl-Ewropa tat-Tramuntana, li involviment attiv taċ-ċittadini, pereżempju permezz ta' NGOs, jista' jrawwem it-tip ta' dijalogu u kollaborazzjoni ma' negozji u nies li jfasslu l-politiċi li hemm bżonn għal bidla pożittiva.
L-EEA għandha rwol pjuttost mifrux fil-bini ta' għarfien dwar il-kwistjoni tal-impatt tas-sustanzi kimiċi fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem kif ukoll dwar il-prevenzjoni ta’ l-iskart u l-immaniġġjar ta’ l-ekonomija ċirkolari.
Fl-istess ħin, ħafna mix-xogħol li nagħmlu f'oqsma tematiċi differenti huwa wkoll marbut mas-sustanzi kimiċi. Pereżempju l-impatti tat-tniġġis ta’ l-arja, emissjonijiet mill-industrija, gassijiet b'effett ta' serra, sustanzi li jnaqqru l-ożonu, u kontaminanti tal-ilma u l-ħamrija ukoll huma fil-parti l-kbira tagħhom ikkawżati minn sustanzi kimiċi. Għal diversi minn dawn aħna niġġeneraw indikaturi u nassistu sabiex nagħmlu d-data dwar is-sustanzi kimiċi aktar aċċessibbli apertament għal riċerkaturi, nies li jfasslu l-politiki u l-pubbiku. Dan huma magħmul permezz tas-sit web tagħna stess u oħrajn, bħal pereżempju l-Pjattaforma ta' Informazzjoni għall-Monitoraġġ ta' Sustanzi Kimiċi (IPCHEM). B'mod ġenerali, aħna biss parteċipant relattivament żgħir fil-qasam iżda naħseb li nistgħu nwettqu rwol importanti sabiex inħarsu lejn il-kuntest akbar tas-soċjetà, pereżempju, kif is-sustanzi kimiċi jaħdmu bħala barrieri jew bħala instigaturi għal ċaqliqa lejn ekonomija ċirkolari, b'emissjonijiet ta' karbonju baxxi fl-Ewropa.
Xenia Trier
Esperta ta’ l-EEA dwar is-sustanzi kimiċi
Intervista ppubblikata fil-Bullettin ta’ l-EEA, edizzjoni 2017/2, Ġunju 2017
For references, please go to https://eea.europa.eu./mt/articles/sustanzi-kimici-fl-ewropa-nifhmu or scan the QR code.
PDF generated on 23 Dec 2024, 07:10 AM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn