All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Article
L-iskema ta’ ġestjoni u verifika ambjentali tal-UE, jew l-EMAS fil-qosor, hija għodda ta’ ġestjoni ambjentali volontarja għall-kumpaniji u organizzazzjonijiet oħra. L-EMAS tintuża għall-evalwazzjoni, għar-rapportar u għat-titjib tal-prestazzjoni ambjentali tal-organizzazzjoni, pereżempju, billi jitnaqqsu l-konsum tal-enerġija, il-konsum tal-karti, il-ġenerazzjoni tal-iskart, l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u l-bqija. L-EMAS twaqqfet mill-Kummissjoni Ewropea fl-1993.
Jekk sistema ta’ ġestjoni ambjentali ta’ organizzazzjonijiet tkun issegwi l-linji gwida tar-Regolament EMAS, din tista’ tiġi rreġistrata fl-EMAS. Bħalissa, hemm aktar minn 4 600 organizzazzjoni rreġistrati fl-EMAS.
L-EEA għandha l-mandat li tgħin biex jinkiseb titjib sinifikanti u li jista’ jitkejjel fl-ambjent tal-Ewropa u li tappoġġja l-iżvilupp sostenibbli. Minħabba dan, nagħrfu li għandna responsabbiltà ċara fejn tidħol il-ġestjoni tal-prestazzjoni ambjentali tagħna stess.
Bħal kull organizzazzjoni, aħna nikkunsmaw ir-riżorsi naturali u nħallu impatt fuq l-ambjent bl-operazzjonijiet tagħna ta’ kuljum. Waqqafna sistema ta’ ġestjoni ambjentali biex dawn l-impatti jinżammu f’minimu u biex kontinwament intejbu l-prestazzjoni ambjentali tagħna b’mod strutturat. Is-sistema ta’ ġestjoni ambjentali tagħna ssegwi r-regoli tar-Regolament EMAS, u l-EEA ġiet irreġistrata fl-EMAS fl-2005.
Irridu noħolqu Aġenzija li topera b’mod kemm jista’ jkun sostenibbli, u bl-EMAS nistgħu niżguraw il-kredibbiltà u trasparenza sħiħa. Is-sistema ta’ ġestjoni ambjentali tagħna u t-titjib kontinwu tal-prestazzjoni ambjentali tagħna jiġu vvalutati kull sena minn verifikatur terz u kull sena nippubblikaw l-indikaturi tal-prestazzjoni ambjentali, il-miri u l-pjanijiet ta’ azzjoni tagħna fir-rapport tad-dikjarazzjoni ambjentali tal-EEA.
Il-prestazzjoni ambjentali tal-EEA fl-2020 ovvjament kienet influwenzata ħafna mill-pandemija tal-COVID-19, li rriżultat f’konsum konsiderevolment aktar baxx tal-elettriku, konsum tal-karti u emissjonijiet tas-CO2 mill-ivvjaġġar u mil-laqgħat tan-negozju .
Aħna nqisu l-impatti tal-pandemija tal-COVID-19 bħala katalizzatur għal żviluppi li kieku kienu jieħdu diversi snin biex iseħħu: pereżempju, l-uffiċċju mingħajr karti u l-użu mifrux tal-vidjokonferenzi minflok laqgħat wiċċ imb wiċċ. Ladarba noħorġu mill-pandemija, se jkun importanti li jinżammu l-prattiki u d-drawwiet utli u li tiżdied din is-sensibilizzazzjoni. Irridu nippruvaw nevitaw effetti ta’ rikorrenza potenzjali, pereżempju jekk il-membri tal-persunal jerġgħu lura għall-prattiki preċedenti ta’ stampar fl-uffiċċju, jew effetti ta’ rikorrenza assoċjati ma’ żieda fit-telework, bħal konsum akbar tal-elettriku fl-uffiċċju tad-dar.
L-organizzazzjonijiet qed ikunu dejjem aktar fiċ-ċentru tal-attenzjoni u taħt skrutinju mill-partijiet ikkonċernati tagħhom fir-rigward tal-prestazzjoni ambjentali tagħhom, speċjalment fir-rigward tal-impronta tal-karbonju tagħhom. Qed isir dejjem aktar importanti li organizzazzjoni tkun proattiva u tassumi r-responsabbiltà għall-impatti tagħha fuq l-ambjent u l-klima, mhux biss biex jiġu sostnuti l-valuri tal-organizzazzjoni, iżda wkoll biex jiġu ġestiti r-riskji u r-reputazzjoni. Bl-EMAS, tista’ tagħmel dan ix-xogħol b‘mod tajjeb u bi kredibbiltà.
Benefiċċji oħra għal organizzazzjoni jistgħu jkunu li jitnaqqsu l-ispejjeż għall-ġestjoni tar-riżorsi u tal-iskart, jiġu mminimizzati r-riskji, tiġi appoġġjata l-konformità regolatorja, u jitjiebu r-relazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati interni u esterni. Studju mill-Kummissjoni Ewropea wera li l-EMAS tista’ tgħin ukoll biex jinkiseb vantaġġ kompetittiv.
Is-sena l-oħra, iddeċidejna li ngħollu l-livell tal-ambizzjoni klimatika fil-politika ambjentali tal-EEA. Is-setturi kollha tal-ekonomija — kif ukoll il-korpi u l-istituzzjonijiet tal-UE — se jkunu jeħtieġu jikkontribwixxu għall-ambizzjoni tal-Ewropa li ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050. Għalhekk, l-EEA qed timmira li ssir organizzazzjoni newtrali għall-klima sal-2030 u li tappoġġja aġenziji Ewropej oħra lejn is-sostenibbiltà, speċjalment matul din is-sena meta l-EEA qed tippresjedi n-Network tal-Aġenziji tal-UE.
Il-provvista tal-elettriku tal-EEA diġà hija 100 % rinnovabbli, prinċipalment permezz tal-enerġija mir-riħ. L-emissjonijiet tas-CO2 relatati mal-ivvjaġġar tan-negozju tal-persunal u l-ivvjaġġar tal-viżitaturi huma kkumpensati. Il-kumpens jintuża biex jappoġġa proġetti ta’ effiċjenza enerġetika ċċertifikati bħala tal-ogħla standard fl-Afrika. Issa qed naħdmu biex nivvalutaw l-impronta tal-karbonju tagħna b’kamp ta’ applikazzjoni akbar u biex niżviluppaw pjan direzzjonali fattibbli biex sal-2030 niksbu newtralità klimatika. L-EEA hija impenjata bis-sħiħ lejn din l-azzjoni.
Melanie Sporer
Esperta dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u koordinatriċi tal-EMAS
For references, please go to https://eea.europa.eu./mt/articles/intejbu-l-prestazzjoni-ambjentali-fl-organizzazzjonijiet or scan the QR code.
PDF generated on 26 Nov 2024, 02:17 PM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn