li jmiss
preċedenti
punti

Press Release

It-Trasport — mill ġdid fil qiegħ tal klassifika ta' Kyoto

Biddel il-lingwa
Press Release Ippubblikat 22 Feb 2007 Mibdul l-aħħar 03 Jun 2016
L emissjonijiet tal gassijiet serra mit-trasport jibqgħu ostaklu ewlieni, iżda inevitabbli sabiex l UE tilħaq il miri tagħha ta' Kyoto dwar it-tibdil fil klima, skond rapport ġdid ta' l Aġenzija Ewropea għall Ambjent (EEA), maħruġ f'Kopenħagen illum.

We cannot innovate our way out of the emissions problem from transport.

Professor Jacqueline McGlade, Executive Director of the EEA

Ir-rapport ta' l‑EEA, ‘Transport and Environment: on the way to a new common transport policy’ (Trasport u Ambjent: fit-triq lejn politika komuni ġdida dwar it-trasport) jgħid li l‑politika Ewropea dwar it-trasport għandha tindirizza d-domanda dejjem akbar għat-trasport. Bejn l‑1990 u l‑2003, il‑volumi tat-trasport tal‑passiġġieri fil‑pajjiżi ta' l‑EEA żdiedu b'20 %. It-trasport bl‑ajru żdied l‑aktar, 96 %, matul dan il‑perjodu.

Filwaqt li l‑emissjonijiet minn ħafna mis-setturi l‑oħra (provvista ta' l‑enerġija, industrija, agrikoltura, ġestjoni ta' l‑iskart) naqsu bejn l‑1990 u l‑2004, l‑emissjonijiet mit-trasport żdiedu b'mod sostanzjali u dan kien dovut l‑aktar għal din iż-żjieda fid-domanda.

It-trasport huwa responsabbli għal 21 % ta' l‑emissjonijiet tal‑gassijiet serra totali (GHG) fl‑UE-15 (għajr l‑avjazzjoni internazzjonali u t-trasport marittimu). It-trasport bit‑toroq jikkontribwixxi għal 93 % tat-total ta' l‑emissjonijiet tat-trasport kollha. Madankollu, l‑emissjonijiet mill‑avjazzjoni internazzjonali qegħdin jikbru bl‑aktar mod qawwi, b'żieda ta' 86 % bejn l‑1990 u l‑2004.

L‑emissjonijiet tal‑GHG (għajr dawk tal‑baħar u ta' l‑avjazzjoni) mit-trasport żdiedu l‑aktar fil‑Lussemburgu u fl‑Irlanda bejn l‑1990 u l‑2004 b'żidiet rispettivi ta' 156 u 140 %. Iż-żieda medja fit-32 pajjiż membru ta' l‑EEA (ara n-noti) kienet a' 25 %.

“Billi tissuġġerixxi li aħna sempliċiment nieħdu ħsieb l‑impatti ambjentali tat-trasport, ir-rivista ta' nofs il‑perjodu tal‑White Paper ta' l‑2001 dwar it-Trasport tista' tiġi interpretata bħala laxkezza mil‑linja ta' l‑Ewropa fuq il‑ħtieġa li jiġu indirizzati l‑volumi tat-trasport. Dan ma jistax ikun il‑każ,” qalet il‑Professoressa Jacqueline McGlade, Direttur Eżekuttiv ta' l‑EEA.

“Ma nistgħux nindirizzaw iż-żieda fl‑emissjonijiet ta' GHG, ħsejjes u frammentazzjoni tal‑pajsaġġ ikkawżat mit-trasport mingħajr ma nindirizzaw iż-żieda fit-traffiku matul l‑ispettru: fit-toroq, linji tal‑ferroviji tagħna, fl‑arja u bil‑baħar. Avvanzi tekniċi, bħal magni aktar nodfa u aktar effiċjenti fil‑konsum tal‑fjuwil huma importanti ħafna. Madankollu ma nistgħux insibu soluzzjonijiet innovattivi li jsolvulna l‑problema ta' l‑emissjonijiet mit-trasport.” qalet.

Ir-rapport jenfasizza wkoll ir-rwol sinifikanti li s-sussidji fuq it-trasport għandhom fir-rigward ta' li jidderieġu l‑għażliet relatati mat-trasport. Ta' kull sena jintnefqu bejn 270 EUR u 290 biljun EUR fl‑Ewropa fuq sussidji fuq it-trasport. Kważi nofs is-sussidji jmorru fuq it-trasport bit-triq, wieħed mill‑mezzi li jagħti l‑inqas kas ta' l‑ambjent. L‑EEA sejra toħroġ studju dettaljat tas-sussidji tat-trasport f'Marzu 2007

It-tniġġis mit-trasport qiegħed ikollu effett dirett fuq is-saħħa tagħna. Kważi 25 % tal‑popolazzjoni ta' l‑UE 25 tgħix f'distanza inqas minn 500 metru minn triq li minnha jgħaddu aktar minn tliet miljun vettura fis-sena. Konsegwentament, kważi erba' miljuni ta’ snin ta’ ħajja jintilfu kull sena minħabba livell għoli ta' tniġġis, jgħid ir-rapport.

Noti lill‑editur:

Sfond fuq ir-rapport
Ir-rapport ta' l‑EEA, ‘Transport and Environment: on the way to a new common transport policy’ (Trasport u Ambjent: fit-triq lejn politika komuni ġdida dwar it-trasport) huwa l‑pubblikazzjoni annwali mill‑Mekkaniżmu ta' Rapportaġġ dwar it-Trasport u l‑Ambjent ta' l‑EEA (TERM), li jimmonitorja l‑progress u l‑effikaċja tat-tentattivi biex jiġu integrati strateġiji dwar it-trasport u l‑ambjent.

Ir-rapport jimmira li jkopri l‑pajjiżi membri ta' l‑EEA kollha. Dawn huma l‑27 Stat Membru ta' l‑UE, t-Turkija, n-Norveġja, l‑Iżlanda, Liechtenstein u l‑Iżvizzera. L‑Iżvizzera saret membru ta' l‑EEA dan l‑aħħar u tipprovdi dejta f'xi każijiet. Fejn id‑dejta ma tkunx sħiħa, ġeneralment dan jiġi nnotat fit-taqsima tal‑metadata, fejn gruppi ta' pajjiżi differenti huma deskritti wkoll.

Links: Rapport tat-termini

Pajjiżi membri ta' l‑EEA: L‑Awstrija, il‑Belġju, il‑Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id‑Danimarka, l‑Estonja, il‑Finlandja, Franza, il‑Ġermanja, il‑Greċja, l‑Ungerija, l‑Iżlanda, l‑Irlanda, l‑Italja, il‑Latvja, Liechtenstein, il‑Litwanja, il‑Lussemburgu, Malta, l‑Olanda, in‑Norveġja, il‑Polonja, il‑Portugall, ir-Rumanija, Spanja, is-Slovakja, is-Slovenja, l‑Iżvezja, l‑Iżvizzera, it‑Turkija u r-Renju Unit.

Dwar l‑Aġenzija Ewropea ta' l‑Ambjent (EEA):

L‑EEA hija bbażata f'Kopenħagen. L‑aġenzija timmira li tgħin fl‑ilħuq ta' titjib sinifikanti u miżurabbli fl‑ambjent Ewropew permezz ta' għoti ta' informazzjoni fil‑ħin, immirata, relevanti u affidabbli lil min ifassal il‑politika u lill‑pubbliku.

Permalinks

Dokument ta’ Azzjonijiet