All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
News
Il-prevenzjoni tal-iskart hija parti ewlenija mill-istrateġija tal-Ewropa fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u newtrali għall-klima. Il-ġenerazzjoni tal-iskart fl-Ewropa kollha żdiedet b’5.2 % bejn l-2014 u l-2018, filwaqt li l-PDG żdied b’14.8 % fl-UE skont ir-rapport tal-EEA “Progress lejn il-prevenzjoni tal-iskart fl-Ewropa — il-każ tal-prevenzjoni tal-iskart mit-tessuti.” L-istess xejriet tad-data juru wkoll li l-adozzjoni tal-ewwel programmi għall-prevenzjoni tal-iskart mill-pajjiżi, applikabbli fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE mill-2013 jew qabel, ma kinitx biżżejjed biex jitnaqqas l-ammont ta’ skart iġġenerat.
L-analiżi turi li l-ġenerazzjoni tal-iskart għadha tiddependi ħafna mill-iżviluppi fl-ekonomija, iżda, b’mod ġenerali, l-UE kienet kapaċi tikseb tkabbir fil-ġenerazzjoni tal-iskart b’mod inqas mit-tkabbir ekonomiku, jew ’l hekk imsejjaħ diżakkoppjament relattiv. Madankollu, jeħtieġ li jsir aktar biex jiġi żgurat li l-iskart jonqos f’termini reali f’ekonomija li qed tikber. L-adozzjoni ta’ miri konkreti — xprunatur b’saħħtu tat-tfassil tal-politika — tgħin fil-konsolidazzjoni tal-politika ta’ prevenzjoni fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali.
L-analiżi tal-EEA eżaminat il-programmi nazzjonali għall-prevenzjoni tal-iskart u speċifikament il-flussi tal-iskart fil-fokus, indikaturi, miri, u miżuri għall-prevenzjoni tal-iskart. Ir-rieżami żvela li, minn din is-sena, 10 mit-32 pajjiż eżaminati ma għandhomx fis-seħħ programm għall-prevenzjoni tal-iskart, kif meħtieġ mil-leġiżlazzjoni tal-UE.
L-iskart tat-tessuti jibbenefika ħafna minn miżuri mtejba għall-prevenzjoni tal-iskart, peress li dan huwa fluss ta’ skart li qed jikber malajr u li jħalli impatt ambjentali assoċjat ma’ xejriet ta’ konsum mhux sostenibbli. L-Ewropew medju jiġġenera madwar 11-il kg ta’ skart tat-tessuti fis-sena.
Il-prevenzjoni tal-iskart tat-tessuti għandha potenzjal kbir, prinċipalment permezz tat-tnaqqis tal-konsum tat-tessuti, tal-ekodisinn u fl-aħħar mill-aħħar tal-użu mill-ġdid. Sabiex dan jiġi ffaċilitat, għandha ssir enfasi fuq id-disinn tal-prodott għall-promozzjoni ta’ materjali li jservu u dejjiema, filwaqt li għandu jingħata appoġġ għat-tiswija (eż. bl-użu ta’ tnaqqis fit-taxxa) u l-użu mill-ġdid (eż. permezz ta’ regolamenti).
Briefing separat tal-EEA “Ir-rabta tal-vjeġġi transfruntiera tal-iskart fl-UE mal-ekonomija ċirkolari”, ippubblikat dan l-aħħar ukoll, iħares lejn is-sitwazzjoni attwali tal-kummerċ ta’ skart riċiklabbli u mhux perikoluż fl-UE. Il-briefing, minbarra l-appoġġ għar-rieżami kontinwu mill-Kummissjoni Ewropea tar-Regolament tal-UE dwar it-Trasportazzjoni tal-Iskart, joffri informazzjoni intuwittiva dwar il-kummerċ riċiklabbli fl-UE kif ukoll soluzzjonijiet potenzjali li jgħinu biex jiġi żgurat li l-iskart jiġi ttrattat bl-aħjar mod possibbli f’konformità mal-prinċipji tal-ġerarkija tal-iskart.
Aktar minn 90 % tal-iskart iġġenerat fl-UE jiġi ttrattat fil-pajjiż li fih ġie ġġenerat, filwaqt li jiġi rrispettat il-“prinċipju ta’ prossimità” tal-UE li huwa l-bażi tal-liġi tal-UE dwar l-iskart. Madankollu, in-negozjar transfruntier ta’ skart riċiklabbli u mhux perikoluż joffri opportunitajiet biex jinstabu l-għażliet ta’ trattament ambjentalment ottimali, li jippermettu li tiġi prodotta materja prima sekondarja ta’ kwalità tajba u li jiġu rrispettati l-prinċipji ta’ ekonomija ċirkolari.
For references, please go to https://eea.europa.eu./mt/highlights/opportunitajiet-cari-ghad-dizakkoppjament-tal or scan the QR code.
PDF generated on 22 Nov 2024, 08:41 PM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn