li jmiss
preċedenti
punti

News

L-Istati Membri tal-UE jeħtieġu aktar ambizzjoni biex jilħqu l-mira konġunta tal-enerġija rinnovabbli

Biddel il-lingwa
News Ippubblikat 13 Feb 2019 Mibdul l-aħħar 08 Mar 2019
3 min read
Photo: © Tim Laws, WaterPIX /EEA
Is-sehem ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli fl-użu tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea (UE) rdoppja mill-2005 ’l hawn, iżda dan it-tkabbir beda jonqos f’dawn l-aħħar snin, speċjalment minħabba ż-żieda fil-konsum tal-enerġija u n-nuqqas ta’ progress fis-settur tat-trasport. Ir-rapport il-ġdid tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) juri li jeħtieġ li l-Istati Membri tal-UE jżidu l-isforzi tagħhom biex jilħqu l-mira għall-2020 tal-enerġija rinnovabbli.

Ir-rapport tal-EEA “Renewable energy in Europe — 2018” (‘L-enerġija rinnovabbli fl-Ewropa - 2018’) jiddeskrivi l-progress fl-użu tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fl-UE, abbażi tad-data uffiċjali għall-2016 u l-istimi preliminari tal-EEA għall-2017.

Ir-rapport juri li l-sehem ta’ enerġija rinnovabbli fl-użu tal-enerġija finali fl-UE żdied minn 16.7 % fl-2015 għal 17.0 % fl-2016 u għal madwar 17.4 % fl-2017. Għalkemm l-UE kompliet tagħmel progress biex tikseb il-mira tagħha għall-2020 għas-sehem ta’ 20 % ta’ enerġija rinnovabbli fl-konsum tal-enerġija finali gross, żidiet riċenti fil-konsum finali tal-enerġija f’xi Stati Membri qed idewmu r-ritmu ta’ tkabbir fis-sehem ta’ enerġija rinnovabbli mal-UE kollha.

Sabiex jilħqu l-mira għall-2030, jeħtieġ li b’mod kollettiv, l-Istati Membri tal-UE iżidu s-sehem tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għal tal-anqas 32 % tal-konsum tal-enerġija finali gross. Ir-rapport tal-EEA juri li, bħalissa, l-użu tal-enerġija rinnovabbli fl-Istati Membri individwali jvarja b’mod wiesa’, bejn 'il fuq minn 30 % tal-konsum tal-enerġija finali gross fl-Awstrija, fid-Danimarka, fil-Finlandja, fil-Latvja u fl-Iżvezja għal anqas minn 9 % fil-Belġju, fil-Lussemburgu, f’Malta u fl-Olanda.

Sejbiet ewlenin oħrajn

Fl-2017, 85 % tal-kapaċità tal-enerġija li kienet għadha kemm ġiet installata fl-UE, kienet ta’ oriġini rinnovabbli. Tliet kwarti minn din il-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli l-ġdida, ġiet minn enerġija tar-riħ u mill-fotovoltajċi solari. Terz mill-elettriku kollu kkunsmat fl-UE fl-2016 u fl-2017 oriġina minn sorsi rinnovabbli.

It-tisħin u t-tkessiħ jibqgħu s-settur dominanti tas-suq għall-enerġija rinnovabbli fl-UE, b’sehem ta’ madwar 19 % tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fl-2016 u fl-2017. Is-settur tat-trasport għadu lura ħafna b’sehem ta’ 7 % biss tal-użu tal-enerġija rinnovabbli fl-istess snin. Il-biċċa l-kbira tal-enerġija rinnovabbli użata għat-trasport ġejja mill-bijofjuwils. Bijofjuwils iċċertifikati li jikkonformaw mal-kriterji ta’ sostenibbiltà skont id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli jistgħu biss jitqiesu għal dawn il-miri.

Skont ir-rapport, l-UE għadha l-pijunier globali fil-kapaċità tal-elettriku rinnovabbli per capita, iżda ċ-Ċina issa qed tinvesti aktar f’kapaċità ġdida. Is-sehem ta’ impjiegi relatati mal-enerġija rinnovabbli fil-forza tax-xogħol qed javvanza ukoll aktar malajr fil-Brażil u fiċ-Ċina milli fl-UE.

Iż-żieda fl-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli ppermetta lill-UE tnaqqas id-domanda tagħha għall-fjuwils fossili u l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra assoċjati tagħhom. Skont l-analiżi tal-EEA, l-emissjonijiet totali ta’ gassijiet serra tal-UE kienu jkunu 9 % ogħla fl-2016, u 10 % ogħla fl-2017, jekk l-użu dejjem jiżdied ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli mill-2005 ma ssostittwixxix 11 % tal-konsum gross intern tal-fjuwils fossili tal-UE matul dan il-perjodu.

Ir-rapporti “Renewable energy in Europe” (‘L-enerġija rinnovabbli fl-Ewropa’) jikkumplimentaw il-valutazzjoni annwali tal-EEA tal-progress lejn il-miri tal-klima u tal-enerġija tal-UE fil-pubblikazzjoni Trends and projections in Europe 2018 (Xejriet u projezzjonijiet fl-Ewropa 2018).

Permalinks

Geographic coverage

Temporal coverage

Dokument ta’ Azzjonijiet