All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
News
It-traffiku fit-toroq huwa l-akbar sors ta’ tniġġis akustiku fl-Ewropa, ir-rapport il-ġdid tal-EEA “Storbju fl-Ewropa – 2020” (LINK) jgħid li l-livelli ta’ storbju mistennija jiżdiedu kemm fiż-żoni urbani kif ukoll f’dawk rurali matul id-deċennju li jmiss minħabba t-tkabbir urban u d-domanda akbar għall-mobbiltà. Il-ferroviji, l-inġenji tal-ajru u l-industrija huma l-akbar sorsi oħrajn ta’ tniġġis akustiku ambjentali.
Ir-rapport jipprovdi aġġornament tax-xejriet tat-tniġġis akustiku matul il-perjodu ta’ bejn l-2012 u l-2017. Dan jipprovdi wkoll prospett ta’ projezzjonijiet futuri dwar l-istorbju kif ukoll l-impatti assoċjati fuq is-saħħa fl-Ewropa, abbażi ta’ linji gwida ġodda tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) dwar l-effetti fuq is-saħħa tal-esponiment għall-istorbju. Filwaqt li jibni fuq il-valutazzjoni preċedenti tal-EEA dwar l-istorbju fl-Ewropa mill-2014, ir-rapport iħares ukoll lejn l-azzjonijiet li qed jittieħdu għall-immaniġġjar u għat-tnaqqis tal-esponiment għall-istorbju u janalizza l-progress li sar biex jintlaħqu l-objettivi tal-UE dwar it-tniġġis akustiku stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-UE, inklużi d-Direttiva dwar il-Ħsejjes Ambjentali u s-7 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali (EAP) tal-UE.
L-esponiment fit-tul għall-istorbju għandu impatti sinifikanti fuq is-saħħa. Abbażi tal-informazzjoni ġdida tad-WHO, l-EEA tistma li dan l-esponiment jikkawża 12 000 mewta prematura u jikkontribwixxi għal 48 000 każ ġdid ta’ mard tal-qalb iskemiku (ikkawżat mit-traqqiq tal-arterji tal-qalb) kull sena madwar l-Ewropa. Huwa stmat ukoll li 22 miljun ruħ ibatu minn fastidju kbir kroniku u li 6.5 miljun ruħ ibatu minn disturbi kbar kroniċi tal-irqad. Skont l-evidenza tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, dawn l-impatti fuq is-saħħa jibdew taħt il-limiti ta’ rapportar stabbiliti mid-Direttiva tal-UE dwar il-Ħsejjes u għalhekk x’aktarx li jiġu ssottovalutati. Barra minn hekk, l-informazzjoni pprovduta mill-pajjiżi skont id-direttiva tal-UE ma tkoprix iż-żoni urbani, it-toroq, il-linji ferrovjarji u l-ajruporti kollha.
Minbarra li jaffettwa lill-bnedmin, it-tniġġis akustiku huwa wkoll theddida dejjem tikber għall-organiżmi selvaġġi kemm fuq l-art kif ukoll fl-ilma. L-istorbju jista’ jnaqqas is-suċċess riproduttiv u jżid il-mortalità u l-ħrib tal-annimali lejn żoni aktar trankwilli.
Filwaqt li sar xi progress mill-Istati Membri tal-UE fl-immappjar u fir-rapportar ta’ aktar żoni ta’ storbju għoli madwar l-Ewropa, l-objettivi ġenerali tal-politika dwar l-istorbju ambjentali għadhom ma ntlaħqux. B’mod partikolari, l-objettiv stabbilit għall-2020 mis-7 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali li jitnaqqas it-tniġġis akustiku u li nersqu lejn il-livelli rakkomandati mid-WHO għall-esponiment għall-istorbju mhux se jintlaħaq. Huwa mbassar li t-tniġġis akustiku se jiżdied minħabba tkabbir urban futur u żieda fid-domanda għall-mobbiltà.
Aktar minn 30 % tad-datameħtieġa skont id-direttiva tal-UE għadha mhix disponibbli wara l-iskadenza tar-rappurtar stabbilita legalment fl-2017. Dewmien sinifikanti jissuġġerixxi li jista’ jkun li l-pajjiżi ma ħadux il-passi meħtieġa biex jindirizzaw it-tniġġis akustiku. Ir-rapport iżid li hija meħtieġa wkoll implimentazzjoni aħjar — punt li jsaħħaħ il-konklużjonijiet ta’ valutazzjoni separata riċenti tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva.
Il-pajjiżi diġà qed jieħdu varjetà ta’ azzjonijiet biex inaqqsu u jimmaniġġjaw il-livelli ta’ storbju, madanakollu, ir-rapport tal-EEA jgħid li jibqa’ diffiċli li wieħed jevalwa l-benefiċċji tagħhom f’termini ta’ riżultati pożittivi tas-saħħa. Eżempji tal-aktar miżuri popolari biex jitnaqqsu l-livelli ta’ storbju fl-ibliet jinkludu l-bdil ta’ toroq iċċangjati antiki b’asfalt aktar lixx, immaniġġjar aħjar tal-flussi tat-traffiku u t-tnaqqis tal-limiti tal-veloċità għal 30 kilometru fis-siegħa. Hemm ukoll miżuri mmirati biex iqajmu kuxjenza u jibdlu l-imġiba tan-nies fl-użu ta’ mezzi ta’ trasport li jagħmlu anqas storbju, bħalma huma ċ-ċikliżmu, il-mixi u l-vetturi elettriċi.
Għadd sinifikanti ta’ pajjiżi, bliet u reġjuni stabbilixxew ukoll hekk imsejħa żoni trankwilli, li ħafna minnhom huma parks u spazji ħodor oħrajn, fejn in-nies jistgħu jmorru biex jevitaw l-istorbju tal-ibliet. Ir-rapport jgħid li jeħtieġ li jsir sforz akbar biex jinħolqu u jiġu protetti żoni trankwilli barra mill-belt u biex tittejjeb l-aċċessibilità ta’ dawn iż-żoni fl-ibliet.
L-esponiment tan-nies għall-istorbju huwa mmonitorjat skont id-Direttiva dwar il-Ħsejjes Ambjentali (END) ma’ żewġ limiti ta’ rapportar; indikatur għall-perjodi ta’ matul il-jum, filgħaxija u billejl (Lden) li jkejjel l-esponiment għal-livelli ta’ storbju assoċjati ma’ “fastidju” u indikatur għall-perjodi ta’ billejl (Lnight) li huwa mfassal biex jivvaluta d-disturbi fl-irqad. Dawn il-limiti ta’ rappurtar huma ogħla mill-valuri rakkomandati mid-WHO u bħalissa, ma hemm l-ebda mekkaniżmu biex jiġi segwit il-progress kontra l-valuri l-baxxi tal-aħħar.
Aktar informazzjoni dwar id-Direttiva dwar il-Ħsejjes Ambjentali:
https://ec.europa.eu/environment/archives/noise/directive.htm
Data ta’ aċċess permezz tas-Servizz ta’ Informazzjoni u ta’ Osservazzjoni dwar l-Istorbju għall-Ewropa:
http://noise.eea.europa.eu/
Skedi informattivi tal-pajjiżi dwar l-istorbju:
https://www.eea.europa.eu/themes/human/noise/noise-fact-sheets
For references, please go to https://eea.europa.eu./mt/highlights/l-ghadd-ta2019-ewropej-esposti or scan the QR code.
PDF generated on 23 Dec 2024, 09:51 AM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn