li jmiss
preċedenti
punti

News

Il-livelli tat-tniġġis tal-arja fl-Ewropa kollha għadhom mhumiex fuq livell sikur, speċjalment għat-tfal

Biddel il-lingwa
News Ippubblikat 14 Sep 2023 Mibdul l-aħħar 14 Sep 2023
5 min read
Skont il-valutazzjonijiet tal-kwalità tal-arja tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) li ġew ippubblikati llum, jinħtieġ li jsir aktar biex tiġi protetta s-saħħa tat-tfal u tal-adolexxenti mill-impatti negattivi tat-tniġġis tal-arja. It-tniġġis tal-arja jikkawża aktar minn 1,200 mewta prematura fis-sena f’persuni taħt l-età ta’ 18-il sena fl-Ewropa u jżid b’mod sinifikanti r-riskju ta’ mard fi stadju aktar tard fil-ħajja. Minkejja t-titjib li sar f’dawn l-aħħar snin, il-livell ta’ sustanzi niġġiesa tal-arja ewlenin f’ħafna pajjiżi Ewropej baqa’ persistentement ogħla mil-linji gwida bbażati fuq is-saħħa tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, speċjalment fil-Lvant Ċentrali tal-Ewropa u fl-Italja.

Il-livelli tat-tniġġis tal-arja fl-Ewropa kollha għadhom mhux fuq livell sikur u l-politiki Ewropej dwar il-kwalità tal-arja għandhom jimmiraw li jipproteġu liċ-ċittadini kollha, iżda speċjalment lit-tfal tagħna, li huma l-aktar vulnerabbli għall-impatti tat-tniġġis tal-arja fuq is-saħħa. Li nkomplu nżidu l-miżuri fil-livell tal-UE, nazzjonali u lokali biex nipproteġu lit-tfal tagħna, li ma jistgħux jipproteġu lilhom infushom hija kwistjoni urġenti. L-aktar mod żgur biex it-tniġġis tal-arja jinżamm fuq livell sikur huwa billi nagħmlu l-arja li aħna kollha nieħdu aktar nadifa.

Hans Bruyninckx, Direttur Eżekuttiv tal-EEA

Filwaqt li l-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa tal-arja ewlenin naqsu matul dawn l-aħħar deċennji, il-livelli tat-tniġġis tal-arja fl-Ewropa għadhom mhumiex fuq livell sikur. It-tfal u l-adolexxenti huma partikolarment vulnerabbli għat-tniġġis tal-arja minħabba li l-ġisem, l-organi u s-sistema immunitarja tagħhom ikunu għadhom qed jiżviluppaw. Skont il-briefing tal-EEA “Air pollution and children’s health” (It-tniġġis tal-arja u s-saħħa tat-tfal), it-tniġġis tal-arja jagħmel ħsara lis-saħħa matul it-tfulija u jżid ir-riskju ta’ mard fi stadju aktar tard fil-ħajja.


Huwa stmat li t-tniġġis tal-arja jikkawża aktar minn 1,200 mewta prematura kull sena fost dawk taħt l-età ta’ 18-il sena fit-32 pajjiż membru tal-EEA. Għalkemm l-għadd ta’ mwiet prematuri f’dan il-grupp ta’ età huwa baxx meta mqabbel mat-total għall-popolazzjoni Ewropea stmat mill-EEA kull sena, l-imwiet fi stadju bikri fil-ħajja jirrappreżentaw telf ta’ potenzjal futur u jġibu magħhom piż sinifikanti ta’ mard kroniku, kemm fit-tfulija kif ukoll fi stadju aktar tard fil-ħajja.

Il-funzjoni tal-pulmun u l-iżvilupp tal-pulmun tat-tfal jiġu affettwati mit-tniġġis tal-arja, speċjalment mill-ożonu u d-diossidu tan-nitroġenu (NO2) fuq terminu qasir, u minn partikoli fini (PM2.5) fuq terminu twil. L-esponiment matern għat-tniġġis tal-arja waqt it-tqala huwa marbut ma’ piż baxx mat-twelid u riskju ta’ twelid prematur. Wara t-twelid, it-tniġġis tal-arja ambjentali jżid ir-riskju ta’ bosta problemi tas-saħħa, inkluż ażma, tnaqqis fil-funzjoni tal-pulmun, infezzjonijiet respiratorji u allerġiji. Dan jista’ jaggrava wkoll il-kundizzjonijiet kroniċi bħall-ażma, li tolqot 9 % tat-tfal u l-adolexxenti fl-Ewropa, kif ukoll iżid ir-riskju ta’ xi mard kroniku fi stadju aktar tard fil-ħajja adulta.

Sakemm it-tniġġis tal-arja jitnaqqas għal livelli sikuri b’mod kumplessiv, it-titjib tal-kwalità tal-arja f’ambjenti bħal skejjel u kindergartens u matul attivitajiet bħall-ivvjaġġar marbut mal-iskejjel u l-isport, jista’ jgħin biex jitnaqqas l-esponiment tat-tfal.


Aġġornament ta’ monitoraġġ tal-EEA tal-2022: il-livelli ta’ tniġġis tal-arja jibqgħu persistentement għoljin

Fl-2021, ’il fuq minn 90% tal-popolazzjoni urbana tal-UE ġew esposti għal livelli ta’ ħsara tad-diossidu tan-nitroġenu, tal-ożonu u ta’ materja partikolata fina (PM2.5).

Il-PM2.5 hija waħda mis-sustanzi niġġiesa li l-aktar jagħmlu ħsara lis-saħħa tal-bniedem, b’esponiment għall-PM2.5 li hija kawża ewlenija ta’ puplesija, kanċer u marda respiratorja. Fl-2021, 97% tal-popolazzjoni urbana kienu esposti għal konċentrazzjonijiet ta’ PM2.5 ogħla mil-linja gwida annwali tad-WHO tal-2021 ta’ 5 µg (mikrogrammi) /m3.

Skont datapreliminari mill-2022, l-Ewropa tal-Lvant Ċentrali u l-Italja rrappurtaw l-ogħla konċentrazzjonijiet kemm tal-PM2.5 minħabba primarjament il-ħruq ta’ fjuwils solidi bħall-faħam għat-tisħin domestiku kif ukoll l-użu tagħhom fl-industrija.

Il-briefingtal-EEA “Europe’s Air Quality status 2023” (L-istatus tal-Kwalità tal-Arja fl-Ewropa 2023) jippreżenta l-istatus tal-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi niġġiesa tal-arja fl-2021 u fl-2022 għal sustanzi niġġiesa regolati, fir-rigward kemm tal-istandards tal-kwalità tal-arja tal-UE kif ukoll tal-livelli tal-linji gwida tad-WHO tal-2021.


Kemm hi nadifa l-belt tiegħek? Il-bliet Portugiżi u Żvediżi jiksbu l-ogħla punteġġ f’dak li jirrigwarda arja nadifa

Skont il-viżwal aġġornat tad-datatal-EEA dwar il-kwalità tal-arja tal-bliet, Faro fil-Portugall, u l-bliet Żvediżi ta’ Umeå u Uppsala ġew ikklassifikati bħala l-bliet Ewropej l-aktar nodfa u kellhom il-livelli medji l-aktar baxxi ta’ materja partikolata fina, jew PM2.5, matul l-aħħar sentejn kalendarji. Il-bliet jiġu kklassifikati mill-belt l-aktar nadifa għal dik l-aktar imniġġsa, abbażi ta’ livelli medji fuq terminu twil ta’ materja partikolata fina.


 

Sfond

Skont il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet il-mira tal-2030 li jitnaqqsu l-għadd ta’ mwiet prematuri kkawżati mill-PM2.5 (sustanza niġġiesa tal-arja ewlenija) b’mill-inqas 55% meta mqabbla mal-livelli tal-2005. Fir-rigward ta’ dan, fl-2022 il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat proposta biex jiġu rrieżaminati d-direttivi dwar il-kwalità tal-arja ambjentali, li għandhom l-għan, fost affarijiet oħra, li jallinjaw l-istandards tal-kwalità tal-arja aktar mill-qrib mar-rakkomandazzjonijiet tad-WHO.

Il-valutazzjonijiet tal-kwalità tal-arja tal-EEA jenfasizzaw is-sustanzi niġġiesa meqjusa li huma l-aktar ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem jew li b’mod l-aktar frekwenti jaqbżu l-istandards tal-kwalità tal-arja tal-UE u l-livelli ta’ linji gwida tad-WHO. Il-konċentrazzjonijiet jinkisbu minn kejl imwettaq f’aktar minn 4,500 stazzjon ta’ monitoraġġ fl-Ewropa kollha, li jiġi rrappurtat b’mod uffiċjali lill-EEA mill-pajjiżi membri tagħha u minn pajjiżi oħra kollaborattivi.

Permalinks

Geographic coverage

Temporal coverage

Tags

Dokument ta’ Azzjonijiet