All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Article
Iddeċidejna li niffukaw fuq l-avjazzjoni u t-trasport marittimu bħala parti mir-rapport TERM tagħna sabiex nitfgħu dawl fuq it-tipi ta’ problemi komuni li dawn iż-żewġ setturi joħolqu f’termini ta’ emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra u t-tniġġis tal-arja. L-attivitajiet tal-avjazzjoni, inklużi t-titjiriet iżda anki l-ajruporti nfushom, joħolqu firxa ta’ pressjonijiet negattivi fuq l-ambjent, inklużi l-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra, is-sustanzi li jniġġsu l-arja, it-tniġġis akustiku, id-domanda għall-ilma u l-ġenerazzjoni tal-iskart. Barra minn hekk, fl-UE l-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra mill-avjazzjoni internazzjonali żdiedu b’aktar mid-doppju mill-1990.
L-attivitajiet marittimi wkoll iwasslu għal emissjonijiet sinifikanti ta’ gassijiet b’effett ta’ serra u sustanzi li jniġġsu l-arja, kif ukoll tniġġis akustiku u tal-ilma. Jekk ma titteħidx azzjoni ulterjuri, l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu globali jistgħu jikkontribwixxu għal 17 % tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju kollha sal-2050. Filwaqt li l-emissjonijiet ta’ ċerti sustanzi li jniġġsu li jirriżultaw mit-trasport bit-triq naqsu b’mod ġenerali (iżda mhux id-diossidu tal-karbonju), l-emissjonijiet mill-avjazzjoni u mit-trasport marittimu qed ikomplu jiżdiedu. Sal-2050, l-avjazzjoni globali u t-trasport marittimu flimkien huma mistennija li jikkontribwixu għal kważi 40 % tal-emissjonijiet globali tad-diossidu tal-karbonju, sakemm ma jittiħdux aktar azzjonijiet ta’ mitigazzjoni. Dawn is-setturi ġew ivvalutati regolarment bħala parti mill-indikaturi TERM tagħna iżda biss bħala wieħed mis-subsetturi tat-trasport, u indirizzajna l-avjazzjoni fir-Rapport Ambjentali tal-Avjazzjoni Ewropea 2016. Għalhekk, din hija l-ewwel darba li qed nindirizzawhom b’mod speċifiku fir-rapport TERM tagħna.
Tul dawn l-aħħar snin osservajna l-globalizzazzjoni tal-kummerċ u kemm l-avjazzjoni kif ukoll it-trasport marittimu esperjenzaw tkabbir enormi. Dan wassal għal żieda kostanti fl-emissjonijiet. In-numru ta’ passiġġieri bl-arju fl-Ewropa u globalment, pereżempju, ittripplika mill-1990. Eżempju ieħor huwa aktar kummerċ ma’ ekonomiji emerġenti, li jirriżulta f’distanzi itwal tal-ivjaġġar. Rajna wkoll l-introduzzjoni ta’ titjiriet orħos għall-passiġġieri, bil-linji tal-ajru bi prezz baxx iżidu s-sehem tagħhom fis-suq. Dan l-iżvilupp huwa responsabbli minn ħafna miż-żieda reċenti fit-trasport tal-passiġġieri fl-Ewropa. Il-flotot tal-linji tal-ajru bi prezz baxx b’mod ġenerali huma aktar ġodda u aktar nodfa, iżda s-sehem tat-titjiriet totali rdoppja fuq perjodu ta’ għaxar snin.
Il-gvernijiet għandu jkollhom rwol ewlieni billi jappoġġjaw l-investiment fir-riċerka, fl-istandards tal-prodotti u fis-sussidji għal teknoloġiji emerġenti ġodda. Miżuri bħat-titjib fl-effiċjenza tal-fjuwil bl-introduzzjoni ta’ materjali eħfef jew għażliet tekniċi oħrajn mhux ser ikunu biżżejjed sabiex jintlaħqu l-miri Ewropej tal-emissjonijiet u s-sostenibbiltà. Il-pubbliku wkoll jista’ jagħmel il-parti tiegħu. Diġà qed naraw dibattitu dwar l-ivvjaġġar sostenibbli u l-imġiba tal-konsumatur, u dan jeħtieġ li jkompli jitrawwem. Dan jista’ jgħin sabiex iġib bidla fl-istili ta’ ħajja u l-modi ta’ trasport użati.
F’ċerti każijiet, jeżistu alternattivi għall-kombustjoni tal-fjuwils fossili jew saħansitra għall-magna ta' kombustjoni. Ejja nieħdu t-trasport marittimu bħala eżempju. Id-dgħajjes tal-port, li huma parti mis-sistema tat-trasport pubbliku f’Copenhagen, issa qed jaħdmu bil-bijofjuwils. Uħud mill-vapuri tat-traġitt fin-Norveġja, u f’pajjiżi oħrajn, diġà qed jużaw il-batteriji sabiex itejbu l-impronta ambjentali tagħhom. Il-bliet jistgħu jipprovdu infrastruttura għall-vapuri f’portijiet fejn ikun possibbli li jinkiseb l-elettriku minn fuq l-art biex dawn ikunu jistgħu jaqbdu mas-sistema bla ma jħallu l-magna mqabbda. Dan ma jwassalx biss għal tnaqqis fl-emissjonijiet, iżda jgħin ukoll sabiex tittejjeb il-kwalità tal-arja. B’kuntrast għal dan, għall-avjazzjoni, it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra mit-trasport bl-ajru jibqa’ waħda mill-isfidi l-aktar ibsin fis-settur tat-trasport. L-inġenji tal-ajru jidher li ser jibqgħu dipendenti mill-fjuwils fossili fil-futur prevedibbli u d-domanda għat-trasport bl-ajru hija mistennija li tkompla tikber.
Dan ir-rapport jgħin sabiex jiġu informati d-diskussjonijiet dwar il-politika f’livell Ewropew, nazzjonali u dak lokali dwar il-kwistjoni tal-emissjonijiet minn dawn iż-żewġ setturi. Minħabba n-natura globali tagħhom, l-emissjonijiet mill-avjazzjoni u mit-trasport marittimu huma fil-parti l-kbira regolati minn organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-IMO u l-ICAO. Madankollu, l-UE wkoll qed tieħu azzjoni. L-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mill-avjazzjoni ilhom inklużi fl-Iskema tal-UE għan-Negozjar tal-Emissjonijiet (ETS) minn Jannar 2012. Madankollu, dispożizzjoni “waqqaf l-arloġġ” bħalissa teskludi t-titjiriet minn u lejn pajjiżi li mhumiex membri taż-Żona Ekonomika Ewropea mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ETS sabiex tippermetti qbil globali dwar l-emissjonijiet mill-avjazzjoni. Bħala mod kif jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu l-arja fis-settur tat-trasport marittimu, ġew stabbiliti wkoll limiti għall-emissjonijiet tal-ossidu tal-kubrit f’żewġ Żoni ta’ Kontroll tal-Emissjonijiet dedikati fl-ilmijiet tal-UE. Wieħed fil-Baħar Baltiku u l-ieħor ikopri l-Baħar tat-Tramuntana, inkluż il-Kanal Ingliż. Sabiex jikkonformaw ma’ dawn il-limiti, l-operaturi jistgħu, pereżempju, jużaw fjuwil b’livell baxx ta’ kubrit, jinstallaw filtri fuq id-dgħajjes, jew jadottaw teknoloġiji alternattivi tal-fjuwil.
Fl-EEA ser inkomplu nimmonitorjaw mill-qrib l-emissjonijiet mis-setturi tal-avjazzjoni u t-trasport marittimu permezz tal-indikaturi aġġornati tagħna u rapporti u laqgħat ta’ tagħrif regolari.
Anke Lükewille
Esperta tal-EEA dwar it-tniġġis tal-arja
L-intervista ppubblikata fil-Bullettin tal-EEA, Ħarġa 2018/1, 15 ta’ Marzu 2018
For references, please go to https://eea.europa.eu./mt/articles/lenti-fuq-l-emissjonijiet-mill or scan the QR code.
PDF generated on 23 Nov 2024, 01:30 AM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn