All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
News
Ir-rapport tal-EEA “Renewable energy in Europe — 2018” (‘L-enerġija rinnovabbli fl-Ewropa - 2018’) jiddeskrivi l-progress fl-użu tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fl-UE, abbażi tad-data uffiċjali għall-2016 u l-istimi preliminari tal-EEA għall-2017.
Ir-rapport juri li l-sehem ta’ enerġija rinnovabbli fl-użu tal-enerġija finali fl-UE żdied minn 16.7 % fl-2015 għal 17.0 % fl-2016 u għal madwar 17.4 % fl-2017. Għalkemm l-UE kompliet tagħmel progress biex tikseb il-mira tagħha għall-2020 għas-sehem ta’ 20 % ta’ enerġija rinnovabbli fl-konsum tal-enerġija finali gross, żidiet riċenti fil-konsum finali tal-enerġija f’xi Stati Membri qed idewmu r-ritmu ta’ tkabbir fis-sehem ta’ enerġija rinnovabbli mal-UE kollha.
Sabiex jilħqu l-mira għall-2030, jeħtieġ li b’mod kollettiv, l-Istati Membri tal-UE iżidu s-sehem tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għal tal-anqas 32 % tal-konsum tal-enerġija finali gross. Ir-rapport tal-EEA juri li, bħalissa, l-użu tal-enerġija rinnovabbli fl-Istati Membri individwali jvarja b’mod wiesa’, bejn 'il fuq minn 30 % tal-konsum tal-enerġija finali gross fl-Awstrija, fid-Danimarka, fil-Finlandja, fil-Latvja u fl-Iżvezja għal anqas minn 9 % fil-Belġju, fil-Lussemburgu, f’Malta u fl-Olanda.
Fl-2017, 85 % tal-kapaċità tal-enerġija li kienet għadha kemm ġiet installata fl-UE, kienet ta’ oriġini rinnovabbli. Tliet kwarti minn din il-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli l-ġdida, ġiet minn enerġija tar-riħ u mill-fotovoltajċi solari. Terz mill-elettriku kollu kkunsmat fl-UE fl-2016 u fl-2017 oriġina minn sorsi rinnovabbli.
It-tisħin u t-tkessiħ jibqgħu s-settur dominanti tas-suq għall-enerġija rinnovabbli fl-UE, b’sehem ta’ madwar 19 % tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fl-2016 u fl-2017. Is-settur tat-trasport għadu lura ħafna b’sehem ta’ 7 % biss tal-użu tal-enerġija rinnovabbli fl-istess snin. Il-biċċa l-kbira tal-enerġija rinnovabbli użata għat-trasport ġejja mill-bijofjuwils. Bijofjuwils iċċertifikati li jikkonformaw mal-kriterji ta’ sostenibbiltà skont id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli jistgħu biss jitqiesu għal dawn il-miri.
Skont ir-rapport, l-UE għadha l-pijunier globali fil-kapaċità tal-elettriku rinnovabbli per capita, iżda ċ-Ċina issa qed tinvesti aktar f’kapaċità ġdida. Is-sehem ta’ impjiegi relatati mal-enerġija rinnovabbli fil-forza tax-xogħol qed javvanza ukoll aktar malajr fil-Brażil u fiċ-Ċina milli fl-UE.
Iż-żieda fl-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli ppermetta lill-UE tnaqqas id-domanda tagħha għall-fjuwils fossili u l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra assoċjati tagħhom. Skont l-analiżi tal-EEA, l-emissjonijiet totali ta’ gassijiet serra tal-UE kienu jkunu 9 % ogħla fl-2016, u 10 % ogħla fl-2017, jekk l-użu dejjem jiżdied ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli mill-2005 ma ssostittwixxix 11 % tal-konsum gross intern tal-fjuwils fossili tal-UE matul dan il-perjodu.
Ir-rapporti “Renewable energy in Europe” (‘L-enerġija rinnovabbli fl-Ewropa’) jikkumplimentaw il-valutazzjoni annwali tal-EEA tal-progress lejn il-miri tal-klima u tal-enerġija tal-UE fil-pubblikazzjoni Trends and projections in Europe 2018 (Xejriet u projezzjonijiet fl-Ewropa 2018).
For references, please go to https://eea.europa.eu./mt/highlights/l-istati-membri-tal-ue or scan the QR code.
PDF generated on 06 Nov 2024, 02:19 AM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn