All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Article
Fit-2 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet pakkett leġiżlattiv ġdid dwar l-ekonomija ċirkulari. Il-pakkett ikopri stadji differenti ta' ċiklu tal-ħajja estiż ta’ prodott mill-produzzjoni u l-konsum sal-ġestjoni ta’ l-iskart u s-suq għal materja prima sekondarja. L-azzjonijiet proposti huma mfassla sabiex ikunu ta' benefiċċju kemm għall-ambjent kif ukoll għall-ekonomija, u jisiltu l-valur u l-użu massimu mill-materja prima, prodotti u skart kollha, irawwmu l-iffrankar ta’ l-enerġija u jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra.
Matul dawn l-aħħar deċenni, il-leġiżlazzjoni għall-protezzjoni ta’ l-ambjent evolviet minn risponsi speċifiċi għal kwistjonijiet, għal reazzjonijiet iktar integrati u sistemiċi. Il-pakkett ta’ l-ekonomija ċirkulari huwa wieħed mill-aktar eżempji reċenti għal reazzjonijiet tal-politika integrata bħal dawn u ċertament huwa pass sinifikanti lejn l-objettiv ta’ l-Unjoni Ewropea għal "għajxien tajjeb fi ħdan il-limiti ekoloġiċi tal-pjaneta".
L-ambjent Ewropew tagħna: Ir-rapport State and Outlook 2015 (L-Istat u l-Prospetti tal-2015) (SOER2015) jenfasizza l-isfida tas-sostenibbiltà li qegħdin naffaċċjaw illum. Qegħdin nikkunsmaw u nagħmlu estrazzjoni ta' iktar riżorsi, kemm fl-Ewropa kif ukoll fid-dinja, milli l-pjaneta tagħna tista’ tissostitwixxi f’ħin partikolari. Minn naħa waħda, attivitajiet ekonomiċi jikkontribwixxu għall-benesseri tal-bnedmin u għat-tnaqqis tal-faqar. Min-naħa l-oħra, iniġġżu l-ambjent, isaħħnu l-pjaneta, iħassru s-saħħa umana filwaqt li jdgħajfu l-kapaċità tal-pjaneta sabiex tipprovdi għalina. It-tbassir tat-tibdil fil-klima u taż-żieda fil-popolazzjoni jżidu ma’ l-urġenza għal azzjoni komprensiva u immedjata.
Għalkemm s’issa l-ebda pajjiż la għadu wasal għal ‘għajxien tajjeb’ u lanqas fi ħdan il-mezzi naturali tiegħu, hemm xi sinjali ta’ inkoraġġiment. L-Unjoni Ewropea bdiet tkisser ir-rabta bejn it-tkabbir ekonomiku u l-konsum ta’ l-enerġija u l-materjali. L-Ewropej qegħdin jirriċiklaw sehem ikbar mill-iskart muniċipali tagħhom u jibagħtu inqas ammonti għall-miżbliet. L-ekoindustriji (eż. ħidma fuq l-enerġija li tiġġedded, trattament tad-drenaġġ, kontroll tat-tniġġiż ta’ l-arja, eċċ) kibru b’mod konsiderevoli matul l-aħħar għaxar snin u ħolqu x-xogħlijiet minkejja r-riċessjoni reċenti.
Ekonomija ċirkulari tistinka sabiex tnaqqas l-"influss" tar-riżorsi ġodda, speċjalment riżorsi mhux rinnovabbli, sabiex tuża, terġa’ tuża u tivvalorizza kemm jista’ jkun ir-riżorsi fl-ekonomija, u tnaqqas kemm jista' jkun il-"ħruġ" tal-emmissjonijiet u l-iskart.
Il-messaġġ huwa wieħed ċar: tnaqqis potenzjali fl-iskart jista’ jiġġenera qligħ sostanzjali għall-ekonomija u s-saħħa tal-bniedem. Il-fatt li tibqa' tuża riżorsi diġà estratti ma jnaqqasx id-dipendenza fuq il-materja prima (estratta jew importata domestikament), iżda jagħti spinta lill-kompettitività filwaqt li jnaqqas il-pressjonijiet ambjentali. Analiżi preliminari mill-EEA turi li l-pajjiżi Ewropej diġà qegħdin jieħdu azzjoni sabiex itejbu l-effiċjenza tar-riżorsi, l-iktar minħabba tħassib ekonomiku konġunt relatat mad-dipendenza fuq ir-riżorsi.
B’mod ġenerali, il-prevenzjoni ta’ l-iskart, ir-riċiklaġġ u l-ġestjoni aħjar ta’ l-iskart huma kollha ċertament kruċjali biex inaqqsu l-flussi ‘l ġewwa u ‘l barra mill-ekonomija. Madankollu, l-għeluq taċ-ċirkwit tal-materjali mhuwiex biżżejjed sabiex jipprevjeni iktar impatti fuq l-ambjent u fuq is-saħħa u l-benesseri tal-bniedem. L-approċċi tal-ekonomija ċirkolari jeħtieġu li jmorru lil hinn mill-ġestjoni ta’ l-iskart, u jeħtieġu jiffaċilitaw it-tranżizzjoni għal ekonomija ekoloġika. Għandna bżonn nerġgħu naħsbu fuq il-mod kif nipproduċu, nikkunsmaw u narmu l-prodotti.
L-ewwel ħaġa, l-ekodisinn huwa essenzjali għaż-żieda tal-potenzjal għar-riċiklaġġ u sabiex tiġi estiża l-ħajja tal-prodotti. Nistgħu niddisinjaw prodotti b’tali mod li jkunu jistgħu jissewwew faċilment, jiġu sostitwiti biss il-biċċiet il-miksurin u l-komponimenti tagħhom jkunu jistgħu jintgħażlu faċilment għal riċiklaġġ ottimali.
Għandna bżonn nikkunsidraw ukoll aspetti tas-saħħa u ambjentali tal-materjali li nużaw fil-prodotti tagħna. L-eko-disinn jista’ jgħin ugwalment jissostitwixxi materjali ta’ impatti ambjentali għoljin b’alternattivi aħjar. Pereżempju, huwa ċar li l-esponiment għal kimiċi perikolużi huwa tħassib serju għas-saħħa. Nistgħu nadottaw ċikli ta’ materjali nodfa sabiex nipprevjenu l-esponiment tal-bniedem għal sustanzi perikolużi u sabiex nipproteġu l-ekosistemi mit-tniġġiż kimiku.
Bl-istess mod, il-materjali bbażati fuq prodotti bioloġiċi, bħalma huma l-injam, l-għelejjel u l-fibri, jistgħu jintużaw għal firxa wiesgħa ta’ bżonnijiet ta' prodotti u enerġija. Madankollu, il-potenzjal li jinbidlu għal materjali bbażati fuq prodotti bioloġiċi għandu jiġi analizzat fid-dawl tal-impatti assoċjati tal-ekosistemi u tas-saħħa. Hemm pereżempju limiti għall-isfruttament tal-foresti u l-ħruq tal-injam għall-enerġija jista' jaggrava l-kwalità tal-ajru.
Eko-innovazzjoni u riċerka li tippromwovi soluzzjonijiet innovattivi huma essenzjali għal tendenza lejn ekonomija ċirkulari. L-innovazzjoni mhijiex limitata biss għall-proċessi tal-produzzjoni. Jistgħu jiġu mħeġġin u appoġġjati mudelli ġodda ta’ negozju. Diġà hemm ħafna eżempji ta’ soluzzjonijiet innovattivi li jipprovdu servizzi iktar milli jbiegħu prodotti: pereżempju mhemmx għalfejn ikollok karozza sabiex tissodisfa l-bżonnijiet tiegħek tat-trasport. Mudelli kummerċjali kollaborattivi bħal dawn li jiffokaw fuq l-għoti ta' servizz jistgħu jibbenefikaw minn mekkaniżmi ġodda ta’ finanzjament, peress li l-investiment u l-profitt, maż-żmien isegwu mudell differenti.
Fondi pubbliċi fl-Ewropa kollha diġà qegħdin jappoġġjaw l-ekoinnovazzjoni iżda jista’ jkollhom rwol iktar b’saħħtu milli għandhom illum. Investimenti fl-infrastruttura, fir-riċerka u fl-ibliet kollha jistgħu jiġu mmirati favur l-iffaċilitar tat-tranżizzjoni għal ekonomija ekoloġika. Impenn b’saħħtu għal sostenibbiltà msaħħa b’qafas ċar finanzjarju u regolatorju jibgħat is-sinjali t-tajba lill-partijiet ikkonċernati kollha.
Huwa ċar li l-mixja lejn ekonomija ekoloġika ċirkulari se tkun ta’ benefiċċju għal xi gruppi u setturi, filwaqt li titfa’ pressjoni fuq oħrajn. Dawk li jfasslu l-politika se jkollhom bżonn iqisu kunsiderazzjonijiet tal-ekwità, kemm fi ħdan l-Ewropa kif ukoll globalment, u joffru miżuri ta’ appoġġ sabiex jiffaċilitaw u jidderieġu t-tranżizzjoni soċjoekonomika meħtieġa.
Hans Bruyninckx
Direttur Eżekuttiv tal-EEA
Editorjal ippubblikat fil-ħarġa Nru 2016/1 tal-bullettin tal-EEA, Marzu 2016
For references, please go to https://eea.europa.eu./mt/articles/nimxu-lil-hinn-mill-gestjoni or scan the QR code.
PDF generated on 23 Dec 2024, 06:32 AM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn