All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Press Release
It-tibdil fil-klima huwa realtà madwar id-dinja, u l-kobor u r-rata li biha qiegħed isir dan it-tibdil qegħdin isiru dejjem aktar evidenti. Dan ifisser li kull parti tal-ekonomija, inklużi l-familji, jeħtieġu li jaddattaw kif ukoll inaqqsu l-emissjonijiet.
Jacqueline McGlade, id-Direttur Eżekuttiv tal-EEA
Ir-rapport, ‘It-tibdil fil-klima, impatti u vulnerabbiltà fl-Ewropa 2012’ jsib li kienu osservati temperaturi medji aktar għoljin tul l-Ewropa kif ukoll preċipitazzjoni dejjem tonqos fir-reġjuni fin-nofsinhar u preċipitazzjoni dejjem tiżdied fl-Ewropa ta’ fuq. Il-krosta tas-silġ tal-Groenlandja, is-silġ fil-baħar Artiku u ħafna glaċieri tul l-Ewropa qegħdin idubu, is-silġ naqas u ħafna mill-ħamrija ffriżata b’mod permanenti, saħnet.
Fenomeni metereoloġiċi estremi bħal perjodi ta’ sħana kbira, għarar u nixfa kkawżaw spejjeż ta’ ħsarat dejjem jiżdiedu tul l-Ewropa fis-snin reċenti. Filwaqt li hija meħtieġa aktar evidenza biex wieħed jifhem il-parti li għandu t-tibdil fil-klima f’din ix-xejra, l-attività tal-bniedem dejjem tiżdied f’żoni b’tendenza għall-perikolu kienet fattur primarju. It-tibdil tal-klima fil-ġejjieni hu mistenni jżid ma’ din il-vulnerabbiltà, hekk kif fenomeni metereoloġiċi estremi huma mistennija jsiru iktar intensi u frekwenti. Jekk is-soċjetajiet Ewropej ma jaddattawx, l-ispejjeż tal-ħsarat huma mistennija jibqgħu jiżdiedu, skont ir-rapport.
Xi reġjuni ser ikunu inqas jistgħu jaddattaw għat-tibdil fil-klima minn oħrajn, parzjalment minħabba disparitajiet ekonomiċi tul l-Ewropa, jgħid ir-rapport. L-effetti tat-tibdil fil-klima jistgħu ikomplu jżidu dawn id-differenzi.
Jacqueline McGlade, id-Direttur Eżekuttiv tal-EEA qalet li t-: “It-tibdil fil-klima huwa realtà madwar id-dinja, u l-kobor u r-rata li biha qiegħed isir dan it-tibdil qegħdin isiru dejjem aktar evidenti. Dan ifisser li kull parti tal-ekonomija, inklużi l-familji, jeħtieġu li jaddattaw kif ukoll inaqqsu l-emissjonijiet.”
L-aħħar deċennju (2002–2011) kien l-iktar sħun irreġistrat fl-Ewropa, bit-temperatura Ewropea fuq l-art 1.3° C iktar sħuna mill-medja pre-industrijali. Diversi mudelli ta’ tbassir juru li l-Ewropa tista’ tkun minn 2.5–4° C iktar sħuna fl-aħħar parti tas-seklu 21, meta mqabbla mal-medja 1961–1990.
Perjodi ta’ sħana kbira żdiedu fil-frekwenza u fit-tul, u dawn ikkawżaw egħxieren ta’ eluf ta’ mwiet tul l-aħħar deċennju. Iż-żieda mbassra f’perjodi ta’ sħana kbira tista’ żżid l-għadd ta’ mwiet relatat fid-deċennji li jmiss, sakemm is-soċjetajiet ma jadattawx, jgħid ir-rapport. Madankollu, l-imwiet ikkawżat mill-bard huwa mbassar li ser jonqos f’ħafna pajjiżi.
Filwaqt li l-preċipitazzjoni qiegħda tonqos fir-reġjuni tan-nofsinhar, qiegħda tiżdied fl-Ewropa ta’ fuq, jgħid ir-rapport. Dawn ix-xejriet huwa mbassar li ser ikomplu. It-tibdil fil-klima huwa maħsub li ser iżid l-għarar tax-xmajjar, partikolarment fl-Ewropa ta’ fuq, hekk kif temperaturi aktar għoljin jintensifikaw iċ-ċiklu tal-ilma. Madankollu, huwa diffiċli li wieħed jifhem l-influwenza tat-tibdil fil-klima minn rekords ta’ dejta dwar għarar fl-imgħoddi.
In-nixfa tax-xmajjar jidher li saret aktar serja u frekwenti fl-Ewropa t’isfel. Il-flussi minimi tax-xmajjar huwa mbassar li ser jonqsu b’mod sinifikanti fis-sajf fl-Ewropa t’isfel iżda wkoll f’ħafna partijiet oħra tal-Ewropa fi gradi differenti.
L-Artiku qiegħed jisħon aktar malajr minn reġjuni oħra. Rekord tal-inqas silġ fil-baħar kien osservat fl-Artiku fl-2007, fl-2011 u fl-2012, fejn waqa’ għal madwar nofs l-inqas punt li deher fih fl-1980. It-tidwib tal-krosta tas-silġ tal-Groenlandja rdoppja mill-1990, fejn naqsu medja ta’ 250 biljun tunnellata metrika ta’ massa kull sena bejn l-2005 u l-2009. Il-Glaċieri fl-Alpi tilfu bejn wieħed u ieħor żewġ terzi mill-volum tagħhom mill-1850 u dawn ix-xejriet huwa mbassar li ser ikomplu.
Il-livelli tal-baħar qegħdin jiżdiedu, u dan żied ir-riskju ta’ għarar fuq il-kosta matul avvenimenti ta’ maltemp. Il-livell medju tal-baħar fid-dinja ogħla b’ 1.7mm fis-sena fis-seklu 20, u bi 3mm fis-sena f’deċennji reċenti. It-tbassir għall-ġejjieni jvarja ħafna, iżda huwa probabbli li ż-żieda fil-livell tal-baħar fis-seklu 21 tkun akbar minn dik matul is-seklu 20. Madankollu iż-żieda fil-livell tal-baħar fil-kosti Ewropej tvarja, per eżempju minħabba ċaqliq fl-art.
Minbarra impatti fuq is-saħħa, relatati mas-sħana, huma mportanti wkoll effetti oħra fuq is-saħħa tal-bniedem, jgħid ir-rapport. It-tibdil fil-klima għandu parti fit-tixrid ta’ ċertu mard. Pereżempju, jippermetti li l-ispeċje tal-qurdien Ixodes ricinus jgħix anke iżjed ’il fuq fit-tramuntana, filwaqt li aktar sħana tista’ tagħmel xi partijiet tal-Ewropa aktar adattati għal nemus u sandflies li jġorru magħhom il-mard. L-istaġun tal-għabra tad-dakra huwa itwal u jasal 10 ijiem aktar kmieni minn 50 sena ilu, u dan ukoll jaffettwa s-saħħa tal-bniedem.
Ħafna studji kejlu bidliet ġenerali f’karatteristiċi tal-pjanti u tal-annimali. Pereżempju, l-pjanti qegħdin jagħmlu l-fjuri aktar kmieni fis-sena, filwaqt li fil-fitoplankton u fiż-żooplankton tal-ilma ħelu l-inwar ukoll qegħdin jidhru qabel. Annimali u pjanti oħrajn qegħdin jimxu lejn it-tramuntana jew aktar ’il fuq hekk kif il-ħabitat tagħhom qed jisħon. Minħabba li r-rata ta’ migrazzjoni ta’ ħafna speċijiet hija insuffiċjenti biex iżżomm mal-veloċità tat-tibdil fil-klima, dawn jistgħu fil-ġejjieni jispiċċaw estinti.
Filwaqt li jista’ jkun hemm inqas ilma disponibbli għall-agrikoltura fl-Ewropa t’isfel, il-kondizzjonijiet tat-tkabbir jistgħu jitjiebu f’żoni oħra. L-istaġun tat-tkabbir twal għal diversi għelejjel fl-Ewropa u dan huwa pproġettat li jkompli, flimkien mal-espansjoni ta’ għelejjel tal-istaġun tas-sħana f’latitudnijiet aktar fit-tramuntana. Madankollu, ir-rendiment huwa mbassar li jonqos għal xi għelejjel minħabba perjodi ta’ sħana kbira u nixfa fl-Ewropa ċentrali u t’isfel.
Hekk kif it-temperaturi jogħlew, id-domanda għas-sħana naqset ukoll, b’inqas konsum tal-enerġija. Madankollu dan għandu jiġi bbilanċjat kontra d-domanda akbar ta’ enerġija biex tkessaħ matul is-sjuf aktar sħan.
Ir-rapport huwa maħsub biex juri bl-aktar mod komplet l-impatti tat-tibdil fil-klima tul l-Ewropa, u jinforma wkoll l-Istrateġija tal-Adattament Ewropew tal-Kummissjoni Ewropea li għandha tiġi ppubblikata f’Marzu 2013. Barra minn hekk, l-EEA ser issostni l-istrateġija b’valutazzjoni ta’ għażla ta’ azzjonijiet ta’ adattament tul l-Ewropa, li għandha tiġi ppubblikata kmieni fl-2013.
Il-websajt Climate-ADAPT jinkludi ammont kbir ta’ informazzjoni maħsuba biex tassisti fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta’ adattamenti għat-tibdil fil-klima.
For references, please go to https://eea.europa.eu./mt/pressroom/newsreleases/evidenza-ta2019-tibdil-fil-klima or scan the QR code.
PDF generated on 22 Nov 2024, 06:29 PM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn