All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Press Release
Qegħdin ngħixu lill hinn mill-mezzi tagħna f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-ilma. Is-soluzzjoni fuq perjodu ta’ żmien qasir għall-iskarsezza ta’ l-ilma kienet dik li niġbdu saħansitra ammonti akbar ta’ ilma mis-sorsi tal-wiċċ u tal-pjan. L-isfruttament eċċessiv mhuwiex sostenibbli. Dan għandu impatt kbir fuq il-kwalità u l-kwantità ta’ l-ilma li fadal kif ukoll fuq l-ekosistemi li jiddependu minnu. Irridu nnaqqsu d-domanda, innaqqsu l-ammont ta’ ilma li qegħdin niġbdu u nżidu l-effiċjenza tal-użu tiegħu.
Professoressa Jacqueline McGlade, Direttur Eżekuttiv tal-EEA
Ir-rapport tal-EEA ‘Riżorsi ta’ l-Ilma fl-Ewropa – nikkonfrontaw l-iskarsezza ta’ l-ilma u n-nixfa’ jenfasizza li filwaqt li l-Ewropa tan-Nofsinhar qiegħda tkompli tiffaċċja l-akbar problemi ta’ skarsezza ta’ ilma, il-problema ta’ l-ilma qiegħda tiżdied f’partijiet tat-Tramuntana wkoll. Barra minn hekk, it-tibdil tal-klima se jikkawża ż-żieda tal-gravità u l-frekwenza tan-nixfiet fil-ġejjieni u dan ikompli jaggrava l-problema ta’ l-ilma, b’mod speċjali fix-xhur tas-sajf.
“Qegħdin ngħixu lill hinn mill-mezzi tagħna f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-ilma. Is-soluzzjoni fuq perjodu ta’ żmien qasir għall-iskarsezza ta’ l-ilma kienet dik li niġbdu saħansitra ammonti akbar ta’ ilma mis-sorsi tal-wiċċ u tal-pjan. L-isfruttament eċċessiv mhuwiex sostenibbli. Dan għandu impatt kbir fuq il-kwalità u l-kwantità ta’ l-ilma li fadal kif ukoll fuq l-ekosistemi li jiddependu minnu,” qalet il-professoressa Jacqueline McGlade, Direttur Eżekuttiv tal-EEA. “Irridu nnaqqsu d-domanda, innaqqsu l-ammont ta’ ilma li qegħdin niġbdu u nżidu l-effiċjenza tal-użu tiegħu.”
Jekk nixtiequ li l-attenzjoni fuq livell ta’ mmaniġġjar tgħddi miż-żieda tal-offerta għat-tnaqqis tad-domanda jeħtieġ l-involviment ta’ bosta politiki u prassi differenti:
fis-setturi kollha, fosthom l-agrikoltura, il-prezz ta’ l-ilma għandu jiġi ffissat skont il-volum użat;
il-gvernijiet għandhom jimplimentaw pjanijiet ta’ mmaniġġjar tan-nixfa b’mod aktar estensiv u għandhom jiffukaw fuq il-ġestjoni tar-riskji aktar milli fuq il-ġestjoni tal-kriżi;
l-għelejjel bijoenerġetiċi li jeħtieġu ħafna ilma għandhom jiġu evitati f’żoni karatterizzati minn skarsezza ta’ ilma;
permezz ta’ taħlita ta’ selezzjoni ta’ għelejjel u metodi ta’ tisqija, jekk dawn ikunu appoġġjati minn programmi ta’ konsulenza għall-bdiewa, jistgħu jtejbu b’mod sostanzjali l-effiċjenza tal-ilma għall-agrikoltura; il-fondi nazzjonali u Komunitarji inkluża l-Politika Agrikola Komuni tal-Unjoni Ewropea jista’ jkollhom rwol importanti fil-promozzjoni tal-użu effiċjenti u sostenibbli tal-ilma fl-agrikoltura;
il-miżuri ta’ sensibilizazzjoni tal-opinjoni pubblika, bħall-ekotikkettar, l-ekoċertifikazzjoni, il-programmi edukattivi fl-iskejjel, huma essenzjali biex isir użu sostenibbli ta’ l-ilma;
għandu jiġi indirizzat il-ħruġ ta’ ilma fis-sistemi ta’ provvista tal-ilma pubblika. F’xi partijiet fl-Ewropa, it-telf ta’ ilma minħabba ħruġ jista’ jaqbeż l-40 % tal-provvista totali;
l-estrazzjoni llegali ta’ l-ilma, l-aktar għall-użu agrikolu, hija mifruxa sew f’ċerti żoni tal-Ewropa. Għandha tiġi stabbilita kemm sistema ta’ sorveljanza xierqa kif ukoll sistema ta’ multi u penali biex jindirizzaw din il-kwistjoni;
l-awtoritajiet għandhom joħolqu inċentivi għal użu akbar ta’ provvisti ta’ ilma alternattivi, bħalma huma ilma għar-rimi trattat, ilma griż kif ukoll ilma tax-xita ‘miġbur’, biex jgħinu sabiex tonqos il-problema tan-nuqqas ta’ ilma.
Fl-Ewropa kollha, 44 % tal-estrazzjoni tintuża għall-produzzjoni tal-enerġija, 24 % għall-agrikoltura, 21 % għall-provvista tal-ilma pubblika u 11 % għall-industrija. Madankollu, dawn iċ-ċifri jaħbu differenzi sinifikanti fl-użu settorjali tal-ilma fil-kontinent. Fl-Ewropa tan-Nofsinhar, pereżempju, l-agrikoltura tirrappreżenta 60 % tal-ilma kollu estratt u f’ċerti żoni tilħaq sa 80 %.
Madwar l-Ewropa, l-ilmijiet tal-wiċċ, bħalma huma l-lagi u x-xmajjar, jipprovdu 81 % tal-ilma ħelu kollu miġbud u huma s-sors predominanti ta’ ilma għall-industrija, l-enerġija u l-agrikoltura. B’kuntrast għal dan, il-provvista tal-ilma pubblika tiddependi l-aktar fuq l-ilma tal-pjan minħabba li l-kwalità tiegħu hija ġeneralment ogħla. Kważi l-ilma kollu użat fil-produzzjoni tal-enerġija jerġa’ lura għal xi massa ta’ ilma, iżda dan mhux il-każ għall-parti l-kbira tal-ilma estratt għall-agrikoltura.
Id-desalinizazzjoni saret alternattiva għas-sorsi konvenzjonali ta’ l-ilma li qed tkompli tikber, b’mod partikolari fir-reġjuni tal-Ewropa li għandhom skarsezza ta’ ilma. Madankollu, fil-valutazzjoni tal-impatt globali fuq l-ambjent tad-desalinizazzjoni jeħtieġ li jitqies il-bżonn enerġetiku għoli u l-ilma mielaħ li jirriżulta minnha.
Ir-rapport huwa disponibbli mill-indirizz http://www.eea.europa.eu/publications/water-resources-across-europe
Ir-rapport se jiġi ppreżentat lill-istampa waqt il-ħames Forum Dinji dwar l-Ilma li se jittella’ f’Istanbul, it-Turkija: http://worldwaterforum5.org/
Dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA)
Is-sede tal-EEA hija f’Kopenħagen. L-Aġenzija tgħin fil-kisba ta’ titjib sinifikanti u li jista’ jitkejjel fl-ambjent Ewropew billi tipprovdi tagħrif f’waqtu, immirat, rilevanti u affidabbli lil dawk li jfasslu l-politika u lill-pubbliku.
Għal talbiet ta’ informazzjoni mill-midja:
Is-Sa Gülçin Karadeniz,
Uffiċjal għall-Istampa
gulcin.karadeniz at eea.europa.eu
Tel. ċell. +45 23 68 36 53
For references, please go to https://eea.europa.eu./mt/pressroom/newsreleases/nixfa-u-abbuz-ta2019-l-ilma-fl-ewropa or scan the QR code.
PDF generated on 23 Dec 2024, 03:01 AM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn