li jmiss
preċedenti
punti

Press Release

Ilma ta' kwalità eċċellenti fil-biċċa l-kbira tas-siti għall-għawm tal-Ewropa

Biddel il-lingwa
Press Release Ippubblikat 23 May 2014 Mibdul l-aħħar 03 Jun 2016
Photo: © Ivo Pervan, Hrvatska turistička zajednica (Croatian National Tourist Board)
L-ilma fil-bajjiet, ix-xmajjar u l-lagi Ewropej kien ġeneralment ta’ kwalità għolja fl-2013, b’aktar minn 95 % ta’ dawn is-siti li jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi. Id-dejta turi li l-ilmijiet kostali kienu daqsxejn aħjar mill-ilmijiet interni għall-għawm.

Ma għadniex narmu kwantitajiet kbar ta’ drenaġġ direttament f’korpi tal-ilma. L-isfida tagħna llum ġejja mill-intensitajiet ta’ tniġġis fuq perjodu qasir li ġejjin minn xita qawwija u għargħar.

Hans Bruyninckx, id-Direttur Eżekuttiv tal-EEA

Is-siti għall-għawm kollha f’Ċipru u l-Lussemburgu kienu meqjusa bħala “eċċellenti”. Dawn il-pajjiżi kienu segwiti minn Malta (99 % eċċellenti), il-Kroazja (95 %) u l-Greċja (93 %). Fl-estrem l-ieħor, l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea bl-ogħla proporzjon ta’ siti bi status “ħżiena” kienu l-Estonja (6 %), il-Pajjiżi l-Baxxi (5 %), il-Belġju (4 %), Franza (3 %), Spanja (3 %) u l-Irlanda (3 %).

Ir-rapport annwali dwar il-kwalità tal-ilma għall-għawm mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) jivvaluta l-kwalità tal-ilma fi 22 000 sit għall-għawm madwar l-UE, l-Isvizzera u, għall-ewwel darba, fl-Albanija. Flimkien mar-rapport, l-EEA ippubblikat mappa interattiva li turi l-kundizzjoni ta' kull sit għall-għawm fl-2013.

Janez Potočnik, il-Kummissarju għall-Ambjent qal: “Huwa tajjeb li l-kwalità tal-ilmijiet Ewropej għall-għawm tkompli tkun ta’ standard għoli. Iżda b’riżorsa daqshekk prezzjuża bħall-ilma ma nistgħux noqogħdu idejna fuq żaqqna. Irridu nkomplu niżguraw li kemm l-ilma għall-għawm u l-ilma għax-xorb, kif ukoll l-ekosistemi akkwatiċi tagħna jkunu kompletament protetti.”

Hans Bruyninckx, id-Direttur Eżekuttiv tal-EEA, qal: “L-ilma għall-għawm fl-Ewropa tjieb f’dawn l-aħħar għoxrin sena – ma għadniex narmu kwantitajiet kbar ta’ drenaġġ direttament f’korpi tal-ilma. L-isfida tagħna llum ġejja mill-intensitajiet ta’ tniġġis fuq perjodu qasir li ġejjin minn xita qawwija u għargħar. Dawn jistgħu jfawwru s-sistemi tad-drenaġġ u jkaxkru l-batterji tal-ħmieġ mill-art agrikola lejn ix-xmajjar u l-ibħra”.

L-awtoritajiet lokali jimmonitorjaw l-ilmijiet fis-siti tal-għawm billi jiġbru kampjuni fir-rebbiegħa u matul l-istaġun tal-għawm. L-ilmijiet għall-għawm jistgħu jiġu kklassifikati bħala “eċċellenti”, “tajbin”, “tajbin biżżejjed” jew “ħżiena”. Il-klassifikazzjonijiet huma bbażati fuq il-livelli ta’ żewġ tipi ta’ batterji li jindikaw tniġġis mid-drenaġġ jew mill-bhejjem. Jekk dawn il-batterji jinbelgħu jistgħu jikkawżaw mard (bħar-remettar u d-dijarea).

Il-klassifikazzjonijiet tal-ilma għall-għawm ma jqisux l-iskart, it-tniġġis u aspetti oħra li jagħmlu ħsara lill-ambjent naturali. Għalkemm il-biċċa l-kbira tas-siti għall-għawm huma nodfa biżżejjed biex tiġi mħarsa s-saħħa tal-bniedem, ħafna ekosistemi f’korpi tal-ilma Ewropej jinsabu f’qagħda inkwetanti. Dan huwa evidenti fl-ibħra tal-Ewropa – valutazzjoni riċenti sabet li l-ekosistemi marittimi tal-Ewropa huma mhedda mit-tibdil fil-klima, mit-tniġġis, mis-sajd żejjed u mill-aċidifikazzjoni. Ħafna minn dawn ir-riskji mistennija li jiżdiedu.

L-ilma għall-għawm: sejbiet ewlenin

  • Għalkemm aktar minn 95 % tas-siti għall-għawm laħqu r-rekwiżiti minimi, 83 % biss laħqu l-livell aktar strett ta' “eċċellenti”.  2 % biss kienu ta’ kwalità ħażina.
  • Fl-2013, il-proporzjon tas-siti li ssodisfaw ir-rekwiżiti minimi kien bejn wieħed u ieħor l-istess bħal dak tal-2012. Madankollu, il-proporzjon ta’ siti “eċċellenti” żdied minn 79 % fl-2012 għal 83 % fl-2013.
  • Fil-bajjiet kostali, il-kwalità tal-ilma kienet daqsxejn aħjar, b’85 % tas-siti kklassifikati bħala eċċellenti. Il-bajjiet kostali kollha fis-Slovenja u Ċipru kienu kklassifikati bħala eċċellenti.
  • Il-kwalità tal-ilma għall-għawm fis-siti interni jidher li kienet kemxejn inqas mill-medja. Il-Lussemburgu kien l-uniku pajjiż li rċieva “eċċellenti” għas-siti tal-għawm interni kollha tiegħu, segwit mid-Danimarka b’94 % tas-siti bħala eċċellenti. Il-Ġermanja kisbet kwalità eċċellenti fi 92 % minn kważi 2 000 sit tal-għawm intern.

Għal aktar tagħrif żur

Permalinks

Geographic coverage

Temporal coverage

Dokument ta’ Azzjonijiet