li jmiss
preċedenti
punti

Press Release

It-trasport Ewropew qiegħed isir aktar ekoloġiku? Parzjalment.

Biddel il-lingwa
Press Release Ippubblikat 19 Apr 2010 Mibdul l-aħħar 03 Jun 2016
Topics:
Filwaqt li l-avvanzi teknoloġiċi qegħdin jipproduċu vetturi aktar nodfa, aktar u aktar passiġġieri u prodotti qegħdin jivjaġġaw distanzi itwal, biex b’hekk jiġu paċuti l-kisbiet fl-effiċjenza. Fuq il-bażi ta’ analiżi ta’ xejriet fit-tul, rapport ġdid tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (European Environment Agency - EEA) jitlob għal viżjoni ċara li tiddefinixxi s-sistema tat-trasport tal-Ewropa sal-2050 u linji politiċi konsistenti sabiex tinkiseb.

Fl-għaxar anniversarju tiegħu, ir-rapport TERM tal-EEA jippreżenta ħarsa ġenerali lejn l-impatt tat-trasport fuq l-ambjent, mibni fuq analiżi ta’ 40 indikatur rilevanti għall-politika. Is-sejbiet tar-rapport għall-perjodu 1997–2007 jippreżentaw stampa mħallta, b’xi titjib li sar fil-pollutanti tal-arja u tħassib serju rigward it-tkabbir persistenti fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra tat-trasport.

‘Matul l-aħħar għaxar snin aħna kkonċentrajna fuq miżuri biex intejbu l-mobilità, waqt li nifirdu l-emissjonijiet tat-trasport mit-tkabbir ekonomiku. Illum, nistgħu naraw li l-investiment estensiv fl-infrastruttura tat-trasport tatna ċ-ċans nivjaġġaw aktar sabiex nissodisfaw il-ħtiġijiet tagħna ta’ kuljum, iżda ma wassalx għal tnaqqis fl-ammont ta’ ħin li nkunu esposti għall-istorbju, il-konġestjoni u t-tniġġis tal-arja,’ qalet il-Professur Jacqueline McGlade, Direttriċi Eżekuttiva tal-EEA. ‘Fil-futur sejrin ikollna bżonn niffokaw mhux biss fuq il-mod tat-trasport, iżda wkoll fuq ir-raġunijiet għaliex in-nies jagħżlu li jivjaġġaw, għaliex fl-aħħar mill-aħħar il-mobilità hija marbuta intrinsikament mal-kwalità tal-ħajja tagħna.’

It-trasport, inkluż l-avjazzjoni internazzjonali u t-trasport marittimu, jammonta għal madwar kwart tal-emissjonijiet totali tal-gassijiet b’effett ta’ serra tal-UE. Kuntrarju għal xi setturi oħrajn, l-impatt tat-trasport fuq l-ambjent ikompli jkun marbut mill-qrib mat-tkabbir ekonomiku.

Tendenzi u sejbiet

  • It-trasport tal-merkanzija għandu t-tendenza li jikber b’rata ftit aktar mgħaġġla mill-ekonomija, bil-merkanzija bit-triq u bl-ajru jirreġistraw l-akbar żidiet fis-27 Stat Membru tal-UE (43 % u 35 %, rispettivament, bejn l-1997 u l-2007). Is-sehem tal-ferrovija u l-kanali interni tal-ilma fil-volumi totali tal-merkanzija naqsu matul dak il-perjodu.
  • L-istaġnar ekonomiku attwali naqqas il-volumi tat-trasport, iżda t-trasport mistenni jerġa’ lura għat-tkabbir tiegħu hekk kif l-ekonomija tibda tikber mill-ġdid.
  • It-trasport tal-passiġġieri kompla jikber, iżda b’rata aktar bil-mod mill-ekonomija. L-ivvjaġġar bl-ajru fi ħdan l-UE baqa’ l-qasam bl-aktar tkabbir mgħaġġel, b’żieda ta’ 48% bejn l-1997 u l-2007. Il-vjaġġi bil-karozzi baqgħu l-mod dominanti ta’ trasport, billi jammontaw għal 72 % tal-kilometri li jagħmlu l-passiġġieri kollha fis-27 Stat Membru tal-UE.
  • Fil-pajjiżi tal-EEA, l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra mit-trasport (esklużi l-avjazzjoni internazzjonali u t-trasport marittimu) żdiedu bi 28 % bejn l-1990 u l-2007, u issa jammontaw għal madwar 19 % tal-emissjonijiet totali.
  • Minkejja t-tnaqqis riċenti fl-emissjonijiet tal-pollutanti tal-arja, it-trasport bit-triq kien l-akbar emittur ta’ ossidi tan-nitroġenu u t-tieni l-akbar kontributur ta’ sustanzi ta’ tniġġis li jifformaw materji f’forma ta’ partikoli fl-2007.
  • Fost it-32 pajjiż tal-EEA, huma biss il-Ġermanja u l-Iżvezja li jinsabu mexjin fit-triq it-tajba biex jilħqu l-miri indikattivi tagħhom għall-2010 għall-użu tal-bijofjuwils.
  • It-traffiku tat-toroq għadu sa issa l-akbar sors ta’ esponiment għall-istorbju tat-trasport. In-numru ta’ nies esposti għal livelli ta’ storbju li jagħmlu l-ħsara, speċjalment bil-lejl, mistenni jiżdied sakemm ma jiġux żviluppati linji politiċi effettivi dwar l-istorbju u sussegwentement jiġu implimentati b’mod sħiħ.

Noti lill-editur

Sfond dwar ir-rapport

Ir-rapport tal-EEA, ‘Towards a resource-efficient transport system’ huwa l-pubblikazzjoni annwali għall-Mekkaniżmu ta’ Rappurtaġġ tal-Ambjent u t-Trasport (TERM) tal-EEA, li jimmonitorja l-progress u l-effettività tal-isforzi sabiex jiġu integrati strateġiji tat-trasport u l-ambjent.

Ir-rapporti ta’ TERM ilhom jiġu ppubblikati mis-sena 2000 u joffru għarfien importanti li jista’ jgħin fl-iżvilupp tal-linji politiċi tal-UE. Ir-rapport huwa mmirat biex ikopri l-pajjiżi membri kollha tal-EEA.

Dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA)

L-EEA hija bbażata f’Kopenħagen. L-Aġenzija għandha l-għan li tgħin sabiex jinkiseb titjib sinjifikanti u li jista’ jitkejjel fl-ambjent tal-Ewropa billi tipprovdi tagħrif f’waqtu, immirat, rilevanti u affidabbli lil dawk li jfasslu l-politika u lill-pubbliku.

Il-pajjiżi membri tal-EEA: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Iżlanda, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Liechtenstein, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, l-Olanda, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, ir-Repubblika Slovakka, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja, l-Iżvizzera, it-Turkija u r-Renju Unit.


Informazzjoni ta’ kuntatt

Għal mistoqsijiet tal-midja:


Is-Sra. Gülçin Karadeniz,

Uffiċjal tal-istampa

Telefon: +45 3336 7172

Mobile: +45 2368 3653 

gulcin.karadeniz@eea.europa.eu

 

Is-Sra. Iben Stanhardt

Uffiċjal tal-istampa

Telefon: +45 3336 7168
Mobile: +45 2336 1381

Iben.stanhardt@eea.europa.eu

Permalinks

Topics

Topics:
Dokument ta’ Azzjonijiet