All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
News
Is-servizz online l-ġdid tal-EEA u tal-Kummissjoni Ewropea, l-Indiċi Ewropew tal-Kwalità tal-Arja, jipprovdi informazzjoni dwar is-sitwazzjoni attwali tal-kwalità tal-arja fuq bażi ta' kejl meħud minn iktar minn 2,000 stazzjon ta' monitoraġġ tal-kwalità tal-arja fl-Ewropa.
L-Indiċi jikkonsisti f'mappa interattiva li turi s-sitwazzjoni tal-kwalità tal-arja lokali fil-livell tal-istazzjon, fuq bażi ta' ħames sustanzi ewlenin li jniġġsu li jikkawżaw dannu lis-saħħa tan-nies u lill-ambjent: materja partikolata (PM2.5 u PM10), ożonu troposferiku (O3), diossidu tan-nitroġenu (NO2) u diossidu tal-kubrit (SO2).
L-utenti jistgħu jiżżumjaw jew ifittxu kwalunkwe belt jew reġjun fl-Ewropa sabiex jiċċekkjaw il-kwalità ġenerali tal-arja u l-kejl għal kull sustanza li tniġġes. L-Indiċi juri klassifikazzjoni ġenerali għal kull stazzjon ta' monitoraġġ, immarkata b'tikka kkulurita fuq il-mappa, li tikkorrispondi għall-agħar klassifikazzjoni għal kwalunkwe wieħed mill-ħames sustanzi li jniġġsu.
“L-Indiċi Ewropew il-ġdid tal-Kwalità tal-Arja jipprovdi mod faċli liċ-ċittadini sabiex jaċċessaw informazzjoni dwar il-kwalità tal-arja lokali tagħhom, li jista' jkollha impatt dirett fuq is-saħħa tagħhom. Din l-informazzjoni, aċċessibbli għal kulħadd, hija bażi importanti għal djalogu u deċiżjonijiet li huma meħtieġa għas-salvagwardja tas-saħħa tan-nies, speċjalment fl-ibliet", qal Hans Bruyninckx, Direttur Eżekuttiv tal-EEA, li ppreżenta l-indiċi llum fil- Forum dwar l-Arja Nadifa, organizzat mill-Kummissjoni Ewropea, f'Pariġi.
Karmenu Vella, il-Kummissarju tal-UE għall-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, laqa' wkoll l-Indiċi, u qal: “It-tniġġis tal-arja huwa qattiel li ma jidhirx, għalhekk l-Indiċi tal-Kwalità tal-Arja huwa meħtieġ sabiex jinforma liċ-ċittadini Ewropej dwar l-istat tal-arja li jinġestu fil-viċinat tagħhom. Aħna qiegħdin naħdmu ma' bliet, reġjuni, pajjiżi u l-industrija sabiex nindirizzaw is-sorsi ta' dak it-tniġġis, li hija taħlita li ġejja minn fabbriki, djar u għelieqi, mhux biss mit-trasport. Hemm bżonn li naħdmu lkoll flimkien sabiex intejbu l-kwalità tal-arja."
L-EEA ppubblikat ukoll skedi informattivi aġġornati tal-pajjiżi li jipprovdu sommarju annwali tat-tniġġis tal-arja u tal-impatti tiegħu fil-pajjiżi membri tal-EEA. Filwaqt li jipprovdu informazzjoni iktar dettaljata u fil-livell tal-pajjiż kemm dwar l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu l-arja kif ukoll dwar il-kwalità tal-arja, l-iskedi informattivi jikkumplimentaw ir-rapport annwali tal-EEA 'Il-Kwalità tal-Arja fl-Ewropa – 2017’, ippubblikat f'Ottubru.
L-aħħar rapport annwali dwar il-kwalità tal-arja tal-EEA juri li l-biċċa l-kbira tal-persuni li jgħixu fil-bliet Ewropej għadhom esposti għal livelli ta' tniġġis tal-arja li huma meqjusa dannużi mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. Is-sustanza l-iktar dannuża li tniġġes, il-materja partikolata fina (PM2.5), ikkawżat il-mewt prematura ta' madwar 400 000 Ewropew fl-2014. Skont ir-rapport, it-tniġġis tal-arja għandu wkoll impatti ekonomiċi sinifikanti, fejn jiżdiedu l-ispejjeż mediċi, titnaqqas il-produttività tal-ħaddiema u ssir ħsara lill-ħamrija, l-għelejjel, il-foresti, il-lagi u x-xmajjar. It-trasport bit-triq, l-agrikoltura, l-impjanti tal-enerġija, l-industrija u l-unitajiet domestiċi huma l-ikbar emittenti ta' sustanzi li jniġġsu fl-arja fl-Ewropa.
L-Indiċi Ewropew tal-Kwalità tal-Arja jindika s-sitwazzjoni tal-kwalità tal-arja fuq żmien qasir f'kull wieħed minn iktar minn 2 000 stazzjon ta' monitoraġġ madwar l-Ewropa. Il-leġislazzjoni tal-Unjoni Ewropea tistabbilixxi standards tal-kwalità tal-arja kemm fuq żmien qasir (fis-siegħa/kuljum) kif ukoll fit-tul (annwali). L-Indiċi għalhekk ma jirriflettix is-sitwazzjoni tal-kwalità tal-arja fit-tul (annwali), li tista' tvarja b'mod sinifikanti.
For references, please go to https://eea.europa.eu./mt/highlights/european-air-quality-index-current or scan the QR code.
PDF generated on 22 Nov 2024, 08:22 PM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn