All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
News
Huwa ta’ inkoraġġiment kbir li naraw li qegħdin dejjem jiżdiedu s-siti tal-għawm fl-Ewropa li jilħqu l-ogħla standards ta’ kwalità. Dan huwa ta’ għajnuna għall-Ewropej biex ikollhom l-informazzjoni biex jagħmlu l-għażliet tagħhom u jippjanaw liema siti tal-għawm se jżuru das-sajf. Juri wkoll l-effikaċja tal-politiki ambjentali tagħna, u l-vantaġġi prattiċi għall-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u għall-ħajja tagħna ta’ kuljum, meta jkun hemm ġbir u analiżi eċċellenti tad-dejta
Hans Bruyninckx, Id-Direttur Eżekuttiv tal-EEA
Ir-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (l-EEA) u tal-Kummissjoni Ewropea jikkonferma li fil-bajjiet u fil-postijiet tal-għawm fl-Ewropa hemm xejra pożittiva, li ilha tul dawn l-aħħar 40 sena, ta’ ilma li kull ma jmur qiegħed jindaf. Għall-evalwazzjoni nġabru l-analiżijiet ta’ kampjuni ta’ ilma li ttieħdu minn aktar minn 21 000 sit tal-għawm kostali u interni, u dan jagħti indikazzjoni tajba għal dan is-sajf, ta’ fejn qegħdin l-aqwa siti bl-ogħla kwalità ta’ ilma. Jittieħdu kampjuni mill-ilma fis-siti tal-għawm u b'hekk l-ilma jiġi ssorveljat għal xi tniġġis fekali ġej minn xi dranaġġ jew minn xi bhejjem.
Bħalma rriżulta f’dawn l-aħħar snin, il-maġġoranza l-kbira tal-postijiet tal-għawm fl-Ewropa għandhom kwalità tajba ta’ ilma. Fl-2016, 96.3% tas-siti laħqu r-rekwiżiti minimi ta’ kwalità “suffiċjenti” stipulati fid-Direttiva dwar l-Ilma tal-Għawm tal-UE. Dan huwa kemmxejn ogħla mis-96.1% tal-2015. Aktar minn 85% (jiġifieri 85.5) tas-siti tal-għawm laħqu l-istandards l-aktar stretti tad-Direttiva biex l-ilma jiġi kklassifikat li jkun ta’ kwalità “eċċellenti”, li hija żieda fuq ir-riżultat ta’ 84.4% tal-2015.
Karmenu Vella, il-Kummissarju għall-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, qal: “Il-kwalità eċċellenti tal-ilma fis-siti tal-għawm Ewropej ma ġietx b’kumbinazzjoni. Hija r-riżultat tax-xogħol bieżel ta’ professjonisti dedikati. Dan juri kemm hu importanti li nrawmu l-politika tal-UE li tippromwovi l-impjiegi ekoloġiċi. Din is-sena, il-Ġimgħa Ekoloġika Ewropea, bejn id-29 ta’ Mejju u t-2 ta’ Ġunju, se tiċċelebra dan l-investiment. Il-professjonisti tekniċi tal-ilma, dawk li jilqgħu għall-għargħar, ix-xjenzjati tal-kimika ambjentali, il-maniġers tal-ilma użat, kollha kemm huma għandhom rwol essenzjali fiż-żamma ta’ standard għoli tal-ilma tal-għawm.”
Id-Direttur Eżekuttiv tal-EEA Hans Bruyninckx qal: “Huwa ta’ inkoraġġiment kbir li naraw li qegħdin dejjem jiżdiedu s-siti tal-għawm fl-Ewropa li jilħqu l-ogħla standards ta’ kwalità. Dan huwa ta’ għajnuna għall-Ewropej biex ikollhom l-informazzjoni biex jagħmlu l-għażliet tagħhom u jippjanaw liema siti tal-għawm se jżuru das-sajf. Juri wkoll l-effikaċja tal-politiki ambjentali tagħna, u l-vantaġġi prattiċi għall-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u għall-ħajja tagħna ta’ kuljum, meta jkun hemm ġbir u analiżi eċċellenti tad-dejta.”
Ir-rapport jittratta siti tal-għawm fl-UE, fl-Albanija u fl-Iżvizzera. L-ilma fis-siti tal-għawm Ewropej huwa ħafna aktar nadif milli kien erbgħin sena ilu, meta kien hemm kwantitajiet kbar ta’ ilma tad-dranaġġ muniċipali u industrijali mhux ittrattat jew ittrattat biss parzjalment li kienu jintremew fil-korpi tal-ilma naturali. Flimkien mar-rapport, l-EEA ippublikat mappa interattiva aġġornata li turi l-progress ta’ kull sit tal-għawm. Fis-siti dwar l-ilma tal-għawm tal-EEA u tal-Kummissjoni Ewropea jinsabu r-rapporti aġġornati dwar kull pajjiż u informazzjoni dwar id-Direttiva.
It-tniġġis fekali tal-ilma għadu riskju għas-saħħa tal-bniedem, speċjalment meta jkun fis-siti tal-għawm. L-għawm f’bajjiet jew f’lagi mniġġsa jista’ jikkawża l-mard. L-akbar sorsi tat-tniġġis huma d-dranaġġ u l-ilma li jiskula mill-irziezet u mill-art tal-biedja. Dan it-tniġġis jiżdied bix-xita qawwija u bl-għargħar minħabba t-tifwir tad-dranaġġ u l-ilma tad-dranaġġ imniġġes li jgħaddi għal ġox-xmajjar u l-baħar. L-Istati Membri tal-UE kollha u l-Albanija u l-Iżvizzera jissorveljaw is-siti tal-għawm tagħhom skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-Ilma tal-Għawm riveduta. Il-leġiżlazzjoni tispeċifika kif għandha tiġi kklassifikata l-kwalità tal-ilma bħala “eċċellenti”, “tajba”, “suffiċjenti” jew “inferjuri” skont il-livelli tal-batterji fekali li jinsabu fih. Fejn l-ilma jiġi kklassifikat ta’ kwalità “inferjuri” l-Istati Membri għandhom iwettqu għadd ta’ miżuri bħall-projbizzjoni tal-għawm jew itellgħu l-avviżi bil-parir li n-nies m’għandhomx jgħumu f’dak il-post, jipprovdu l-informazzjoni lill-pubbliku, u għandhom ukoll iwettqu l-miżuri korrettivi addattati.
Għal aktar tagħrif dwar il-Ġimgħa Ekoloġika Ewropea 2017 mur fuq: www.eugreenweek.eu
For references, please go to https://eea.europa.eu./mt/highlights/illum-aktar-minn-qatt-qabel or scan the QR code.
PDF generated on 23 Nov 2024, 01:16 AM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn