All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
News
It-tniġġis tal-arja huwa qattiel inviżibbli u jeħtieġ li nżidu l-isforzi tagħna biex nindirizzaw il-kawżi tiegħu. F’termini ta’ tniġġis tal-arja, l-emissjonijiet tat-trasport bit-triq spiss ikunu ta’ aktar ħsara minn dawk minn sorsi oħra, minħabba li dawn iseħħu fil-livell troposferiku u hemm tendenza li jseħħu fi bliet, qrib in-nies. Għalhekk huwa importanti ħafna li l-Ewropa tirdoppja l-isforzi tagħha biex tnaqqas l-emissjonijiet ikkawżati mit-trasport, mill-enerġija u mill-agrikoltura u tinvesti biex tagħmilhom aktar nodfa u sostenibbli. Billi nindirizzaw dawn is-setturi b’mod integrat jista’ jwassal benefiċċji ċari kemm għall-kwalità tal-arja kif ukoll għall-klima, u se jgħin biex itejjeb is-saħħa u l-benesseri tagħna.
Hans Bruyninckx, id-Direttur Eżekuttiv tal-EEA,
It-trasport bit-triq huwa wieħed mis-sorsi Ewropej ewlenin tat-tniġġis tal-arja, speċjalment ta’ sustanzi niġġiesa li jagħmlu ħsara bħad-diossidu tan-nitroġenu u bħall-materja partikolata, skont l-“Air quality in Europe — 2018 report” (Il-kwalità tal-arja fl-Ewropa — rapport tal-2018) tal-EEA. L-emissjonijiet mill-agrikoltura, mill-produzzjoni tal-enerġija, mill-industrija u mill-unitajiet domestiċi wkoll qed jikkontribwixxu għat-tniġġis tal-arja. Ir-rapport jippreżenta l-aktar data riċenti dwar il-kwalità tal-arja rrappurtata minn aktar minn 2,500 stazzjon ta’ monitoraġġ madwar l-Ewropa fl-2016.
Il-materja partikolata (PM), id-diossidu tan-nitroġenu (NO2) u l-ożonu troposferiku (O3) jikkawżaw l-akbar ħsara lis-saħħa tal-bniedem. Il-konċentrazzjonijiet għoljin ta’ tniġġis tal-arja baqgħu jkollhom impatt negattiv fuq l-Ewropej, speċjalment fuq dawk li jgħixu f’żoni urbani. Barra minn hekk, it-tniġġis tal-arja għandu impatti ekonomiċi konsiderevoli, billi naqqas l-għomor, iżid l-ispejjeż mediċi u jnaqqas il-produttività fl-ekonomija kollha permezz ta’ ġranet ta’ xogħol mitlufa minħabba problemi ta’ saħħa. It-tniġġis tal-arja jaffettwa wkoll b’mod negattiv lill-ekosistemi, jagħmel ħsara lill-ħamrija, lill-foresti, lill-lagi u lix-xmajjar, filwaqt li jnaqqas ir-rendiment agrikoli.
Politiki tal-passat u attwali, kif ukoll avvanzi teknoloġiċi wasslu għal progress bil-mod iżda kostanti fit-tnaqqis ta’ dawn l-impatti negattivi. Stimi aġġornati fir-rapport jindikaw li fl-2015, l-konċentrazzjonijiet ta’ PM2.5 kienu responsabbli għal madwar 422 000 mewta prematura f’41 pajjiż Ewropew, li minnhom 391,000 seħħew fit-28 Stat Membru tal-UE. Valutazzjoni usa’ inkluża fir-rapport ta’ din is-sena, u li tħares lura lejn l-1990, turi li l-imwiet prematuri kkawżar mill-PM2.5 naqsu b’madwar nofs miljun mewta prematura kull sena. Dan minħabba l-implimentazzjoni tal-politiki Ewropej dwar il-kwalità tal-arja u l-introduzzjoni ta’ miżuri fil-livelli lokali u nazzjonali li wasslu, per eżempju, għal karozzi, industrija u produzzjoni ta’ enerġija aktar nodfa.
Il-Materja Partikolata: Għall-PM2.5 (partikuli b’dijametru ta’ 2.5 mikrometri jew anqas), il-perċentwal tal-popolazzjoni urbana tal-UE-28 esposta għall-PM2.5 kien ta’ 6 % fl-2016, kontra 7 % is-sena ta’ qabel. Madankollu, madwar 74 % tal-popolazzjoni urbana tal-UE kienet esposta għal konċentrazzjonijiet li jaqbżu l-linji gwida aktar stretti tal-WHO. Fl-2015, l-esponiment għall-PM2.5 ikkawża mwiet prematuri ta’ madwar 422,000 persuna f’41 pajjiż Ewropew.
Id-Diossidu tan-nitroġenu: Il-valur ta’ limitu annwali għad-NO2 ikompli jinqabeż fl-Ewropa kollha. Fl-2016, 7 % mill-popolazzjoni urbana tal-UE-28 għexet f’żoni b’konċentrazzjonijiet ogħla mill-valur ta’ limitu annwali tal-UE u l-linji gwida tad-WHO. Dan huwa nqas mid-9 % fl-2015. Fl-2015, l-esponiment għad-NO2 ikkawża mewta prematura ta’ madwar 79,000 persuna f’41 pajjiż Ewropew.
L-Ożonu troposferiku: Madwar 12 % tal-popolazzjoni urbana tal-UE-28 kienet esposta għal livelli ta’ O3 ogħla mill-valur immirat tal-UE fl-2016, li huwa tnaqqis konsiderevoli mill-2015 (30 %). Madanakollu, il-perċentwal għadu saħansitra ogħla mis-7 % irreġistrat fl-2014. Madwar 98 % kienu esposti għall-livelli li jaqbżu l-linji gwida aktar stretti tad-WHO. Fl-2015, l-esponiment għall-ożonu kkawża mewta prematura ta’ madwar 17,700 persuna f’41 pajjiż Ewropew.
Briefing ippubblikat illum ukoll msemmi l-“EEA’s health risk assessments of air pollution,” (Valutazzjonijiet tar-riskji għas-saħħa tal-EEA tat-tniġġis tal-arja) (LINK) jipprovdi ħarsa ġenerali dettaljata lejn kif l-EEA tikkalkula l-istimi tas-saħħa dwar il-kwalità tal-arja annwali tagħha li jikkwantifikaw l-impatti tat-tniġġis tal-arja fuq is-saħħa tal-popolazzjoni.
L-impatti tal-esponiment għat-tniġġis tal-arja fuq is-saħħa huma diversi, li jvarjaw minn infjammazzjoni tal-pulmuni għall-imwiet prematuri. Fil-każ tal-valutazzjoni tar-riskju għas-saħħa mwettqa mill-EEA, il-mortalità tintgħażel bħala l-eżitu tas-saħħa li huwa kwantifikat, minħabba li hija dik li għaliha l-evidenza hija l-aktar robusta. Il-mortalità minħabba l-esponiment għat-tniġġis tal-arja hija stmata f’termini ta’ “mwiet prematuri” u “snin ta’ ħajja mitlufa”. L-impatti fuq is-saħħa stmati fir-rapport dwar il-kwalità tal-arja tal-EEA huma dawk attribwibbli għall-esponiment għall-PM2.5, għad-NO2 u għall-O3 fl-Ewropa fl-2015. Dawn l-istimi huma bbażati fuq informazzjoni dwar it-tniġġis tal-arja, data demografika u r-relazzjoni bejn l-esponiment għall-konċentrazzjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa u eżiti tas-saħħa speċifikati. L-istimi jipprovdu kejl tal-impatt ġenerali tat-tniġġis tal-arja fuq popolazzjoni partikolari u pereżempju, ma jistgħux jiġu assenjati lil individwi li jgħixu f’lokazzjoni ġeografika speċifika.
Nota dwar stimi ta’ mwiet prematuri
L-impatti stmati għas-sustanzi niġġiesa differenti ma jistgħux sempliċiment jiġu miżjuda biex jiddeterminaw l-impatt totali stmat fuq is-saħħa attribwibbli għall-esponiment. Pereżempju, minħabba li l-konċentrazzjonijiet tal-PM2.5u d-NO2 huma korrelatati (u xi drabi b’mod qawwi), l-impatti stmati għal dawn ma jistgħux jiġu aggregati. Jekk dan isir, jista’ jwassal għal għadd doppju.
For references, please go to https://eea.europa.eu./mt/highlights/it-tniggis-tal-arja-ghadu or scan the QR code.
PDF generated on 23 Nov 2024, 01:46 AM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn