li jmiss
preċedenti
punti

Article

Il-ġestjoni sostenibbli hija l-qofol għal foresti b'saħħithom fl-Ewropa

Biddel il-lingwa
Article Ippubblikat 18 Apr 2016 Mibdul l-aħħar 11 May 2021
Photo: © Juan Carlos Farias Pardo, Environment & Me /EEA
Il-foresti fl-Ewropa jipprovduna b'servizzi essenzjali: arja nadifa, ilma nadif, ħażna tal-karbonju naturali, injam, ikel u prodotti oħra. Huma l-kenn ta' ħafna speċi u ħabitats. Tkellimna dwar l-isfidi li jaffaċċjaw il-foresti ta’ l-Ewropa ma' Annemarie Bastrup-Birk, esperta tal-foresti u l-ambjent fl-Aġenzija Ewropea ta’ l-Ambjent.

Għaliex il-foresti huma daqshekk importanti għas-saħħa tal-ambjent tagħna?

Il-foresti jipprovdu ħafna servizzi vitali ta’ l-ekosistema għall-ambjent u l-klima. Pereżempju, jgħinu jirregolaw il-klima tagħna u jsostnu l-baċiri ta’ l-iskular, billi jipprovduna b'ilma nadif. Jgħinu jnaddfu l-arja li aħna nieħdu man-nifs. It-tkabbir fl-istokk tal-foresti jgħin jaqbad ammonti kbar ta' diossidu tal-karbonju mill-atmosfera. Jgħinu wkoll jippriżervaw u jipproteġu l-bijodiversità peress li ħafna speċi jgħixu u jiddependu mill-foresti. Huma riżors ekonomiku importanti wkoll, mhux biss għall-produzzjoni ta’ l-injam, iżda wkoll bħala riżorsi oħrajn użati għall-mediċini u prodotti oħrajn. Il-foresti għandhom rwoli importanti oħra għall-benesseri u r-rikreazzjoni tal-bniedem.

Fl-Ewropa, l-erja totali koperta mill-foresti fil-verità qed tiżdied, prinċipalment minħabba l-politiki tal-afforestazzjoni u l-konverżjoni ta' art agrikola abbandunata f'foresti. Il-foresti jkopru iktar minn 40% tas-superfiċje tal-art totali fi 33 pajjiż membru u sitt pajjiżi li qegħdin jikkooperaw tal-Aġenzija Ewropea ta’ l-Ambjent.

Madankollu, is-saħħa tal-foresti hija kwistjoni globali u l-erja totali tal-foresti qed tonqos fid-dinja. U l-Ewropej għandhom impatt fuq id-deforestazzjoni globali. Aħna nimportaw prodotti agrikoli, kif ukoll prodotti ta’ l-injam li huma l-kawżi prinċipali tad-deforestazzjoni globali li prinċipalment taffettwa l-foresti tropikali u boreali.

L-erja totali koperta mill-foresti mhix l-uniku indikatur li għandu jitqies.

Liema sfidi prinċipali jaffaċċjaw il-foresti fl-Ewropa?

Il-foresti fl-Ewropa jaffaċċjaw ħafna sfidi, inkluż it-telf tal-ħabitats u riskji ogħla relatati ma' speċi invażivi, tniġġiż u tibdil fil-klima. Iż-żieda ta’ l-użu mill-bnedmin għal diversi attivitajiet, il-kostruzzjoni tan-netwerks tat-trasport u l-espansjoni urbana qed jeżerċitaw pressjoni fuq il-foresti. Il-frammentazzjoni, meta foresti kbar jispiċċaw maqsumin f'ħafna rqajja' iżgħar li jkunu jinsabu bejn l-art agrikola jew l-iżvilupp urban, b'mod ċar taffettwa l-foresti u l-ispeċi dipendenti mill-foresti.

Dawn il-kwistjonijiet huma analizzati fir-rapport li jmiss tagħna dwar l-istat u x-xejriet ta’ l-ekosistemi tal-foresti tal-Ewropa, li sejjer jiġi ppubblikat iktar tard dan ix-xahar. Ir-rapport jikkonferma li rridu nipproteġu lill-foresti tagħna u niżguraw ġestjoni sostenibbli ta’ l-ekosistemi tal-foresti, mhux biss għall-produzzjoni ta’ l-injam, iżda wkoll meta nużaw il-foresti tagħna għal servizzi tal-ekosistema vitali oħrajn essenzjali għall-benesseri tagħna.

Għaliex huwa daqshekk importanti li nsostnu u nipproteġu lill-foresti tagħna?

Storikament, il-foresti huma l-ħabitat naturali għal partijiet kbar ta’ l-Ewropa u jipprovdu servizzi essenzjali għall-ambjent u l-benesseri tagħna. Huma rikki ħafna fir-rigward tal-bijodiversità u huma essenzjali għall-isforzi tagħna fis-sostenn ta’ l-ħabitats naturali fl-Ewropa.

Tul dawn l-aħħar snin, is-sensibilizzazzjoni lejn l-importanza tagħhom qed tikber f'diversi diskussjonijiet ta' politika, speċjalment issa bil-ftehim COP 21 ta' Pariġi, fejn il-foresti kienu parti integrali tat-taħdidiet dwar il-klima. Meta niġu għas-sekwestru tal-karbonju u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, il-foresti forsi huma l-uniku strument naturali li nistgħu niġġestixxu. Nistgħu nkabbruhom u naqtgħuhom. M'għandniex dan il-kontroll bl-oċeani pereżempju.

Sa liema punt it-tibdil fil-klima jhedded lill-foresti tagħna?

Nafu li se jitħalla impatt fuqhom, iżda ma nafux kif u sa liema punt eżattament. It-tibdil fil-klima jista' jkollu effetti kemm pożittivi kif ukoll negattivi. Jekk ikun hemm klima iktar sħuna, it-tkabbir tas-siġar probabbilment jiżdied u jista' jkun riżultat pożittiv fir-rigward tal-produzzjoni ta’ l-injam. Tista' taffettwa wkoll il-linja tas-siġar, li tista' timxi iktar ma’ l-altitudni u lejn it-tramuntana. Fl-istess ħin, il-foresti jistgħu jaffaċċjaw numru miżjud ta' theddid, fir-rigward ta' patoġeni, mard, pesti u speċi iktar invażivi.

Pereżempju, minħabba l-perjodi tar-rebbiegħa u s-sajf iktar sħan u xotti, il-ħanfusa ta’ l-injam Ewropea (European spruce bark beetle - Ips typographus) għandha perjodu ta' żvilupp iqsar u tkun kapaċi tipproduċi diversi drabi waqt l-istaġun u żżid in-numri tagħhom.

Il-bidliet fil-kundizzjonijiet tal-klima jistgħu jagħmlu l-foresti iktar vulnerabbli fost temp iktar estrem. Il-bidliet fit-tendenzi tax-xita (iktar xita jew iktar nixfa) jistgħu jirriżultaw f'li speċi ta' siġar eżistenti jiġu sostitwiti minn speċijiet oħrajn li huma iktar kapaċi li jgħixu u jifjorixxu fil-kundizzjonijiet klimatiċi l-ġodda.

Għalkemm il-biċċa l-kbira tan-nirien fil-foresti fl-Ewropa huma kkawżati minn nies, in-nixfiet estremi u l-kundizzjonijiet xotti jistgħu jżidu r-riskju ta' nar fil-foresti, speċjalment fin-nofsinhar ta’ l-Ewropa. U dawn in-nirien jistgħu jkunu devastanti għall-ekosistemi tal-foresti.

X'qed jagħmlu l-UE u ż-ŻEE biex jindirizzaw dawn l-isfidi?

Il-ġestjoni tal-foresti tibqa' responsabbiltà nazzjonali. Bħalissa qiegħed isir proċess Ewropew biex jiġu stabbiliti ċerti kriterji u linji gwida dwar kif l-aħjar nieħdu ħsieb il-foresti fl-Ewropa. Għalkemm m'hemm l-ebda politika dwar il-foresti ta’ l-UE, l-Unjoni Ewropea (UE) trid tappoġġja u timplimenta ġestjoni sostenibbli tal-foresti fl-Ewropa u tipproteġi u tippriżerva l-funzjonijiet multipli tal-foresti. Għal dan il-għan, l-UE adottat Strateġija dwar il-Foresti ġdida li ħarġet f'Settembru 2013. L-istrateġija tipprova tippromwovi koordinazzjoni aħjar bejn il-partijiet ikkonċernati kollha involuti.

L-Aġenzija tipproduċi valutazzjonijiet biex tikkontribwixxi għall-bażi ta’ l-għarfien dwar il-foresti ta’ l-Ewropa u tqajjem sensibilizzazzjoni lejn l-isfidi li jaffaċċjaw il-foresti, filwaqt li tidentifika prospetti futuri. Għal dan il-għan, aħna nikkollaboraw mill-qrib maċ-Ċentru tar-Riċerka Konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u ma’ l-Eurostat. Naħdmu wkoll ma' Copernicus, il-Programm Ewropew ta' Osservazzjoni tad-Dinja, li jidentifika foresti u tipi ta' foresti bħala parti mis-servizz tiegħu ta' monitoraġġ ta’ l-art. Barra minn hekk, nikkoordinaw mal-aġenziji tan-NU u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra biex nikkondividu d-data. Permezz tal-imsieħba u l-ħila esperta ambjentali estensiva tagħna, aħna nistgħu norbtu l-foresti ma' kwistjonijiet ambjentali oħrajn, bħall-klima, l-agrikoltura, it-trasport u l-bijodiversità u għalhekk nifformulaw fehim komprensiv u aħjar tal-pressjonijiet ta’ l-ekosistemi tal-foresti.

Annemarie Bastrup-Birk

Intervista ppubblikata fil-Bulettin taż-ŻEE edizzjoni 1/2016, datata Marzu 2016

Permalinks

Geographic coverage

Temporal coverage

Tags

Filed under:
Filed under: forests
Dokument ta’ Azzjonijiet