All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Dan ma jaffettwax biss lill-ambjent iżda anki lill-kompetittività ekonomika tagħna. Is-soluzzjoni hija waħda ovvja iżda mhux sempliċi: li jintlaħaq tkabbir ekonomiku b’inqas riżorsi naturali, jew, fi kliem ieħor, isir iktar b’inqas. It-titjib ta’ l-effiċjenza tar-riżorsi tagħna huwa, għalhekk, element ċentrali tal-politika ambjentali fuq żmien twil, kif rifless f’dokumenti strateġiċi bħas-Seba’ programm ta’ Azzjoni Ambjentali (is-7 EAP), il-Pjan Direzzjonali ta’ l-UE għal Ewropa Effiċjenti fir-Riżorsi u l-Pjan ta’ Azzjoni ta’ l-UE għall-Ekonomija Ċirkolari.
L-ekonomija ta’ l-Ewropa tiddependi minn fluss mingħajr interruzzjoni ta’ riżorsi u materjali naturali, inklużi l-ilma, l-għelejjel, l-injam, il-metalli, il-minerali u l-ġarriera tal-enerġija, fejn l-importazzjonijiet jipprovdu proporzjon sostanzjali ta’ dawn il-materjali. Din id-dipendenza tista’ tkun dejjem aktar sors ta’ vulnerabbiltà, hekk kif tiżdied il-kompetizzjoni globali għar-riżorsi naturali.
Ħafna riżorsi naturali mhumiex imqassma b’mod ugwali fuq livell globali, u dan jagħmel l-aċċess u l-prezzijiet iktar volatili u jżid il-potenzjal ta’ kunflitt. Prezzijiet inċerti u instabbli wkoll jistgħu jfixklu s-setturi li huma dipendenti minn dawn ir-riżorsi, u jġiegħlu lill-kumpaniji jkeċċu n-nies, jiddefirixxu l-investiment jew jieqfu jipprovdu prodotti u servizzi.
Fl-istess ħin, żiediet rapidi fl-estrazzjoni u fl-esplojtazzjoni ta’ riżorsi naturali għandhom firxa wiesgħa ta’ impatti ambjentali negattivi fl-Ewropa u lil hinn minnha. It-tniġġis ta’ l-arja, ta’ l-ilma u tal-ħamrija, l-aċidifikazzjoni ta’ l-ekosistemi, it-telfien tal-bijodiversità, it-tibdil fil-klima u l-ġenerazzjoni ta’ l-iskart jitfgħu l-benesseri ekonomiċi u soċjali immedjati, fuq żmien medju u twil f’riskju.
Iż-żieda fl-effiċjenza tar-riżorsi hija essenzjali biex jiġi sostnut il-progress soċjoekonomiku f’dinja ta’ riżorsi u kapaċità ta’ l-ekosistemi limitati, iżda mhijiex biżżejjed. Wara kollox, żieda fl-effiċjenza hija biss indikazzjoni li l-produzzjoni qed tikber iktar mill-użu tar-riżorsi u mill-emissjonijiet. Ma tiggarantixxix tnaqqis assolut fil-pressjonijiet ambjentali għal livelli li huma sostenibbli fl-Ewropa u globalment fuq żmien twil.
Fil-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tas-sistemi Ewropej tal-produzzjoni u tal-konsum, huwa għalhekk neċessarju li nimxu lil hinn milli nkejlu jekk il-produzzjoni hijiex tiżdied b’rata aktar mgħaġġla mill-użu tar-riżorsi u l-pressjonijiet relatati (‘diżakkoppjament relattiv’). Pjuttost, hemm bżonn li jiġi vvalutat jekk hemmx evidenza ta’ ‘diżakkoppjament assolut’, fejn il-produzzjoni tiżdied waqt li l-użu tar-riżorsi jonqos.
Minbarra milli tiġi vvalutata r-relazzjoni ta’ l-użu tar-riżorsi mal-produzzjoni ekonomika, huwa importanti wkoll li ssir evalwazzjoni dwar jekk l-impatti ambjentali li jirriżultaw mill-użu tar-riżorsi tas-soċjetà humiex qed jonqsu (‘diżakkoppjament ta’ l-impatt’).
Is-7 EAP jidentifika t-titjib tal-effiċjenza tar-riżorsi bħala wieħed mit-tliet objettivi ewlenin tiegħu biex tintlaħaq il-viżjoni ta’ l-2050 ta’ ‘għajxien tajjeb fil-limiti tal-pjaneta’:
Dawn l-objettivi huma tabilħaqq marbuta mill-qrib u soġġetti għal oqfsa tal-politika differenti iżda relatati, bħall-Pjan Direzzjonali għal Ewropa Effiċjenti fir-Riżorsi u l-Pjan Direzzjonali li jwassal għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju.
Ragruppament ta’ politiki ieħor għandu l-għan li jiċċaqlaq lil hinn mill-mudell ta’ tkabbir lineari ‘take-make-consume-dispose’ (ħu-għamel-ikkonsma- armi), lejn mudell ċirkolari li jiddependi miż-żamma ta’ l-utilità tal-prodotti, tal-komponenti u tal-materjali u tal-valur tagħhom fl-ekonomija. Kif innotat fil-Pjan ta’ Azzjoni ta’ l-UE għall-Ekonomija Ċirkolari, dan ser jirrikjedi bidliet tul il-katini ta’ provvista, inklużi d-disinn tal-prodott, mudelli kummerċjali, għażliet dwar il-konsum, u l-prevenzjoni u l-immaniġġjar ta’ l-iskart. Il-leġiżlazzjoni ta’ l-UE dwar l-Iskart hija waħda mill-motivaturi ta’ politika ewlenin tagħha.
L-EEA tanalizza l-fluss ta’ materjali u l-istatistika ta’ l-iskart, u tipproduċi indikaturi u valutazzjonijiet relatati. Il-progress tal-politika huwa analizzat fi tliet serje ta’ rapportar paralleli dwar l-immaniġġjar ta’ l-iskart, il-prevenzjoni ta’ l-iskart u l-effiċjenza fir-riżorsi. F’rapporti ta’ l-ekonomija ċirkolari annwali u f’kontributi għal valutazzjonijiet integrati, bħall-Ambjent Ewropew ta’ l-EEA – Qagħda u Perspettiva 2020 (SOER2020) hija pprovduta perspettiva ġenerali.
Analiżijiet xierqa ta’ aspetti magħżula tal-politika ta’ l-effiċjenza tar-riżorsi, bħal kunċetti ta’ monitoraġġ, miri ambjentali, strumenti bbażati fuq is-suq u strateġiji ta’ intervent oħra huma prodotti fuq bażi regolari.
L-interazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u l-bini ta’ kapaċità relatati ma’ dawn il-valutazzjonijiet huma element importanti tax-xogħol, b’laqgħat regolari ta’ l-EIONET u sessjonijiet ta’ ħidma maċ-ċentri ta’ referenza nazzjonali dwar l-iskart u dwar l-ekonomija effiċjenti fir-riżorsi u l-ambjent.
Il-ħidma attwali hija primarjament immirata lejn it-titjib tal-bażi ta’ evidenza dwar l-effiċjenza tar-riżorsi, l-ekonomija ċirkolari u l-iskart. Huma previsti kontributi għas-SOER2020, b’enfasi fuq l-informazzjoni tematika (l-iskart u l-użu tar-riżorsi) kif ukoll analiżi sistematika tat-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari.
For references, please go to https://eea.europa.eu./mt/themes/efficjenza-tar-rizorsi-u-l-iskart/intro or scan the QR code.
PDF generated on 22 Nov 2024, 02:44 PM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn