All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
News
Il-progress lejn is-sitt miri ta’ “tniġġis żero” huwa mħallat. It-tniġġis qed jonqos mill-pestiċidi, l-antimikrobiċi u l-iskart fil-baħar. Ma sarx ħafna progress għat-tniġġis mill-istorbju, min-nutrijenti u mill-iskart. Min-naħa l-oħra, ir-rati ġeneralment għoljin ta’ konformità mal-istandards tal-UE dwar it-tniġġis tal-ilma tax-xorb u tal-għawm (> 99 % u > 93 % rispettivament) huma inkoraġġanti. Għall-2030, nistgħu niksbu l-biċċa l-kbira tal-miri jekk isiru sforzi addizzjonali.
Madankollu, il-livelli attwali tat-tniġġis għadhom għoljin wisq: aktar minn 10 % tal-imwiet prematuri fl-UE kull sena għadhom relatati mat-tniġġis ambjentali. Dan huwa prinċipalment minħabba t-tniġġis tal-arja, iżda wkoll minħabba t-tniġġis akustiku u l-esponiment għas-sustanzi kimiċi, li x’aktarx jiġi sottovalutat. It-tniġġis jagħmel ħsara b’mod simili lill-bijodiversità. Hemm differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri, b’livelli ta’ mwiet prematuri madwar 5-6% fit-Tramuntana u 12-14% fin-Nofsinhar u fil-Lvant tal-Ewropa.
Sa issa, il-Kummissjoni wettqet jew avvanzat fuq it-33 azzjoni kollha mħabbra fil-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero tal-2021. Sabiex ikollhom impatt, ir-rapport tal-Kummissjoni jappella għal ftehim u adozzjoni rapidi tal-proposti leġiżlattivi, u l-implimentazzjoni mtejba ta’ dawk eżistenti fil-livell lokali, nazzjonali u transfruntier. B’mod partikolari, hija ssib li jekk l-UE timplimenta l-miżuri rilevanti kollha proposti mill-Kummissjoni, l-għadd ta’ mwiet prematuri minħabba t-tniġġis tal-arja jonqos sa 66% fl-2030 meta mqabbel mal-2005, bil-benefiċċji ta’ miżuri għal arja nadifa jisbqu l-kostijiet u jwasslu għal żidiet ġenerali fil-PDG. Ir-rapport jindika wkoll l-importanza tal-promozzjoni ta’ inizjattivi globali u l-appoġġ lill-pajjiżi terzi fl-isforzi tagħhom lejn it-tnaqqis tat-tniġġis.
Il-Viċi President Eżekuttiv għall-Patt Ekoloġiku Ewropew Frans Timmermans qal:
“Għal darb’ oħra l-evidenza ppreżentata llum turina li l-benefiċċji ta’ azzjoni għal arja, ilma u ħamrija nodfa huma ferm akbar mill-investiment. Dan huwa wkoll dak li jridu ċ-ċittadini, peress li aktar minn 80% huma mħassba dwar il-problemi tas-saħħa u ambjentali kkawżati mit-tniġġis”.
Il-Kummissarju għall-Ambjent, l-Oċeani u s-Sajd Virginijus Sinkevičius, sostna li:
“Illum qed nippreżentaw evidenza konvinċenti dwar ir-riżultati ta’ azzjoni ambizzjuża biex jitnaqqas it-tniġġis. Ir-rapporti juru li l-ambizzjoni tal-UE ta’ tniġġis żero hija realistika u possibbli, iżda biss jekk inħaffu l-adozzjoni ta’ proposti leġiżlattivi marbuta mat-tniġġis, u nżidu l-implimentazzjoni tal-liġijiet eżistenti tal-UE dwar it-tniġġis. Nittama wkoll li r-rapporti tal-lum jgħinu biex jikkonvinċu lis-sħab globali tagħna biex jaqblu dwar miri ugwalment ambizzjużi fil-kuntest tan-negozjati li ġejjin tal-COP15 dwar il-bijodiversità”.
Id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent Hans Bruyninckx żied jgħid li:
L-ewwel rapport ta’ monitoraġġ tal-EEA dwar it-tniġġis żero juri li l-Ewropa qed tagħmel progress fit-tnaqqis u l-prevenzjoni tat-tniġġis f’oqsma ewlenin, bħall-arja, l-ilma għall-għawm u l-ilma tax-xorb, u qed tuża pestiċidi inqas perikolużi. Iżda, biex inwettqu l-viżjoni tagħna tal-2050, neħtieġu progress fit-tnaqqis tan-nutrijenti żejda fl-ambjent u l-impatti tal-istorbju u tas-sustanzi kimiċi fuq is-saħħa, u fl-identifikazzjoni ta’ kwistjonijiet emerġenti aktar kmieni.
Ara r-rapport web tal-EEA tal-valutazzjoni dwar il-monitoraġġ ta’ tniġġis żero.
Il-valutazzjoni tal-monitoraġġ tal-EEA turi stampa mħallta
Ir-rapport tal-lum mill-Kummissjoni Ewropea huwa appoġġat minn analiżi fil-fond mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għall-parti ta’ monitoraġġ, u jinkludi kontribut miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka għall-parti ta’ prospettiva. Il-valutazzjoni bbażata fuq il-web ta’
, mħejjija mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, tipprovdi valutazzjoni trasversali dwar it-tniġġis iffukata fuq it-temi tal-produzzjoni u l-konsum, is-saħħa u l-ekosistemi.It-tniġġis huwa l-akbar kawża ambjentali ta’ diversi mard mentali u fiżiku, u ta’ mwiet prematuri, speċjalment fost it-tfal, persuni b’ċerti kundizzjonijiet mediċi u l-anzjani. It-tniġġis huwa wkoll wieħed mill-ħames theddidiet ewlenin għall-bijodiversità.
Skont il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero, il-Kummissjoni nediet disa’ inizjattivi ewlenin u 33 azzjoni ddedikata għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tat-tniġġis, l-aktar reċenti, il-pakkett ta’ tniġġis żero għal arja u ilma aktar nodfa.
Ir-rapporti kollha se jiġu diskussi fil-Konferenza tal-Partijiet Interessati li jmiss dwar it-Tniġġis Żero fl-14 ta’ Diċembru 2022.
l-valutazzjoni tal-monitoraġġ u tal-prospettiva sservi bħala linja bażi għal rieżamijiet futuri tal-progress li l-EEA se twettaq, u dik li jmiss se tkun skedata għall-2024, biex tappoġġa lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri fl-ilħuq tal-miri. Se tinforma wkoll il-politiki futuri mfassla biex jappoġġaw l-ambizzjoni ta’ tniġġis żero — biex jitnaqqas it-tniġġis sal-punt li ma jibqax jippreżenta riskju għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent sal-2050.
For references, please go to https://eea.europa.eu./mt/highlights/tniggis-zero-il-miri-ghall or scan the QR code.
PDF generated on 23 Nov 2024, 01:30 AM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn