li jmiss
preċedenti
punti

Press Release

Evidenza ta’ tibdil fil-klima fl-Ewropa tikkonferma ħtieġa urġenti għal addattament

Biddel il-lingwa
Press Release Ippubblikat 20 Nov 2012 Mibdul l-aħħar 16 Dec 2016
Photo: © istockphoto
It-tibdil fi-klima qiegħed jaffettwa r-reġjuni kollha fl-Ewropa, u jikkawża firxa wiesgħa ta’ impatti fuq is-soċjetà u fuq l-ambjent. Huma mistennija aktar impatti fil-ġejjieni, li ser jikkawżaw potenzjalment spejjeż kbar ta’ ħsara, skont l-aħħar valutazzjoni ppubblikata llum mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.

It-tibdil fil-klima huwa realtà madwar id-dinja, u l-kobor u r-rata li biha qiegħed isir dan it-tibdil qegħdin isiru dejjem aktar evidenti. Dan ifisser li kull parti tal-ekonomija, inklużi l-familji, jeħtieġu li jaddattaw kif ukoll inaqqsu l-emissjonijiet.

Jacqueline McGlade, id-Direttur Eżekuttiv tal-EEA

Ir-rapport, ‘It-tibdil fil-klima, impatti u vulnerabbiltà fl-Ewropa 2012’ jsib li kienu osservati temperaturi medji aktar għoljin tul l-Ewropa kif ukoll preċipitazzjoni dejjem tonqos fir-reġjuni fin-nofsinhar u preċipitazzjoni dejjem tiżdied fl-Ewropa ta’ fuq. Il-krosta tas-silġ tal-Groenlandja, is-silġ fil-baħar Artiku u ħafna  glaċieri tul l-Ewropa qegħdin idubu, is-silġ naqas u ħafna mill-ħamrija ffriżata b’mod permanenti, saħnet.   

Fenomeni metereoloġiċi estremi bħal perjodi ta’ sħana kbira, għarar u nixfa kkawżaw spejjeż ta’ ħsarat dejjem jiżdiedu tul l-Ewropa fis-snin reċenti. Filwaqt li hija meħtieġa aktar evidenza biex wieħed jifhem il-parti li għandu t-tibdil fil-klima f’din ix-xejra, l-attività tal-bniedem dejjem tiżdied f’żoni b’tendenza għall-perikolu kienet fattur primarju. It-tibdil tal-klima fil-ġejjieni hu mistenni jżid ma’ din il-vulnerabbiltà, hekk kif fenomeni metereoloġiċi estremi huma mistennija jsiru iktar intensi u frekwenti. Jekk is-soċjetajiet Ewropej ma jaddattawx, l-ispejjeż tal-ħsarat huma mistennija jibqgħu jiżdiedu, skont ir-rapport.

Xi reġjuni ser ikunu inqas jistgħu jaddattaw għat-tibdil fil-klima minn oħrajn, parzjalment minħabba  disparitajiet ekonomiċi tul l-Ewropa, jgħid ir-rapport. L-effetti tat-tibdil fil-klima jistgħu ikomplu jżidu dawn id-differenzi.

Jacqueline McGlade, id-Direttur Eżekuttiv tal-EEA qalet li t-: “It-tibdil fil-klima huwa realtà madwar id-dinja, u l-kobor u r-rata li biha qiegħed isir dan it-tibdil qegħdin isiru dejjem aktar evidenti. Dan ifisser li kull parti tal-ekonomija, inklużi l-familji, jeħtieġu li jaddattaw kif ukoll inaqqsu l-emissjonijiet.”

Tibdil osservat fil-klima u tbassir għall-ġejjieni – xi wħud mill-fatti ewlenin

L-aħħar deċennju (2002–2011) kien l-iktar sħun irreġistrat fl-Ewropa, bit-temperatura Ewropea fuq l-art 1.3° C iktar sħuna mill-medja pre-industrijali. Diversi mudelli ta’ tbassir juru li l-Ewropa tista’ tkun minn 2.5–4° C iktar sħuna fl-aħħar parti tas-seklu 21, meta mqabbla mal-medja 1961–1990.

Perjodi ta’ sħana kbira żdiedu fil-frekwenza u fit-tul, u dawn ikkawżaw egħxieren ta’ eluf ta’ mwiet tul l-aħħar deċennju. Iż­-żieda mbassra f’perjodi ta’ sħana kbira tista’ żżid l-għadd ta’ mwiet relatat fid-deċennji li jmiss, sakemm is-soċjetajiet ma jadattawx, jgħid ir-rapport. Madankollu, l-imwiet ikkawżat mill-bard huwa mbassar li ser jonqos f’ħafna pajjiżi.  

Filwaqt li l-preċipitazzjoni qiegħda tonqos fir-reġjuni tan-nofsinhar, qiegħda tiżdied fl-Ewropa ta’ fuq, jgħid ir-rapport. Dawn ix-xejriet huwa mbassar li ser ikomplu. It-tibdil fil-klima huwa maħsub li ser iżid l-għarar tax-xmajjar, partikolarment fl-Ewropa ta’ fuq, hekk kif temperaturi aktar għoljin jintensifikaw iċ-ċiklu tal-ilma. Madankollu, huwa diffiċli li wieħed jifhem l-influwenza tat-tibdil fil-klima minn rekords ta’ dejta dwar għarar fl-imgħoddi. 

In-nixfa tax-xmajjar jidher li saret aktar serja u frekwenti fl-Ewropa t’isfel. Il-flussi minimi tax-xmajjar huwa mbassar li ser jonqsu b’mod sinifikanti fis-sajf fl-Ewropa t’isfel iżda wkoll f’ħafna partijiet oħra tal-Ewropa fi gradi differenti.

L-Artiku qiegħed jisħon aktar malajr minn reġjuni oħra. Rekord tal-inqas silġ fil-baħar kien osservat fl-Artiku fl-2007, fl-2011 u fl-2012, fejn waqa’ għal madwar nofs l-inqas punt li deher fih fl-1980. It-tidwib tal-krosta tas-silġ tal-Groenlandja rdoppja mill-1990,  fejn naqsu medja ta’ 250 biljun tunnellata metrika ta’ massa kull sena bejn l-2005 u l-2009. Il-Glaċieri  fl-Alpi tilfu bejn wieħed u ieħor żewġ terzi mill-volum tagħhom mill-1850 u dawn ix-xejriet huwa mbassar li ser ikomplu.

Il-livelli tal-baħar qegħdin jiżdiedu, u dan żied ir-riskju ta’ għarar fuq il-kosta matul avvenimenti ta’ maltemp. Il-livell medju tal-baħar fid-dinja ogħla b’ 1.7mm fis-sena fis-seklu 20, u bi 3mm fis-sena f’deċennji reċenti. It-tbassir għall-ġejjieni jvarja ħafna, iżda huwa probabbli li ż-żieda fil-livell tal-baħar fis-seklu 21 tkun akbar minn dik matul is-seklu 20. Madankollu iż-żieda fil-livell tal-baħar fil-kosti Ewropej tvarja, per eżempju minħabba ċaqliq fl-art.

Minbarra impatti fuq is-saħħa, relatati mas-sħana, huma mportanti wkoll effetti oħra fuq is-saħħa tal-bniedem, jgħid ir-rapport. It-tibdil fil-klima għandu parti fit-tixrid ta’ ċertu mard. Pereżempju, jippermetti li l-ispeċje tal-qurdien Ixodes ricinus jgħix anke iżjed ’il fuq fit-tramuntana, filwaqt li aktar sħana tista’ tagħmel xi partijiet tal-Ewropa aktar adattati għal nemus u sandflies li jġorru magħhom il-mard. L-istaġun tal-għabra tad-dakra huwa itwal u jasal 10 ijiem aktar kmieni minn 50 sena ilu, u dan ukoll jaffettwa s-saħħa tal-bniedem. 

Ħafna studji kejlu bidliet ġenerali f’karatteristiċi tal-pjanti u tal-annimali. Pereżempju, l-pjanti qegħdin jagħmlu l-fjuri aktar kmieni fis-sena, filwaqt li fil-fitoplankton u fiż-żooplankton tal-ilma ħelu l-inwar ukoll qegħdin jidhru qabel. Annimali u pjanti oħrajn qegħdin jimxu lejn it-tramuntana jew aktar ’il fuq hekk kif il-ħabitat tagħhom qed jisħon. Minħabba li r-rata ta’ migrazzjoni ta’ ħafna speċijiet hija insuffiċjenti biex iżżomm mal-veloċità tat-tibdil fil-klima, dawn jistgħu fil-ġejjieni jispiċċaw estinti.

Filwaqt li jista’ jkun hemm inqas ilma disponibbli għall-agrikoltura  fl-Ewropa t’isfel, il-kondizzjonijiet tat-tkabbir jistgħu jitjiebu f’żoni oħra. L-istaġun tat-tkabbir twal għal diversi għelejjel fl-Ewropa u dan huwa pproġettat li jkompli, flimkien mal-espansjoni ta’ għelejjel tal-istaġun tas-sħana f’latitudnijiet aktar fit-tramuntana. Madankollu, ir-rendiment huwa mbassar li jonqos għal xi għelejjel minħabba perjodi ta’ sħana kbira u nixfa fl-Ewropa ċentrali u t’isfel.

Hekk kif it-temperaturi jogħlew, id-domanda għas-sħana  naqset ukoll, b’inqas konsum tal-enerġija. Madankollu dan għandu jiġi bbilanċjat kontra d-domanda akbar ta’ enerġija biex tkessaħ matul is-sjuf aktar sħan.

Sfond

Ir-rapport huwa maħsub biex juri bl-aktar mod komplet l-impatti tat-tibdil fil-klima tul l-Ewropa, u jinforma wkoll l-Istrateġija tal-Adattament Ewropew tal-Kummissjoni Ewropea li għandha tiġi ppubblikata f’Marzu 2013. Barra minn hekk, l-EEA ser issostni l-istrateġija b’valutazzjoni ta’ għażla ta’ azzjonijiet ta’ adattament tul l-Ewropa, li għandha tiġi ppubblikata kmieni fl-2013.

Il-websajt Climate-ADAPT jinkludi ammont kbir ta’ informazzjoni maħsuba biex tassisti fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta’ adattamenti għat-tibdil fil-klima.

Permalinks

Geographic coverage