All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Article
Ix-xhur li ġejjin se jkunu kritiċi fid-definizzjoni tal-pjanijiet ta’ rkupru u investiment. Biex nikkontribwixxu għal dawn id-diskussjonijiet, qed norganizzaw sensiela ta’ dibattiti online, immirati biex iwasslu għarfien espert u riflessjonijiet lil udjenzi usa’. Il-bidla se sseħħ b’xi mod jew ieħor. Jeħtieġ li niżguraw li kull deċiżjoni f’din it-triq teħodna pass eqreb lejn is-sostenibbiltà.
Hans Bruyninckx, Direttur Eżekuttiv tal-EEA
Il-pandemija tal-COVID-19 kienet fattur ta’ bidla. Id-dinja rat gwerer, kriżijiet ekonomiċi u finanzjarji, nirien, nuqqas ta’ ikel u mewġiet ta’ migrazzjoni, u epidemiji lokali u staġjonali. Iżda din il-pandemija hija differenti minn kwalunkwe ħaġa li l-ġenerazzjonijiet attwali esperjenzaw qabel. Din infirxet madwar id-dinja, affettwat direttament jew indirettament miljuni, jekk mhux biljuni ta’ nies, imblukkat is-soċjetajiet, għalqet il-fruntieri u waqqfet setturi sħaħ — u għamlet dan kollu fi ftit xhur biss.
Issa għaddew sitt xhur minn meta ħafna pajjiżi fl-Ewropa implimentaw miżuri ta’ lockdown biex jiġġieldu l-COVID-19. Wara l-ewwel xokk ta’ din il-bidla massiva u f’daqqa, is-soċjetajiet għadhom qed jippruvaw jifhmu l-virus u l-iskala sħiħa tal-impatti tiegħu, u jsibu soluzzjonijiet biex itaffuhom.
Il-mod kif il-coronavirus jaffettwa lin-nies ivarja. Gruppi vulnerabbli, bħall-anzjani jew dawk b’kundizzjonijiet tas-saħħa u mard preeżistenti, jidhru li jinsabu f’riskju aktar sever.
L-istess persuni vulnerabbli huma tipikament aktar affettwati wkoll minn perikli għas-saħħa ambjentali, b’mod partikolari l-kwalità ħażina tal-arja. L-esponiment fit-tul għas-sustanzi li jniġġsu l-arja — anke f’livelli ta’ konċentrazzjoni baxxi — u kontaminanti oħra jista’ jagħmel ħsara lis-saħħa tal-bniedem u jikkawża mard kroniku, u sussegwentement jagħmel lin-nies aktar vulnerabbli għal mard eżistenti u ġdid bħall-COVID-19.
Ir-rapport reċenti tagħna dwar “Ambjent b’saħħtu, ħajjiet b’saħħithom” jenfasizza li waħda minn kull tmien imwiet fl-Ewropa tista’ tiġi attribwita għal ambjenti ta’ kwalità ħażina. Dan jiġbed l-attenzjoni wkoll lejn l-inugwaljanzi f’termini ta’ impatti fuq is-saħħa kemm fl-Ewropa kif ukoll fil-pajjiżi. It-tnaqqis tat-tniġġis ambjentali u l-iżgurar tal-aċċess għal ambjent nadif jistgħu jnaqqsu l-piż tal-mard u jgħinu lin-nies jgħixu ħajja aktar b’saħħitha.
Il-COVID-19 hija marda żoonotika. Hija virus ġdid li qabeż mill-ispeċijiet tal-annimali għall-bnedmin. Qabżiet bħal dawn x’aktarx iseħħu meta l-annimali selvaġġi jiġu f’kuntatt mill-qrib mal-popolazzjonijiet tal-bniedem, li jirriżultaw l-aktar mill-espansjoni tal-attivitajiet tal-bniedem f’żoni naturali, mill-interazzjonijiet bejn il-bnedmin u l-annimali f’faċilitajiet tal-produzzjoni tal-laħam intensiva jew mill-qbid ta’ speċijiet selvaġġi għall-konsum mill-bniedem.
Għal darb’ oħra, il-COVID-19 huwa biss eżempju tar-rabtiet bejn id-degradazzjoni ambjentali usa’ u l-impatti konkreti tagħha fuq is-saħħa u l-benesseri tagħna. F’dawn l-aħħar ftit jiem, ġew ippubblikati żewġ rapporti ewlenin — Il-Prospettiva Nru 5 għall-Bijodiversità Globali mill-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika u r-Rapport tal-Pjaneta tal-Għajxien 2020 mid-WWF. It-tnejn jenfasizzaw ir-rata allarmanti ta’ tnaqqis fid-diversità bijoloġika u jitolbu azzjoni deċiżiva u urġenti fuq livell globali. L-istess xejriet inkwetanti huma osservati fl-Ewropa, li jaffettwaw ir-reżiljenza, il-produttività u l-kapaċità tan-natura li tipprovdilna. Fil-ġimgħat li ġejjin se nippubblikaw il-valutazzjoni komprensiva tagħna tal-istat tan-natura fl-Ewropa, abbażi ta’data dettaljata rrappurtata mill-Istati Membri tal-UE.
It-tisħiħ tar-reżiljenza tan-natura fil-livell globali permezz tal-protezzjoni, il-preservazzjoni u r-restawr taż-żoni naturali u l-bidla lejn sistema tal-ikel sostenibbli mhux biss x’aktarx li jnaqqas ir-riskji assoċjati mal-mard żoonotiku iżda jiżgura wkoll il-benessri tagħna fit-tul.
Il-mod u r-rata kif nużaw ir-riżorsi naturali — inklużi l-fjuwils fossili, il-foresti u l-art — jinsabu wkoll fil-qalba tat-tibdil fil-klima. Mill-aħħar nirien fil-foresti fl-Istati Uniti sa glaċieri li qed idubu fl-Alpi, l-impatti diġà huma devastanti. Sakemm ma jirnexxilniex innaqqsu drastikament l-emissjonijiet globali tal-gassijiet serra u nadattaw għal klima li qed tinbidel, se nħabbtu wiċċna ma’ ħafna xokkijiet aktar severi, li jħallu impatt fuq is-soċjetà u l-ekonomija tagħna. U, bħal fil-każ tal-COVID-19 u t-tniġġis tal-arja, xi wħud minna se jkunu aktar affettwati minn oħrajn.
Il-COVID-19 skatta kriżi tas-saħħa pubblika kif ukoll kriżi ekonomika profonda. B’reazzjoni għal dan, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri qed jistabbilixxu pjanijiet ta’ rkupru ekonomiku.
Il-mistoqsija reali hija: Kif nistgħu nirkupraw minn din il-kriżi attwali b’mod li nipprevjenu kriżijiet oħra — l-ambjent, il-klima, l-ekonomija u s-saħħa pubblika — milli jseħħu fil-futur?
Il-miżuri ta’ lockdown introduċew bidliet kbar u f’daqqa fl-istil tal-ħajja fl-Ewropa. Kien hemm inqas vetturi fit-triq u bilkemm kien hemm titjiriet kummerċjali. Ħafna attivitajiet imxew online, u dan kompla jnaqqas il-ħtieġa għall-mobbiltà. L-impatti fuq l-ambjent kienu ċari. Il-kwalità tal-arja tjiebet fl-ibliet fi żmien ġimgħat. Hekk kif ir-restrizzjonijiet jitneħħew u l-attività ekonomika taqbad ir-ritmu, nibdew naraw ritorn gradwali għal-livelli ta’ qabel il-COVID.
L-eżempju tal-COVID wera li l-pajjiżi li aġixxew malajr u b’mod deċiżiv ġeneralment kellhom rati aktar baxxi ta’ infezzjoni u mortalità, inkluż fost il-gruppi l-aktar vulnerabbli. Il-miżuri ta’ lockdown introduċew bidliet sinifikanti fl-istili ta’ ħajja fi żmien qasir, u naqqsu l-pressjonijiet fuq in-natura, u d-diġitalizzazzjoni tista’ toffri xi soluzzjonijiet. Bl-istess mod, azzjoni deċiżiva li tiskatta bidla fundamentali fis-sistemi ta’ produzzjoni u konsum tagħna tista’ tagħmel differenza reali.
L-ambizzjonijiet ta’ politika fit-tul tal-Ewropa huma identifikati fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-istrateġiji u l-pjanijiet ta’ azzjoni tiegħu. Id-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen mhux biss ikkonferma mill-ġdid l-impenn tal-Ewropa lejn dawn l-għanijiet iżda żied ukoll l-ambizzjonijiet klimatiċi. Dawn l-ambizzjonijiet għandhom jinkisbu permezz ta’ tranżizzjoni ġusta, li tqiegħed l-azzjoni fuq l-inugwaljanzi u l-ġustizzja soċjali fuq l-istess livell tal-objettivi klimatiċi.
Ix-xhur li ġejjin se jkunu kritiċi fid-definizzjoni tal-pjanijiet ta’ rkupru u investiment. Biex nikkontribwixxu għal dawn id-diskussjonijiet, qed norganizzaw sensiela ta’ dibattiti online, immirati biex iwasslu għarfien espert u riflessjonijiet lil udjenzi usa’.
Il-bidla se sseħħ b’xi mod jew ieħor. Jeħtieġ li niżguraw li kull deċiżjoni f’ din it-triq teħodna pass eqreb lejn is-sostenibbiltà.
Hans Bruyninckx
Direttur Eżekuttiv tal-EEA
Intervista ppubblikata fil-ħarġa ta’ Settembru tal-Bullettin tal-EEA 03/2020
For references, please go to https://eea.europa.eu./mt/articles/lejn-ewropa-2030-natura-reziljenti or scan the QR code.
PDF generated on 23 Nov 2024, 02:09 AM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn