All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Article
Minn perspettiva xjentifika, it-tibdil fil-klima essenzjalment huwa dwar l-ammont ta’ gassijiet serra, prinċipalment id-diossidu tal-karbonju, li jiġi rilaxxat fl-atmosfera jew li jittieħed mill-atmosfera. Minn mindu seħħet ir-Rivoluzzjoni Industrijali, l-attivitajiet ekonomiċi kienu u għadhom qed jirrilaxxaw ammonti dejjem jiżdiedu ta’ gassijiet serra ħafna akbar mill-ammont li jista’ jinqabad miċ-ċiklu naturali tal-karbonju. Dan iwassal għal żieda fil-konċentrazzjoni tal-karbonju fl-atmosfera, li konsegwentament toħloq l-effett serra u żżomm sehem akbar tal-enerġija solari li tirċievi d-dinja.
Sistemi għall-osservazzjoni tad-dinja jissorveljaw konċentrazzjonijiet tal-karbonju u jżommu rendikont ta’ xejriet fit-tul. Ir-riżultati huma ċari: minkejja l-varjazzjonijiet staġjonali, in-numru ta’ diossidu tal-karbonju "partijiet għal kull miljun" (ppm) fl-atmosfera qabeż il-limitu ta’ 400 ppm fl-2016 u għadu qed jogħla. Għalhekk, ix-xjenza tgħidilna li sabiex intaffu t-tibdil fil-klima, għandna bżonn innaqqsu b’mod sinifikanti l-ammont ta’ gassijiet serra li jiġu rilaxxati u, jekk huwa possibbli, inżidu l-ammont maqbud.
Ħarsa mill-qrib lejn l-attivitajiet ekonomiċi li jirrilaxxaw gassijiet serra turina storja pjuttost kumplessa. Fil-fatt, nistgħu nidentifikaw attivitajiet ewlenin li huma responsabbli għall-parti l-kbira tal-emissjonijiet. Permezz tal-ħruq tal-karburanti fossili u bil-mod kif nużaw l-artjiet tagħna (eż. it-tneħħija ta’ foresti biex jittrabbew l-baqar), inkunu qed nirrilaxxaw il-karbonju li kien maqbud u li tħalla barra miċ-ċiklu tal-karbonju għal mijiet sa miljuni ta’ snin. Għal dawn l-aħħar żewġ sekli, karburanti fossili bħal faħam, żejt u gass naturali, kienu jipprovdu l-enerġija li kellna bżonn għad-djar u l-ekonomija tagħna — l-industrija, l-agrikoltura, it-trasport u l-bqija. Is-soċjetajiet tagħna għandhom bżonn l-enerġija iżda jista’ jkun li dan il-bżonn jintlaħaq bl-użu ta’ sorsi rinnovabbli minflok b’karburanti fossili?
Livell ieħor ta’ kumplessità huwa marbut man-natura globali tat-tibdil fil-klima. Ladarba jkun rilaxxat, id-diossidu tal-karbonju fl-atmosfera jsir problema globali, irrispettivament mill-pajjiż jew settur li jkun qed jirrilaxxaħ. Madankollu, meta niġu biex innaqqsu l-emissjonijiet niddependu kważi għal kollox fuq strutturi ta’ governanza politiċi. L-isforzi globali jikkonsistu f’impenji nazzjonali tal-pajjiżi sabiex jillimitaw u jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom. Sabiex jsir dan, għandhom jkunu jafu s-sors tal-emissjonijiet tagħhom.
Fl-Ewropa, iseħħ monitoraġġ mill-qrib tal-ammont ta’ gassijiet serra li jiġi rilaxxat kull sena minn kull settur ewlieni tal-ekonomija kif ukoll l-attivitajiet sekondarji tiegħu. Abbażi tad-data sottomessa mill-Istati Membri tal-UE, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tanalizza t-tendenzi u l-projezzjonijiet sabiex tevalwa l-progress lejn il-miri stabbiliti għall-UE kollha u għal kull Stat Membru. Il-valutazzjonijiet dwar l-impatti tal-klima u l-vulnerabbiltà tagħna juru wkoll kif reġjuni differenti madwar l-Ewropa huma diġà affettwati bit-tibdil fil-klima u x’jistgħu jistennew fil-futur f’xenarji differenti ta’ emissjonijiet.
Sabiex titrawwem azzjoni dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil tal-klima, l-Istati Membri tal-UE qablu fuq għadd ta’ politiki dwar il-klima u l-enerġija u stabbilixxew miri ċari għall-2020 u l-2030. Il-valutazzjonijiet tagħna juru li l-Unjoni Ewropea tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq il-miri tagħha għall-2020, iżda jeħtieġ iktar ħidma sabiex jintlaħqu il-miri iktar ambizzjużi tal-2030. Pajjiżi, reġjuni u bliet u atturi oħrajn jaqsmu wkoll informazzjoni dwar kif nadattaw għal klima li qed tinbidel.
Dan l-għarfien huwa essenzjali. Madankollu, sabiex nifformulaw u nimplimentaw miżuri effettivi, għandna bżonn ukoll fehim iktar sistemiku. Pereżempju, jista’ s-settur tat-trasport li kien responsabbli għal iktar minn 20% tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-UE fl-2016, inaqqas id-dipendenza tiegħu fuq il-petrol u fuq id-diesel, u jaqleb għal elettriku nadif? L-Ewropa tista’ tipproduċi din l-enerġija addizzjonali mingħajr ma żżid pressjoni fuq l-ambjent? Id-disinn urban, kif jista’ jindirizza l-bżonnijiet tal-enerġija u l-mobbiltà, u jnaqqas il-ħsara minn diżastri relatati mal-klima waqt li jtejjeb il-kwalità tal-arja urbana?
Dawn il-mistoqsijiet jirrikjedu għarfien sistemiku dwar ir-rabtiet bejn xejriet soċjetali, ambjentali u ekonomiċi. L-azzjonijiet prospettivi politiċi jaf ikollhom bżonn ukoll jagħrfu l-ħtiġijiet speċifiċi tar-reġjuni u l-ibliet. Pereżempju, il-bliet, kif jistgħu jżidu l-effiċjenza fl-enerġija tal-bini eżistenti tagħhom — li jista’ jinkludi wkoll bini mibni fl-aħħar tal-1800?
L-għan tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, huwa li nipprovdu għarfien rilevanti u aċċessibbli sabiex ngħinu lil min ifassal il-politika u lill-pubbliku biex jaġixxu fuq informazzjoni f’waqtha, rilevanti u robusta. Dan ifisser li jeħtieġ ikun hemm għarfien usa’ u aktar profond, u jevolvi kontinwament sabiex jitqiesu l-isfidi ta’ natura sistemika u kumplessa li naffaċċjaw. Fil-każ tat-tibdil fil-klima, qed naħdmu għal pjattaforma għall-għarfien tal-futur b’appoġġ għall-għanijiet tal-UE tal-2030 dwar l-enerġija u l-klima permezz ta’ qsim ngħaqdu aħjar tal-għarfien eżistenti, mhux biss dwar il-klima u l-enerġija iżda wkoll dwar oqsma rilevanti oħrajn bħall-agrikoltura, it-trasport u l-kwalità tal-arja.
Fl-aħħar mill-aħħar, is-suċċess ser jiddependi kemm fuq deċiżjonijiet ta’ politika infurmati kif ukoll fuq ir-rieda globali li ntemmu d-dipendenza tagħna fuq il-karburanti fossili. Il-Ftehim ta’ Pariġi kien fundamentali fir-rinfurzar tal-impenn globali sabiex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima, filwaqt li laqqa’ flimkien lill-gvernijiet, lin-negozji u lis-soċjetà ċivili. Issa l-Ftehim għad irid jiġi implimentat mill-pajjiżi kollha li ffirmawh. F’dan il-kuntest, il-Konferenza li ġejja dwar il-Klima (COP24) f’Katowice, il-Polonja, għandha tkompli taħdem aktar fuq l-isforz ta’ implimentazzjoni billi tadotta ġabra ta’ regoli.
Hans Bruyninckx
Direttur Eżekuttiv tal-EEA
L-editorjal ippubblikat fil-ħarġa ta’ Settembru 2018 ta’ EEA Newsletter 03/2018
For references, please go to https://eea.europa.eu./mt/articles/fehim-u-azzjoni-dwar-il or scan the QR code.
PDF generated on 23 Dec 2024, 08:47 AM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn