li jmiss
preċedenti
punti

Effiċjenza tar-riżorsi u l-iskart

Biddel il-lingwa
Page Mibdul l-aħħar 23 Nov 2023
Il-problemi ambjentali globali li qed naffaċċjaw illum fil-parti l-kbira huma r-riżultat ta’ l-isfruttament żejjed tar-riżorsi naturali min-naħa tal-bniedem, inklużi l-karburanti (fossili), il-minerali, l-ilma, l-art u l-bijodiversità. Qed isir dejjem aktar ċar li l-mudell prevalenti ta’ l-iżvilupp ekonomiku ta’ l-Ewropa – ibbażat fuq l-użu għoli ta’ riżorsi, il-ġenerazzjoni ta’ l-iskart u t-tniġġis – ma jistax jiġi sostnut fuq perjodu twil. Illum, l-Unjoni Ewropea (UE) tiddependi ħafna mill-importazzjonijiet u għandna bżonn id-doppju ta’ l-erja ta’ l-art totali ta ‘ l-UE biex jintlaħqu t-talbiet tagħna għar-riżorsi. Ħafna mir-riżorsi jintużaw biss għal perjodu qasir ta’ żmien, jew jintilfu mill-ekonomija billi jintremew f’miżbla jew jiġu ‘downcycled’ (li jinvolvi tnaqqis fil-kwalità waqt operazzjonijiet ta’ rkupru).

Dan ma jaffettwax biss lill-ambjent iżda anki lill-kompetittività ekonomika tagħna. Is-soluzzjoni hija waħda ovvja iżda mhux sempliċi: li jintlaħaq tkabbir ekonomiku b’inqas riżorsi naturali, jew, fi kliem ieħor, isir iktar b’inqas. It-titjib ta’ l-effiċjenza tar-riżorsi tagħna huwa, għalhekk, element ċentrali tal-politika ambjentali fuq żmien twil, kif rifless f’dokumenti strateġiċi bħas-Seba’ programm ta’ Azzjoni Ambjentali (is-7 EAP), il-Pjan Direzzjonali ta’ l-UE għal Ewropa Effiċjenti fir-Riżorsi u l-Pjan ta’ Azzjoni ta’ l-UE għall-Ekonomija Ċirkolari.

Introduzzjoni

L-ekonomija ta’ l-Ewropa tiddependi minn fluss mingħajr interruzzjoni ta’ riżorsi u materjali naturali, inklużi l-ilma, l-għelejjel, l-injam, il-metalli, il-minerali u l-ġarriera tal-enerġija, fejn l-importazzjonijiet jipprovdu proporzjon sostanzjali ta’ dawn il-materjali. Din id-dipendenza tista’ tkun dejjem aktar sors ta’ vulnerabbiltà, hekk kif tiżdied il-kompetizzjoni globali għar-riżorsi naturali.

Ħafna riżorsi naturali mhumiex imqassma b’mod ugwali fuq livell globali, u dan jagħmel l-aċċess u l-prezzijiet iktar volatili u jżid il-potenzjal ta’ kunflitt. Prezzijiet inċerti u instabbli wkoll jistgħu jfixklu s-setturi li huma dipendenti minn dawn ir-riżorsi, u jġiegħlu lill-kumpaniji jkeċċu n-nies, jiddefirixxu l-investiment jew jieqfu jipprovdu prodotti u servizzi.

Fl-istess ħin, żiediet rapidi fl-estrazzjoni u fl-esplojtazzjoni ta’ riżorsi naturali għandhom firxa wiesgħa ta’ impatti ambjentali negattivi fl-Ewropa u lil hinn minnha. It-tniġġis ta’ l-arja, ta’ l-ilma u tal-ħamrija, l-aċidifikazzjoni ta’ l-ekosistemi, it-telfien tal-bijodiversità, it-tibdil fil-klima u l-ġenerazzjoni ta’ l-iskart jitfgħu l-benesseri ekonomiċi u soċjali immedjati, fuq żmien medju u twil f’riskju.

Iż-żieda fl-effiċjenza tar-riżorsi hija essenzjali biex jiġi sostnut il-progress soċjoekonomiku f’dinja ta’ riżorsi u kapaċità ta’ l-ekosistemi limitati, iżda mhijiex biżżejjed. Wara kollox, żieda fl-effiċjenza hija biss indikazzjoni li l-produzzjoni qed tikber iktar mill-użu tar-riżorsi u mill-emissjonijiet. Ma tiggarantixxix tnaqqis assolut fil-pressjonijiet ambjentali għal livelli li huma sostenibbli fl-Ewropa u globalment fuq żmien twil.

Fil-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tas-sistemi Ewropej tal-produzzjoni u tal-konsum, huwa għalhekk neċessarju li nimxu lil hinn milli nkejlu jekk il-produzzjoni hijiex tiżdied b’rata aktar mgħaġġla mill-użu tar-riżorsi u l-pressjonijiet relatati (‘diżakkoppjament relattiv’). Pjuttost, hemm bżonn li jiġi vvalutat jekk hemmx evidenza ta’ ‘diżakkoppjament assolut’, fejn il-produzzjoni tiżdied waqt li l-użu tar-riżorsi jonqos.

Minbarra milli tiġi vvalutata r-relazzjoni ta’ l-użu tar-riżorsi mal-produzzjoni ekonomika, huwa importanti wkoll li ssir evalwazzjoni dwar jekk l-impatti ambjentali li jirriżultaw mill-użu tar-riżorsi tas-soċjetà humiex qed jonqsu (‘diżakkoppjament ta’ l-impatt’).

Politiki tal-UE dwar is-suġġett

Is-7 EAP jidentifika t-titjib tal-effiċjenza tar-riżorsi bħala wieħed mit-tliet objettivi ewlenin tiegħu biex tintlaħaq il-viżjoni ta’ l-2050 ta’ ‘għajxien tajjeb fil-limiti tal-pjaneta’:

  • li jiġi protett, ikkonservat u msaħħaħ il-kapital naturali ta’ l-Unjoni;
  • li l-Unjoni tinbidel f’ekonomija effiċjenti fir-riżorsi, ekoloġika, u kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju:
  • li jiġu salvagwardjati ċ-ċittadini ta’ l-Unjoni minn pressjonijiet relatati ma’ l-ambjent u minn riskji għas-saħħa u l-benesseri.

 

Dawn l-objettivi huma tabilħaqq marbuta mill-qrib u soġġetti għal oqfsa tal-politika differenti iżda relatati, bħall-Pjan Direzzjonali għal Ewropa Effiċjenti fir-Riżorsi u l-Pjan Direzzjonali li jwassal għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju.

Ragruppament ta’ politiki ieħor għandu l-għan li jiċċaqlaq lil hinn mill-mudell ta’ tkabbir lineari ‘take-make-consume-dispose’ (ħu-għamel-ikkonsma- armi), lejn mudell ċirkolari li jiddependi miż-żamma ta’ l-utilità tal-prodotti, tal-komponenti u tal-materjali u tal-valur tagħhom fl-ekonomija. Kif innotat fil-Pjan ta’ Azzjoni ta’ l-UE għall-Ekonomija Ċirkolari, dan ser jirrikjedi bidliet tul il-katini ta’ provvista, inklużi d-disinn tal-prodott, mudelli kummerċjali, għażliet dwar il-konsum, u l-prevenzjoni u l-immaniġġjar ta’ l-iskart. Il-leġiżlazzjoni ta’ l-UE dwar l-Iskart hija waħda mill-motivaturi ta’ politika ewlenin tagħha.

Attivitajiet tal-EEA

L-EEA tanalizza l-fluss ta’ materjali u l-istatistika ta’ l-iskart, u tipproduċi indikaturi u valutazzjonijiet relatati. Il-progress tal-politika huwa analizzat fi tliet serje ta’ rapportar paralleli dwar l-immaniġġjar ta’ l-iskart, il-prevenzjoni ta’ l-iskart u l-effiċjenza fir-riżorsi. F’rapporti ta’ l-ekonomija ċirkolari annwali u f’kontributi għal valutazzjonijiet integrati, bħall-Ambjent Ewropew ta’ l-EEA – Qagħda u Perspettiva 2020 (SOER2020) hija pprovduta perspettiva ġenerali.

Analiżijiet xierqa ta’ aspetti magħżula tal-politika ta’ l-effiċjenza tar-riżorsi, bħal kunċetti ta’ monitoraġġ, miri ambjentali, strumenti bbażati fuq is-suq u strateġiji ta’ intervent oħra huma prodotti fuq bażi regolari.

L-interazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u l-bini ta’ kapaċità relatati ma’ dawn il-valutazzjonijiet huma element importanti tax-xogħol, b’laqgħat regolari ta’ l-EIONET u sessjonijiet ta’ ħidma maċ-ċentri ta’ referenza nazzjonali dwar l-iskart u dwar l-ekonomija effiċjenti fir-riżorsi u l-ambjent.

Ħarsa 'l Quddiem

Il-ħidma attwali hija primarjament immirata lejn it-titjib tal-bażi ta’ evidenza dwar l-effiċjenza tar-riżorsi, l-ekonomija ċirkolari u l-iskart. Huma previsti kontributi għas-SOER2020, b’enfasi fuq l-informazzjoni tematika (l-iskart u l-użu tar-riżorsi) kif ukoll analiżi sistematika tat-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari.

Permalinks

Geographic coverage

Temporal coverage

Dokument ta’ Azzjonijiet