All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Article
Jekk titħalla bi kwietha għal sentejn, il‑popolazzjoni tal‑merluzz fil‑Baltiku tista’ tirkupra
Henrik Sparholt, Uffiċjal Professjonali tal‑Programm Konsultattiv tal‑ICES
L‑osservazzjonijiet tal‑ossiġenu maħlul fl‑ilma flimkien mal‑awwisti mejta taw lir‑riċerkaturi fl‑Istitut Nazzjonali tar‑Riċerka Ambjentali fid‑Danimarka x’jifhmu li żona li mhux normalment daqshekk kbira, fil‑qiegħ tal‑Kattegat tan‑nofsinhar, kienet mingħajr ossiġenu. L‑avvenimenti strambi kienu kkawżati minn 'anossija' jew nuqqas ta’ ossiġenu f’qiegħ il‑baħar ta’ dak il‑lejl. Ix‑xjenzati jemmnu li l‑awwisti kienu qed jifgaw!
Tnejn u għoxrin sena wara, partijiet kbar mill‑Baltiku huma milquta minn żoni anossiċi jew 'żoni mejta'.
Bornholm, gżira idillika Daniża li tinsab fid‑daħla tal‑Baħar Baltiku bejn wieħed u ieħor bejn l‑Iżvezja, il‑Ġermanja u l‑Polonja, hija magħrufa sew għall‑aringi affumigati. Għal sekli sħaħ l‑abbundanza tal‑ħut kienet il‑bażi tal‑ekonomija lokali.
Fis‑snin sebgħin daqs nofs id‑dħul mis‑sajd kien jiġi mill‑merluzz. sal‑aħħar tas‑snin tmenin, is‑sajd tal‑merluzz kien żdied sa 80 % tal‑valur totali. Ħafna sajjieda immaġinaw futur hieni u investew f’laneċ ġodda. Madankollu, sal‑1990 il‑qabda kienet qabdet tonqos b’rata għolja. Għadha ma rkupratx. Din il‑waqgħa ħolqot pressjoni finanzjarja kbira fuq il‑komunità lokali.
L‑iskala u l‑ħeffa tal‑waqgħa tal‑istokkijiet tal‑merluzz fil‑Baltiku fissret li ħafna enerġija marret fil‑fehim dwar x’wassal għaż‑żieda qawwija fil‑popolazzjoni segwita mill‑waqgħa. Ir‑reġjun sar każ ta’ studju internazzjonali b’tagħlimiet għal reġjuni oħra. L‑istorja tal‑Baltiku mhijiex waħda sempliċi — tabilħaqq li l‑kumplessità tas‑sitwazzjoni turi biċ‑ċar l‑isfida li qed iħabbtu wiċċhom magħha dawk li jfasslu l‑politika fl‑ambjent marittimu.
Is‑sajjieda ta’ Bornholm, bħall‑kontraparti tagħhom madwar l‑Ewropa, huma marbuta ġuridikament b’restrizzjonijet stretti skont il‑Politka Komuni tas‑Sajd li tistabbilixxi kemm ħut ta’ liema tip jista’ jinqabad u fejn.
Il‑Kunsill Internazzjonali għall‑Esplorazzjoni tal‑Baħar (ICES) jipprovdi konsulenza xjentifika dwar il‑livelli bijoloġikament siguri. Dejta ta’ stħarriġ dwar il‑meded tas‑sajd, l‑istatistika dwar il‑qbid tal‑ħut u l‑monitoraġġ ambjentali tal‑kundizzjonjonijiet oċeanografiċi jipprovdu dejta imprezzabbli fir‑rigward tal‑evalwazzjoni tas‑saħħa tal‑iktar speċijiet kummerċjali mistada. B’mod partikolari, in‑numru ta’ ħut ta’ xi età partikolari f’xi żona huwa importanti.
Iktar ma jibqgħu ħajjin ħut żgħar f’xi sena partikolari, iktar wieħed jista’ jistenna li jaqbad ħut minn sentejn sa ħames snin wara meta l‑ħut ikun immatura. U iktar ma jkun hemm disponibbbli ħut matur, iktar ibidu bajd.
Wara l‑konsulenza xjentifika, jittieħdu deċiżjonijiet mill‑Istati Membri tal‑UE dwar il‑qabdiet totali permissibbli (TAC). Dawn id‑deċiżjonijiet ta’ spiss jirriflettu prijoritajiet differenti minn dawk dwar il‑protezzjoni tal‑istokkijiet. Fl‑2006, madwar 45 % tal‑istokkijiet valutati tal‑ħut fl‑Ibħra tal‑Ewropa kienu mistada lil hinn mil‑limiti bijoloġikament siguri. Dawn il‑livelli ta’ sajd sar qbil fuqhom fuq livell ministerjali.
B’mod partikolari, mis‑snin sittin ’l hawn, iż‑żieda fl‑użu ta’ fertilizzanti artifiċjali fl‑agrikoltura kif ukoll l‑urbanizzazzjoni wasslu għal żieda esaġerata fl‑inputs tan‑nutrijenti— tniġġis — fil‑Baħar Baltiku. Dan wassal għal żieda fit‑tkattir tal‑fitoplankton u fil‑produzzjoni tal‑ħut (żieda tal‑fitoplankton tissarraf f’żieda ta’ ikel għall‑ħut). Madankollu, dan irriżulta wkoll għal żieda fil‑problemi tal‑anossija fil‑partijiet l‑iktar fondi tal‑baħar.
Meta l‑ilma qrib il‑qiegħ tal‑baħar jsir anossiku, jiġi rilaxxat is‑solfur tal‑idroġenu minn qiegħ il‑baħar għal ġo l‑ilma. Is‑solfur tal‑idroġenu huwa velenuż għal ħafna mill‑forom tal‑ħajja, u x’aktarx li kienet il‑kumbinazzjoni ta’ solfur tal‑idroġenu flimkien man‑nuqqas ta’ ossiġenu li qatlet l‑awwisti Norveġiżi fil‑Kattegat f’dak il‑lejl lura fl‑1986.
Issa ż‑żoni anossiċi fil‑Baħar Baltiku huma tant kbar li wasslu għal tnaqqis fid‑daqs taż‑żoni potenzjali li fihom jiġu depożitati l‑bajd fil‑Baltiku tal‑Lvant Ċentrali. Dan inaqqas is‑suċċess tat‑tbejjid tal‑merluzz.
Ir‑rata għolja ta’ sopravivenza tal‑bajd u l‑larvi tal‑merluzz mill‑1978 sal‑1983 hija mfissra minn erba’ fatturi. L‑ispjegazzjoni ewlenija hija li l‑pressjoni mis‑sajd tnaqqset fl‑aħħar tas‑snin sebgħin. It‑tieni, il‑kundizzjonijiet klimatiċi ġabu flussi ’l ġewwa ta’ ilma b’livell ta’ salinità għolja mill‑Baħar tat‑Tramuntana. Il‑Baltiku kien effettivament lag tal‑ilma ħelu sakemm il‑livelli tal‑baħar għolew ’il fuq madwar 8 000 sena ilu, u ppermettew li l‑Baħar tat‑Tramuntana jbattal fil‑lag. Il‑flussi ta’ ilma baħar ’il ġewwa fil‑Baltiku għadhom importanti fir‑rigward taż‑żamma tal‑livelli ta’ salinità u ossiġenu.
Dawn il‑flussi ’il ġewwa wasslu għal konċentrazzjonijiet ogħla ta’ ossiġenu fiż‑żoni fejn ibid il‑merluzz u b’hekk għal sopravivenza għolja tal‑bajd u għalhekk iktar ħut żgħir. It‑tielet, kien hemm abbundanza ta’ larvi ta’ kopipodi (Pseudocalanus acuspes), is‑sors ta’ ikel l‑iktar importanti għall‑merluzz, u finalment, kien hemm nuqqas ta’ predaturi bħalma huma l‑laċċa kaħla u l‑foki. Il‑laċċi kaħla tiekol il‑bajd tal‑merluzz u l‑foki jieklu l‑merluzz.
Sa minn nofs is‑snin tmenin ’l hawn kien hemm inqas flussi importanti ġejjin mill‑Baħar tat‑Tramuntana, u dan wassal għal kundizzjonijiet fqar għas‑sopravivenza tal‑bajd, u inqas ħut żgħir. It‑tnaqqis tas‑salinità wassal ukoll biex ikun hemm inqas kopipodi, ikel bażiku għal‑larvi. Minkejja li l‑limitu ta’ livelli bijoloġikament siguri tnaqqas, il‑qabda li politikament sar qbil fuqha (TACs) normalment kienet taqbeż dan il‑livell (Figura 1).
Is‑sajd illegali jżid mal‑problema. Ġie stmat li 30 % oħra ta’ sajd jinħatt illegalment f’din il‑parti tal‑Baħar Baltiku. Fis‑sajf tal‑2007, il‑ħatt l‑art illegali mill‑flotta tas‑sajd Pollakka kien tant estensiv li l‑attivitajiet tas‑sajd Pollakki twaqqfu mill‑Kummissjoni Ewropea fit‑tieni semestru tal‑2007.
Fig. 1 / Livelli ta’ qbid rakkomandati xjentifikament (ibbażati fuq konsulenza mill‑ICES), qabdiet totali permissibbli (TAC) maqbula u l‑qabda effettiva fiż‑żoni tas‑sajd madwar Bornholm, fis‑snin 1989‑2007. Sors: EEA, 2008.
It‑tibdil fil‑klima qed jolqot kemm it‑temperatura kif ukoll il‑bilanċ tas‑salinità fil‑Baltiku. Iż‑żieda fit‑temperatura fil‑baħar fond iżżid id‑domanda għall‑ossiġenu u tnaqqas is‑solubbiltà tal‑ossiġenu fl‑ilma. Min‑naħa tiegħu dan jikkontribwixxi għat‑tifrix ġeografiku usa’ tal‑anossija. Is‑salinità fil‑Baltiku naqset b’rata kostanti sa minn nofs is‑snin tmenin minħabba żieda fix‑xita u flussi mnaqqsa mill‑Baħar tat‑Tramuntana għall‑Baħar Baltiku.
Iż‑żewġ fatturi huma xprunati mill‑klima. Tnaqqis fis‑salinità li huwa pjuttost żgħir diġà qed jaqleb il‑bilanċ u jbiddel il‑kompożizzjoni tal‑ħabitat tal‑Baltiku. Mit‑tliet speċi l‑iktar mistada, merluzz, aringi, u laċċi koħol, il‑merluzz huwa partikolarment sensittiv għal salinità mnaqqsa minħabba li s‑salinità tolqot kemm il‑kapaċità riproduttiva tagħhom kif ukoll id‑disponibbiltà tal‑ikel preferut għal‑larvi tal‑merluzz.
It‑tibdil fil‑klima se jbiddel il‑Baħar Baltiku u l‑kapaċità tiegħu li jsostni popolazzjonijet tal‑merluzz li jistgħu jiġu sfruttati. Il‑ġestjoni se tkun teħtieġ li tipprovdi għal dawn il‑bidliet jekk wieħed irid li l‑istokk jinżamm f’livell li huwa kummerċjalment rilevanti
Professur Brian MacKenzie, Istitut Nazzjonali tar‑Riżorsi Akkwatiċi (DTU‑Aqua),Università Teknika tad‑Danimarka
It‑tbassir għall‑klima tal‑oċean tal‑Baltiku fil‑futur huwa ta’ tkomplija ta’ żidiet fl‑ammonti ta’ xita u tnaqqis fil‑flussi li jiġu mill‑Baħar tat‑Tramuntana. Dan ifisser li l‑istokkijiet ta’ merluzz u ta’ ħut tal‑baħar ieħor x’aktarx li se jkomplu jonqsu iżjed sakemm ma tiġix imnaqqsa l‑pressjoni mis‑sajd.
Fig. 2 / Stimi tal‑firxa tal‑ipossija (kontenut ta’ ossiġenu inqas minn 2 ml/l) u anossija (mingħajr kontenut ta’ ossiġenu; ta’ spiss bi preżenza ta’ solfur tal‑idroġenu li jirreaġixxi mal‑ossiġenu biex jipproduċi sulfat. Meta tiġri din ir‑reazzjoni, il‑konċentrazzjonijiet ta’ ossiġenu jitqiesu negattivi) fil‑ħarifa tal‑2007. Sors: http://www.helcom.fi/environment2/ifs/ifs2007/en_GB/HydrographyOxygenDeep/.
B’reazzjoni għall‑problemi ambjentali kumplessi u ħorox fil‑Baħar Baltiku, il‑pajjiżi tar‑reġjun qablu dwar 'Pjan ta’ Azzjoni għall‑Baħar Baltiku' biex jiġu żviluppati azzjonijiet nazzjonali mmirati lejn l‑integrazzjoni tal‑politiki agrikoli, tas‑sajd u reġjonali. Dan il‑pjan, li ġie adottat f’Novembru tal‑2007, huwa bażi importanti għal implimentazzjoni iktar effikaċi tal‑politika tal‑UE fiż‑żona.
Dan jinkludi d‑Direttiva Qafas tal‑Istrateġija tal‑Baħar ġdida, skont liema direttiva, il‑pajjiżi konfinanti għandhom jilħqu 'status ambjentali tajjeb' tal‑Baħar Baltiku sal‑2020, inkluż obbligu li l‑komunitajiet tal‑ħut jinġiebu lura għal 'qagħda tajba'.
Barra dan, il‑Kummissjoni Ewropea qed tiżviluppa strateġija Reġjonali għall‑Baħar Baltiku li se twassal għal pjan ta’ azzjoni li jidentifika l‑atturi ewlenin, l‑istrumenti finanzjarji li għandhom jiġu stabbiliti, kif ukoll kalendarju tax‑xogħol. L‑adozzjoni ta’ din l‑istrateġija mill‑Istati Membri se tkun tikkostitwixxi waħda mill‑prijoritajiet tal‑Presidenza Żvediża tal‑UE, fit‑tieni semestru tal‑2009. L‑Iżvezja identifikat l‑ambjent tal‑Baħar Baltiku bħala wieħed mill‑prijoritajiet l‑iktar importanti tagħha.
Il‑Politika Komuni tas‑Sajd (CDP) kienet maħsuba biex tirregola l‑attivitajiet tas‑sajd mill‑aspett ambjentali, ekonomiku u soċjali. Madankollu, ħafna mill‑ispeċijiet tal‑ħut ta’ valur kummerċjali fl‑Ewropa kienu mistada żżejjed u l‑popolazzjonijiet tagħhom huma issa taħt in‑numri bijoloġikament siguri. In‑natura tal‑leġiżlazzjoni tagħmilha diffiċli u tiswa ħafna flus biex jiġu mħarrka l‑Istati Membri li jistadu żżejjed.
In‑nuqqas ta’ suċċess ovvju fil‑ġestjoni sostenibbli ta’ ħafna mill‑istokkijiet tal‑ħut wassal biex l‑esperti tal‑baħar isejħu għal reviżjonijiet maġġuri tal‑politika, li hija b’mod ċar kompromess bejn il‑pajjiżi. L‑ambjent tal‑baħar għandu jiġi ttrattat bħala ekosistema pjuttost milli bħala setturi li jridu jiġu sfruttati.
Il‑Kummissarju tal‑UE għas‑Sajd u l‑Affarijiet Marittimi, Joe Borg saħansitra qal li l‑Politika Komuni tas‑Sajd ma tinkoraġġixxix responsabbiltà mis‑sajjieda jew mill‑politiċi, u f’Settembru tal‑2008, erba’ snin qabel minn dak mistenni, nieda reviżjoni immedjata tal‑politika.
Referenzi
Diaz, R. J. and Rosenberg, R., 2008. Spreading Dead Zones and Consequences for Marine Ecosystems. Science, vol. 321, pp. 926–929.
Mackenzie, B. R.; Gislason, H.; Mollmann, C.; Koster, F. W., 2007. Impact of 21st century climate change on the Baltic Sea fish community and fisheries. Global Change Biology, vol. 13, 7, pp. 1 348–1 367.
Sparholt, H.; Bertelsen, M.; Lassen, H., 2008. A meta‑analysis of the status of ICES fish stocks during the past half century. ICES Journal of Marine Science, Vol. 64, 4, pp. 707–713.
For references, please go to https://eea.europa.eu./mt/articles/127ut-barra-millilma-gestjoni-talba127ar-fi-klima-li-qieg127da-tinbidel or scan the QR code.
PDF generated on 23 Nov 2024, 05:25 AM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn